27.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/571

tal-24 ta’ April 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 u l-ħlas lura ta’ dazji miġbura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (2) ġew imposti dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Wara investigazzjoni ta’ rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 (3) (“il-miżuri fis-seħħ”). Sussegwentement, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4), li tagħmel diversi kumpaniji li qabel kienu soġġetti għal rata ta’ dazju ta’ dumping individwali ta’ 17,9 % soġġetti għar-rata ta’ dazju ta’ 36,1 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” u tirrevoka l-kodiċi addizzjonali TARIC individwali tagħhom.

(2)

Permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 il-kodiċi addizzjonali TARIC B632, li kien ġie attribwit lill-kumpanija Liling Jiaxing Ceramic Industrial Co., Ltd. [“Jiaxing”] ġie sostitwit bil-kodiċi addizzjonali TARIC B999. Il-Kummissjoni rrevokat il-kodiċi addizzjonali TARIC individwali abbażi tar-relazzjoni li kellha ma’ kumpanija oħra, li kellha kodiċi addizzjonali TARIC B610, li instab li kien jikkostitwixxi ċirkomvenzjoni (5). B’konsegwenza ta’ dan, l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina prodotti minn Jiaxing saru soġġetti għar-rata ta’ dazju ta’ 36,1 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” b’seħħ mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament, Jiaxing allegat li ma kinitx ġiet infurmata kif suppost dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibdel ir-rata ta’ dazju individwali tagħha u tagħmilha soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha. Jiaxing argumentat li għalhekk ma setgħetx teżerċita kompletament u b’mod effettiv id-dritt ta’ difiża. Barra minn hekk, hija ppreżentat evidenza li ma kellhiex aktar rabtiet mal-kumpanija bil-kodiċi addizzjonali TARIC B610.

(3)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li Jiaxing ma kinitx tqiegħdet f’pożizzjoni li teżerċita b’mod effettiv id-dritt tagħha ta’ difiża u li ma kien hemm l-ebda relazzjoni ma’ xi kumpanija oħra li nstabet qed tevadi. Għalhekk, ir-riżultat tal-investigazzjoni fil-konfront ta’ Jiaxing kien ikun differenti kieku ngħatat l-opportunità li teżerċita kompletament id-drittijiet ta’ difiża tagħha matul l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni.

(4)

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131, u li l-kodiċi addizzjonali TARIC B632 jiġi attribwit mill-ġdid lil Jiaxing Ceramic Industrial Co., Ltd., li l-importazzjonijiet tagħha kellhom jibqgħu jinżammu soġġetti għal rata ta’ dazju ta’ 17,9 %.

B.   APPLIKAZZJONI RETROATTIVA

(5)

L-importazzjonijiet minn Jiaxing lejn l-Unjoni ilhom soġġetti għal rata ta’ dazju ta’ 36,1 % mit-13 ta’ Diċembru 2019 meta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, daħal fis-seħħ. Kif spjegat fil-Premessi (3) u (4) hawn fuq, dawk l-importazzjonijiet kienu jkunu soġġetti għal rata ta’ dazju ta’ 17,9 % li kieku Jiaxing tqiegħdet f’pożizzjoni biex effettivament teżerċita d-drittijiet tagħha. Għalhekk, jitqies xieraq li l-kodiċi addizzjonali TARIC B632, soġġett għal rata ta’ dazju ta’ 17,9 %, jiġi applikat għall-kumpanija Liling Jiaxing Ceramic Industrial Co., Ltd. b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131.

(6)

Minn dan isegwi li l-ammont ta’ dazji definittivi mħallsa skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 għall-importazzjonijiet li jaqbżu r-rata ta’ dazju ta’ 17,9 %, għandu jitħallas lura jew jinħafer.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198, kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131, il-kumpanija li ġejja hija integrata mill-ġdid fil-lista ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw u li mhumiex fil-kampjun:

Kumpanija

Kodiċi Addizzjonali

TARIC

“Liling Jiaxing Ceramic Industrial Co., Ltd.

B632”

Artikolu 2

L-ammont ta’ dazji definittivi mħallsa skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jaqbeż id-dazju definittiv anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1 għandu jitħallas lura jew jitnaqqas.

Il-ħlas lura u r-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli fi żmien kif stipulat fl-Artikolu 121 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Meta ammont ikun irid jiġi rimborżat, l-imgħax li għandu jitħallas jeħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika b’mod retroattiv mit-13 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

(4)  ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/2131, il-Premessi (20) u (21).

(6)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1