4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 139/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/606

tat-4 ta' Mejju 2020

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/1716 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1716 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/1716.

(2)

Fl-14 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet li fihom fakkar fit-tħassib tiegħu rigward is-sitwazzjoni politika u soċjali li sejra għall-agħar fin-Nikaragwa u fil-kundanna qawwija tar-repressjoni mill-forzi tas-sigurtà u gruppi armati progovernattivi kontra avversarji politiċi, dimostranti, mezzi tax-xandir indipendenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li kienet ilha għaddejja minn April 2018. L-Unjoni affermat ukoll id-determinazzjoni tagħha li tuża l-istrumenti kollha tagħha biex tappoġġa soluzzjoni paċifika u negozjata għall-kriżi u l-intenzjoni tagħha li ssegwi s-sitwazzjoni fil-pajjiż mill-qrib sabiex tirreaġixxi għal aktar deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

(3)

Il-Kunsill, filwaqt li jissottolinja t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza demokratika, adotta miżuri restrittivi u nnota li dawk il-miżuri għandhom jintużaw b’mod gradwali u flessibbli u li jistgħu jinżdiedu deżinjazzjonijiet speċifiċi fil-każ ta’ staġnar kontinwu u aktar deterjorament tad-drittijiet fir-rigward tad-bniedem u l-istat tad-dritt.

(4)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi kontinwa fin-Nikaragwa, jenħtieġ li sitt persuni jinżdiedu fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi stipulati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716 huwa emendat kif jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-4 ta' Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)   ĠU L 262, 15.10.2019, p. 1.


ANNESS

Il-entitajiet li ġejjin għandhom jinżdiedu taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2” li fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Ramón Antonio AVELLÁN MEDAL

Data tat-twelid: 11 ta’ Novembru 1954

Post tat-twelid: Jinotepe, in-Nikaragwa

Numru tal-passaport: A0008696

Maħruġ: 17 ta’ Ottubru 2011

Validu sa: 17 ta’ Ottubru 2021

Ġeneru: raġel

Deputat Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) u eks kap tal-pulizija f’Masaya. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi kkoordina r-repressjoni tad-dimostranti f’Masaya fl-2018.

4.5.2020

2.

Sonia CASTRO GONZÁLEZ

Data tat-twelid: 29 ta’ Settembru 1967

Post tat-twelid: Carazo, in-Nikaragwa

Numru tal-passaport: A00001526

Maħruġ: 19 ta’ Novembru 2019

Validu sa: 19 ta’ Novembru 2028

Numru tal-ID: 0422909670000N

Ġeneru: mara

Konsulent speċjali għall-President tan-Nikaragwa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u eks Ministru għas-Saħħa. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi xekklet l-aċċess għal assistenza medika ta’ emerġenza għall-popolazzjoni ċivili midruba involuta fid-dimostrazzjonijiet u ordnat lill-persunal tal-isptarijiet biex jirrapportaw lid-dimostranti li ttieħdu l-isptar mill-pulizija.

4.5.2020

3.

Francisco Javier DÍAZ MADRIZ

Data tat-twelid: 3 ta’ Awwissu 1961

Ġeneru: raġel

Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) mit-23 ta’ Awwissu 2018 u eks Deputat Direttur Ġenerali tal-NNP. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi mexxa l-forzi tal-pulizija biex iwettqu vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u tortura.

4.5.2020

4.

Néstor MONCADA LAU

Data tat-twelid: 2 ta’ Marzu 1954

Ġeneru: raġel

Konsulent personali għall-President tan-Nikaragwa dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali. F’din il-kapaċità, huwa kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali u għall-istabbiliment ta’ politiki repressivi mwettqa mill-Istat tan-Nikaragwa kontra persuni li jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet, rappreżentanti tal-oppożizzjoni u ġurnalisti fin-Nikaragwa minn April 2018 ’il quddiem.

4.5.2020

5.

Luís PÉREZ OLIVAS

Data tat-twelid: 8 ta’ Jannar 1956

Ġeneru: raġel

Kummissarju Ġenerali u Uffiċjal Prinċipali għall-Assistenza Legali (DAEJ) fiċ-ċentru penitenzjarju “El Chipote”. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura, l-użu ta’ forza estensiva, it-trattament ħażin tad-detenuti u forom oħra ta’ trattament degradanti.

4.5.2020

6.

Justo PASTOR URBINA

Data tat-twelid: 29 ta’ Jannar 1956

Ġeneru: raġel

Kap tal-Unità tal-Operazzjonijiet Speċjali tal-Pulizija (DOEP). Kien direttament involut fl-implimentazzjoni ta’ politiki repressivi kontra d-dimostranti u l-oppożizzjoni fin-Nikaragwa, b’mod partikolari f’Managua. F’dan il-kuntest, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

4.5.2020”