4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/595

tat-30 ta’ April 2020

li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment introdotti fl-Istati Membri biex tiġi indirizzata l-pandemija attwali tal-COVID-19, il-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż, bħall-karkassi tal-ħrief u tal-mogħoż li jkollhom inqas minn tnax-il xahar, lill-industrija tal-ospitalità u tal-catering, ġie affettwat ħafna.

(2)

B’riżultat ta’ dan, kien hemm tnaqqis qawwi fid-domanda għal ċerti prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Għaldaqstant, is-settur tan-nagħaġ u tal-mogħoż qed iħabbat wiċċu ma’ disturb fis-suq minħabba l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda. Dan għandu impatt negattiv sinifikanti fuq il-marġni fis-settur u jhedded il-vijabbiltà finanzjarja tal-bdiewa tal-Unjoni. Jekk ma jittiħdux miżuri kontra dan id-disturb fis-suq, il-prezzijiet tal-prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Unjoni mistennija jonqsu u x’aktarx ikomplu jonqsu.

(3)

L-iżbilanċ attwali bejn il-provvista u d-domanda fis-swieq tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż jista’ jittaffa billi jinħażnu l-karkassi tal-annimali ovini u kaprini li jkollhom inqas minn tnax-il xahar li kienu jkunu maħsubin fil-biċċa l-kbira tagħhom għall-industrija tal-ospitalità u tal-catering.

(4)

Ir-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment introdotti fl-Istati Membri biex tiġi indirizzata l-pandemija attwali tal-COVID-19 affettwaw ukoll id-disponibbiltà tal-ħaddiema fil-biċċeriji u fl-impjanti tal-ipproċessar tal-ikel u naqqsu l-kapaċitajiet tat-trasport u tal-loġistika.

(5)

Sabiex jittaffew id-diffikultajiet attwali u b’mod partikolari biex jitnaqqas l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda, li min-naħa tiegħu jwassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti kollha tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż, u sabiex jittaffew dawk il-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq, huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam frisk jew imkessaħ tal-annimali ovini u kaprini li jkollhom inqas minn tnax-il xahar.

(6)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 jenħtieġ li japplikaw għall-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam frisk u mkessaħ tal-annimali ovini u kaprini li jkollhom inqas minn tnax-il xahar.

(7)

L-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li jiġi ffissat bil-quddiem sabiex ikun hemm sistema operazzjonali rapida u flessibbli. F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħżin u elementi rilevanti oħra tas-suq. Huwa xieraq li tiġi ffissata għajnuna għall-perjodu kollu tal-ħżin ibbażata fuq l-ispejjeż għat-tqegħid fil-post tal-ħżin u għat-tneħħija minnu, fuq l-ispejjeż tal-ħżin fil-kesħa għal kull jum u fuq il-kumpens parzjali għat-telf ta’ valur fil-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż minn dak frisk jew imkessaħ għal dak iffriżat.

(8)

Sabiex l-għajnuna għall-ħżin privat tkun effettiva u jkollha impatt reali fuq is-suq, l-għajnuna jenħtieġ li tingħata biss għall-prodotti li jkun għadhom ma nħażnux. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li jiġi ffissat il-perjodu tal-ħżin.

(9)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li tiġi ffissata l-kwantità minima ta’ prodotti li kull applikazzjoni trid tkopri.

(10)

Sabiex tiġi ggarantita s-serjetà tal-applikazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-miżura jkollha l-effett mixtieq fuq is-suq, jenħtieġ li tiġi ffissata garanzija.

(11)

Il-miżuri introdotti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post marbutin mal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li l-Istati Membri li jintlaqtu minn dawk il-miżuri jingħataw il-flessibbiltà billi jittawlilhom il-perjodu biex jagħmlu l-kontrolli tad-dħul fil-post tal-ħżin jew billi jitħallew jissostitwixxu dawn il-kontrolli bl-użu ta’ provi rilevanti oħrajn, u billi ma jkunux obbligati jwettqu l-kontrolli għall-għarrieda. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiddaħħal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(12)

L-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 jipprevedi li l-Istati Membri jenħtieġ li darba fil-ġimgħa jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet ammissibbli. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-amministrazzjoni x-xierqa tal-ammonti disponibbli għall-għajnuna, huma meħtieġa notifiki aktar frekwenti għall-ġestjoni effettiva tal-iskema.

