2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/724

tal-15 ta’ Mejju 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Philip KERMODE

Aġent Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett fil-forma ta’ ballun vojt minn ġewwa magħmul bir-raden, bl-istrixxi jew b’oġġetti simili tal-intestaturi 5404 jew 5405, b’fetħa tonda żgħira b’lamella ratba tal-plastik madwarha li permezz tagħha l-oġġett ikun jista’ jitpoġġa fuq, pereżempju, kurduni elettriċi tad-dwal (dawk l-imsejħa fairy lights).

L-oġġett jeżisti f’kuluri u f’daqsijiet differenti u huwa importat waħdu. Huwa mfassal biex jintuża bħala tiżjin waħdu jew pereżempju flimkien mal-fairy lights.

(Ara l-istampa) (*1)

5609 00 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata bir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-nota 7(f) u n-nota 8(a) tat-Taqsima XI u bit-test tal-kodiċi NM 5609 00 00 .

Il-klassifikazzjoni tal-oġġett taħt il-kodiċi NM 9405 99 00 bħala parti minn lampa elettrika (lampshade), mhux speċifikat jew inkluż banda oħra, hija eskluża, minħabba li l-oġġett mhuwiex identifikabbli permezz tal-forma jew tal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu bħala parti mfassla unikament jew prinċipalment għall-użu ma’ lampa elettrika (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-Kapitolu 94, Partijiet). L-oġġett huwa mfassal biex jintuża flimkien ma’ dwal diversi, ma’ oġġetti ta’ tiżjin oħrajn, jew inkella biex sempliċement jitqiegħed waħdu bħala tiżjin għall-ġewwa.

Għalhekk l-oġġett għandu jiġi kklassifikat skont il-materjal kostitwenti taħt il-kodiċi NM 5609 00 00 bħala oġġetti magħmulin bir-raden, bl-strixxi jew b’oġġetti simili tal-intestaturi 5404 jew 5405, spag, kurduni, ħbula jew gumna, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal finijiet ta’ informazzjoni.