29.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/712

tal-25 ta’ Mejju 2020

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti (aktar ’il quddiem imsejħa in-“NM”), li hija stabbilita fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Is-Subintestatura 2403 99 10 tan-NM tkopri “it-tabakk tal-magħda u t-tabakk tal-imnieħer”, li huma prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux.

(3)

Ir-Regolament (KEE) Nru 950/68 tal-Kunsill (2), li stabbilixxa t-Tariffa Doganali Komuni, il-predeċessur tan-NM, ġie adottat biss f’erba’ lingwi: il-Ġermaniż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Olandiż. F’dawk il-verżjonijiet lingwistiċi, il-prodotti li issa huma msemmija fis-subintestatura 2403 99 10 jissejħu “Kautabak und Schnupftabak” bil-Ġermaniż, “tabac à mâcher et tabac à priser” bil-Franċiż, “tabacco da masticare e tabacco da fiuto” bit-Taljan u “pruimtabak en snuif” bl-Olandiż.

(4)

Fil-verżjoni Ingliża tat-Tariffa Doganali Komuni, li tmur lura għall-1973, jiġifieri saret wara l-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bit-Taljan u bl-Olandiż, il-prodotti li issa huma msemmija fis-subintestatura 2403 99 10 jissejħu “chewing tobacco and snuff”.

(5)

Bl-Ingliż, il-kelma “snuff”, meta tintuża dwar il-prodotti tat-tabakk, tfisser preparat ta’ tabakk mitħun li jittieħed man-nifs mill-imnieħer, jintmagħad jew jitqiegħed mal-ħanek. Il-verżjoni bl-Ingliż tan-NM u xi verżjonijiet lingwistiċi oħra għalhekk wasslu għal konfużjoni ta’ jekk it-terminu “snuff” għandhux ikunu limitat għall-prodotti li jistgħu jittieħdu man-nifs mill-imnieħer jew jekk għandux jinkludi wkoll il-preparati tat-tabakk mitħun li jista’ jitqiegħed mal-ħanek.

(6)

Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti kollha tal-atti tal-Unjoni huma awtentiċi, iżda il-verżjonijiet lingwistiċi sussegwenti ma jistgħux jespandu jew jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Atti tal-Unjoni li jippreċedu dawk il-verżjonijiet lingwistiċi sussegwenti.

(7)

Huwa ċar mill-verżjonijiet lingwistiċi bil-Germaniż, bil-Franċiż, bit-Taljan u bl-Olandiż li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jillimita l-prodotti msemmija fis-Subintestatura 2403 99 10 tan-NM għat-tabakk li jintmagħad u għall-prodotti tat-tabakk li jistgħu jittieħdu man-nifs mill-imnieħer. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tan-NM fl-Unjoni kollha u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li l-kliem tas-Subintestatura 2403 99 10 jiġi emendat biex jiġi ċċarat li t-tifsira tat-termini “snuff” għandha tiġi limitata għat-tabakk nażali.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

 

Ir-ringiela għall-kodiċi NM 2403 99 10 tal-Kapitolu 24 tal-Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 hija sostitwita b’dan li ġej:

“2403 99 10

--- It-tabakk li jintmagħad u t-tabakk nażali (snuff)

41,6

—”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Philip KERMODE

Aġent Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni ul-Unjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Règlement (CEE) n° 950/68 du Conseil, du 28 juin 1968, relatif au tarif douanier commun (ĠU L 172, 22.7.1968, p. 1) (Ir-Regolament (KEE) Nru 950/68 tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1968 dwar it-Tariffa Doganali Komuni).