4.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/26 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/596
tat-30 ta’ April 2020
li jagħti għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar u li jiffissa l-ammont tal-għajnuna bil-quddiem
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,
Billi:
(1) |
Minħabba r-restrizzjonijiet estensivi tal-moviment mdaħħla fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija attwali tal-COVID-19, il-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti taċ-ċanga, bħall-irbiebi ta’ wara intiżi għall-produzzjoni ta’ qatgħat ta’ stejks differenti għall-industrija tal-ospitalità u l-catering, intlaqat ħażin ħafna. L-industrija tal-ospitalità u l-catering hija responsabbli għal madwar 70% tad-domanda domestika tal-Unjoni ta’ qatgħat ta’ stejks differenti prodotti mill-irbiebi ta’ wara. Għaldaqstant, dawk l-irbiebi ta’ wara issa ġew destinati għall-produzzjoni ta’ prodotti oħrajn ta’ laħam bovin u għalhekk il-prezzijiet diġà waqgħu. |
(2) |
Minħabba l-bidla fix-xejra tal-konsum taċ-ċanga, kien hemm waqgħa qawwija fid-domanda għal ċerti prodotti taċ-ċanga. Għaldaqstant, is-settur taċ-ċanga qed iħabbat wiċċu ma’ disturb tas-suq minħabba żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda. Dan għandu impatt negattiv sinifikanti fuq il-marġni fis-settur u jhedded il-vijabbiltà finanzjarja tal-bdiewa tal-Unjoni. Jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri kontra dan id-disturb fis-suq, il-prezzijiet tal-prodotti taċ-ċanga fl-Unjoni mistennija jitgħawru u d-daqqa ’l isfel mistennija tkompli. |
(3) |
Ir-ristrezzjonijiet estensivi tal-moviment laqtu wkoll id-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol fil-biċċeriji u l-ipproċessar tal-ikel u naqqsu l-kapaċitajiet fit-trasport u l-loġistika. |
(4) |
Id-diffikultajiet ta’ bħalissa u b’mod partikolari l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-laħam bovin jistgħu jittaffew billi jinħażnu l-irbiebi ta’ wara intiżi għall-produzzjoni ta’ prodotti li kienu jkunu ddestinati fil-maġġorparti tagħhom lejn l-industrija tal-ospitalità u l-catering. |
(5) |
Biex jitnaqqas l-iżbilanċ attwali bejn il-provvista u d-domanda, li min-naħa tiegħu jimbotta ’l isfel il-prezzijiet tal-prodotti tal-laħam bovin kollha, u sabiex jittaffew dawk il-kundizzjonijiet tas-suq diffiċli, jixraq li tingħata għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar. |
(6) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Ħlief fejn ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 jeħtieġ li japplikaw għall-għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar. |
(7) |
Jenħtieġ li l-ammont tal-għajnuna jiġi ffissat bil-quddiem sabiex ikun hemm sistema operazzjonali rapida u flessibbli. F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħżin u elementi rilevanti oħra tas-suq. Jixraq li l-għajnuna tiġi ffissata għall-perjodu ta’ ħażna totali abbażi tal-kostijiet għat-trasferiment u l-irkupru mill-ħażna, il-kostijiet ta’ kuljum tal-faċilitajiet tal-ħażna mkessħa u l-kumpens parzjali għat-telf fil-valur ta’ ċanga friska jew imkessħa li tiġi ffriżata. |
(8) |
Sabiex l-għajnuna għall-ħżin privat tkun effettiva u jkollha impatt reali fuq is-suq, l-għajnuna jenħtieġ li tingħata biss għall-prodotti li jkun għadhom ma nħażnux. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li jiġi ffissat il-perjodu tal-ħżin. |
(9) |
Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kwantità minima ta’ prodotti li kull applikazzjoni trid tkopri. |
(10) |
Sabiex tiġi ggarantita s-serjetà tal-applikazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-miżura jkollha l-effett mixtieq fuq is-suq, jenħtieġ li tiġi ffissata garanzija. |
(11) |
Il-miżuri introdotti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post marbutin mal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li l-Istati Membri li jintlaqtu minn dawk il-miżuri jingħataw il-flessibbiltà billi jittawlilhom il-perjodu biex jagħmlu l-kontrolli tad-dħul fil-post tal-ħżin jew billi jitħallew jissostitwixxu dawn il-kontrolli bl-użu ta’ provi rilevanti oħrajn, u billi ma jkunux obbligati jwettqu l-kontrolli għall-għarrieda. Għalhekk huwa xieraq li tiddaħħal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. |
(12) |
L-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 jipprevedi li l-Istati Membri jenħtieġ li darba fil-ġimgħa jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet ammissibbli. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-amministrazzjoni x-xierqa tal-ammonti disponibbli għall-għajnuna, huma meħtieġa notifiki aktar frekwenti għall-ġestjoni effettiva tal-iskema. |
(13) |
Sabiex dan ir-Regolament ikollu impatt immedjat fuq is-suq u jikkontribwixxi biex il-prezzijiet jistabbilizzaw ruħhom, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(14) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jipprevedi għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar, kif imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1308/2013, li minn hawn ’il quddiem tissejjaħ l-“għajnuna”.
2. Għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Prodotti eliġibbli
1. Il-lista tal-prodotti li huma eliġibbli għall-għajnuna hija stabbilita fl-Anness.
2. Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna, il-laħam għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli ġusta u tajba u għandu joriġina mill-Unjoni. Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima III tal-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238.
3. L-għajnuna għandha tingħata biss għall-kwantitajiet ta’ laħam frisk jew imkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar li għadhom ma nħażnux.
Artikolu 3
Tressiq tal-applikazzjonijiet u ammissibbiltà tagħhom
1. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jiġu rreġistrati mis-7 ta’ Mejju 2020.
2. Kull applikazzjoni għandha tirreferi għall-prodotti elenkati fl-Anness, b’indikazzjoni għall-klassi ta’ konformità rilevanti.
3. Il-kwantità minima eliġibbli għal kull applikazzjoni għandha tkun ta’ 10 tunnellati.
Artikolu 4
Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin
1. L-ammonti rilevanti tal-għajnuna għal kull perjodu tal-ħżin huma stabbiliti fl-Anness.
2. Il-ħżin kuntrattwali għandu jintemm fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-ħżin.
3. L-għajnuna tista’ tingħata biss għal perjodu tal-ħżin ta’ 90, 120 jew 150 jum.
Artikolu 5
Garanzija
Meta titressaq applikazzjoni għall-għajnuna għall-prodotti eliġibbli għall-għajnuna, l-ammont tal-garanzija meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 4(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata.
Artikolu 6
Kontrolli
1. Bħala deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri mdaħħla fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-pandemija COVID-19, li minn hawn ’il qudddiem jissejħu “il-miżuri”, l-aġenzija tal-ħlas ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq fiż-żmien dovut l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membru kkonċernat jista’:
(a) |
jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) għat-twettiq ta’ dawk il-kontrolli b’perjodu massimu ta’ 30 jum wara li jintemmu l-miżuri; jew |
(b) |
jissostitwixxi dawk il-kontrolli fil-perjodu li matulu jkunu japplikaw il-miżuri bl-użu ta’ provi rilevanti, fosthom ta’ ritratti mmarkati bil-post ġeografiku u ta’ provi oħrajn f’format elettroniku. |
2. B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, hija ma għandhiex tkun obbligata twettaq il-kontrolli għall-għarrieda fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ il-miżuri.
Artikolu 7
Notifiki tal-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom
B’deroga mill-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni ammissibbli u bl-informazzjoni relatata magħhom, kif ġej:
(a) |
kull nhar ta’ Tnejn sa mhux aktar tard minn 12.00 (ħin ta’ Brussell), il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet ammissibbli nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ġimgħa tal-ġimgħa preċedenti; |
(b) |
kull nhar ta’ Ħamis sa mhux aktar tard minn 12.00 (ħin ta’ Brussell), il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet ammissibbli nhar ta’ Tnejn, nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Erbgħa tal-istess ġimgħa. |
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).
ANNESS
Lista ta’ prodotti eliġibbli għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u l-ammonti rilevanti ta’ għajnuna għal kull perjodu ta’ ħażna kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)
Kodiċi tan-nomenklatura doganali (kodiċi NM) tal-prodotti |
Deskrizzjoni |
Prodotti ta’ klassi ta’ konformità kif tistipula t-Taqsima III tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 |
Ammont ta’ għajnuna għal kull perjodu ta’ ħażna (EUR/tunnellata) |
||
90 jum |
120 jum |
150 jum |
|||
1 |
2 |
3 |
4 |
5 |
6 |
ex 0201 20 50 |
Irbiebi ta’ wara separati: Il-parti ta’ wara ta’ nofs karkassa, li tikkonsisti fl-għadam kollu u l-koxxa u l-lombata, inkluż il-flett, b’minimu ta’ tliet kustilji sħaħ jew imqatta’, bil jew bla qasba tas-sieq u bil jew bla l-ġemb l-irqiq. |
S: Superjuri E: Eċċellenti U: Tajjeb ħafna R: Tajjeb O: Medju |
1 008 |
1 033 |
1 058 |