2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/725

tas-26 ta’ Mejju 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Philip KERMODE

Aġent Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott li huwa kompost mill-ingredjenti li ġejjin (% skont il-piż):

idrokarburi (l-aktar paraffiniċi u nafteniċi) 94,4

aċetat tal-n-butil 5,6

Il-prodott huwa ppreżentat biex jintuża bħala solvent kompożitu organiku biex iħoll iż-żebgħa, il-verniċ u l-mastiċi.

Il-prodott huwa ppreżentat fi btieti ta’ 210 litru, f’kontenituri ta’ 1 000 litru jew sfuż.

3814 00 90

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 3814 00 u 3814 00 90 .

Il-klassifikazzjoni fl-Instestatura 2710 hija eskluża minħabba li s-solventi u t-thinners kompożiti organiċi huma speċifikati jew inklużi banda oħra (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda tas-Subintestaturi 2710 12 11 sa 2710 19 99 , il-punt II. 3., l-ittra (h)).

L-Intestatura 3814 tkopri s-solventi u t-thinners kompożiti organiċi li fihom aktar minn 70 % skont il-piż ta’ żejt tal-petroleum (ara wkoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-Intestatura 3814, l-ewwel paragrafu).

Il-kliem tal-Intestatura 3814 huwa aktar speċifiku mill-kliem tal-Intestatura 2710 peress li jkopri mhux biss il-kompożizzjoni iżda wkoll l-użu tal-prodott (ara wkoll l-opinjoni tal-klassifikazzjoni tas-Sistema Armonizzata 3814.00/3).

Għalhekk il-prodott irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 3814 00 90 , bħala solvent kompożitu organiku ieħor.