(13)

Sabiex dan ir-Regolament ikollu impatt immedjat fuq is-suq u jikkontribwixxi biex il-prezzijiet jistabbilizzaw ruħhom, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi l-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam frisk jew imkessaħ tal-annimali ovini u kaprini li jkollhom inqas minn tnax-il xahar kif imsemmi fil-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-għajnuna”.

2.   Għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prodotti eliġibbli

1.   Il-lista tal-prodotti li huma eliġibbli għall-għajnuna hija stabbilita fl-Anness.

2.   Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna, il-laħam għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli ġusta u tajba u għandu joriġina mill-Unjoni. Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima III tal-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238.

3.   L-għajnuna għandha tingħata biss għall-kwantitajiet tal-laħam frisk jew imkessaħ li jkun għadhom ma nħażnux.

Artikolu 3

Tressiq tal-applikazzjonijiet u ammissibbiltà tagħhom

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mis-7 ta’ Mejju 2020 ’il quddiem.

2.   Kull applikazzjoni għandha tirreferi għall-prodotti elenkati fl-Anness, filwaqt li tindika l-kodiċi NM rilevanti.

3.   Il-kwantità eliġibbli minima għal kull applikazzjoni għandha tkun ta’ ħames tunnellati.

Artikolu 4

Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin

1.   L-ammonti rilevanti tal-għajnuna għal kull perjodu tal-ħżin huma stabbiliti fl-Anness.

2.   Il-ħżin kuntrattwali għandu jintemm fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-post tal-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss għal perjodu tal-ħżin ta’ 90, 120 jew 150 jum.

Artikolu 5

Garanzija

Meta titressaq applikazzjoni għall-għajnuna għall-prodotti eliġibbli għall-għajnuna, l-ammont tal-garanzija meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 4(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata.

Artikolu 6

Kontrolli

1.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri introdotti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-miżuri”, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament fiż-żmien dovut, l-Istat Membru kkonċernat jista’:

(a)

jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) biex iwettaq dawk il-kontrolli b’perjodu massimu ta’ 30 jum wara li jintemmu l-miżuri; jew

(b)

jissostitwixxi dawk il-kontrolli fil-perjodu li matulu jkunu japplikaw il-miżuri bl-użu ta’ evidenza rilevanti, inklużi ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew evidenza oħra f’format elettroniku.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, hija ma għandhiex tkun obbligata twettaq il-kontrolli għall-għarrieda fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ il-miżuri.

Artikolu 7

Notifiki tal-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom

B’deroga mill-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni ammissibbli u bl-informazzjoni relatata magħhom, kif ġej:

(a)

kull nhar ta’ Tnejn sa mhux aktar tard minn 12.00 (ħin ta’ Brussell), il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet ammissibbli nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ġimgħa tal-ġimgħa preċedenti;

(b)

kull nhar ta’ Ħamis sa mhux aktar tard minn 12.00 (ħin ta’ Brussell), il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet ammissibbli nhar ta’ Tnejn, nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Erbgħa tal-istess ġimgħa.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).


ANNESS

Lista ta’ prodotti eliġibbli għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u l-ammonti rilevanti tal-għajnuna għal kull perjodu tal-ħżin kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)

Kodiċi tan-nomenklatura doganali (kodiċi NM) tal-prodotti

Deskrizzjoni

Ammont tal-għajnuna għal kull perjodu tal-ħżin

(f’EUR/għal kull tunnellata)

90 jum

120 jum

150 jum

1

2

3

4

5

ex 0204 10 00

Karkassi u nofs karkassi tal-ħaruf, friski jew imkessħin, li jkollhom inqas minn tnax-il xahar

866

890

915

ex 0204 50 11

Karkassi u nofs karkassi tal-mogħoż, friski jew imkessħin, li jkollhom inqas minn tnax-il xahar