7.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/502

tas-6 ta’ April 2020

dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2020, l-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”) adottaw miżuri ta’ salvagwardja fl-għamla ta’ żieda fit-tariffa fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li huma derivat tal-aluminju u ċerti prodotti li huma derivat tal-azzar, effettiva mit-8 ta’ Frar 2020 u b’durata illimitata.

(2)

Minkejja li l-Istati Uniti kkaratterizzaw dawn il-miżuri bħala miżuri ta’ sigurtà, essenzjalment dawn huma miżuri ta’ salvagwardja. Huma jikkonsistu f’azzjoni korrettiva li tfixkel il-bilanċ tal-konċessjonijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) u jirrestrinġu l-importazzjonijiet għall-fini tal-protezzjoni tal-industrija domestika kontra l-kompetizzjoni barranija, f’ġieh il-prosperità kummerċjali ta’ dik l-industrija. L-eċċezzjonijiet tas-sigurtà tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (“il-GATT tal-1994”) la japplikaw u lanqas jiġġustifikaw tali miżuri ta’ salvagwardja, u ma għandhom l-ebda rilevanza fuq id-dritt tal-ibbilanċjar mill-ġdid skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tad-WTO.

(3)

Il-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji jipprevedi d-dritt ta’ kull Membru esportatur milqut minn miżura ta’ salvagwardja li jissospendi l-applikazzjoni ta’ obbligi sostanzjalment ekwivalenti taħt il-GATT 1994 għall-kummerċ tal-Membru tad-WTO li japplika l-miżura ta’ salvagwardja, dment li ma tintlaħaq ebda soluzzjoni sodisfaċenti matul il-konsultazzjonijiet bejn dawk il-Membri u li l-Kunsill tad-WTO għall-Kummerċ fil-Merkanzija ma jkunx kontra dan.

(4)

Il-konsultazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni kif previsti fl-Artikoli 8 u 12.3 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji ma rriżulta f’ebda soluzzjoni sodisfaċenti (2).

(5)

Is-sospensjoni mill-Unjoni ta’ konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti jew ta’ obbligi oħra għandha ssir wara li jaslu fi tmiemhom it-30 jum wara n-notifika tagħha lill-Kunsill għall-Kummerċ fil-Merkanzija, dment li l-Kunsill għall-Kummerċ fil-Merkanzija ma jkunx kontra dan.

(6)

Il-Ftehim tad-WTO jippermetti l-eżerċitar tad-dritt tas-sospensjoni (a) immedjatament, dment li l-miżura ta’ salvagwardja ma tkunx ittieħdet b’riżultat ta’ żieda assoluta fl-importazzjonijiet, jew ma tkunx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, jew (b) wara li jiskadi perjodu ta’ tliet snin mill-applikazzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja.

(7)

Il-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti għandhom il-kapaċità li jkollhom impatt ekonomiku negattiv konsiderevoli fuq l-industriji tal-Unjoni kkonċernati. Dawn jillimitaw b’mod sinifikanti l-esportazzjonijiet tal-Unjoni tal-prodotti rilevanti ta’ derivati tal-aluminju u tal-prodotti rilevanti derivati tal-azzar lejn l-Istati Uniti. L-importazzjonijiet affettwati fl-Unjoni tal-prodotti rilevanti derivati tal-aluminju u tal-azzar lejn l-Istati Uniti kellhom valur ta’ kważi EUR 40 miljun fl-2019.

(8)

Għaldaqstant, sospensjoni ta’ konċessjonijiet kummerċjali fil-forma ta’ żieda fid-dazji doganali fuq prodotti magħżula li joriġinaw fl-Istati Uniti importati fl-Unjoni, li jirriflettu u ma jaqbżux l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dazji tal-Istati Uniti għall-importazzjonijiet tal-prodotti rilevanti derivati tal-aluminju u l-prodotti rilevanti derivati tal-azzar mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti, tirrappreżenta sospensjoni xierqa tal-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet kummerċjali sostanzjalment ekwivalenti f’konformità mal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji.

(9)

Il-Kummissjoni teżerċita d-dritt li tibbilanċja mill-ġdid il-konċessjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 654/2014. L-azzjoni adatta hija f'għamla ta’ miżuri tal-politika kummerċjali li għandhom jikkonsistu mis-sospensjoni tal-konċessjonijiet għat-tariffi u l-impożizzjoni ta’ dazji doganali ġodda jew miżjuda.

(10)

Fit-tfassil u l-għażla ta’ dawn il-miżuri, il-Kummissjoni applikat il-kriterji oġġettivi f'konformità mal-Artikolu 4(2)(c) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 654/2014, li jinkludu skont ir-rilevanza, il-proporzjonalità ta’ kull miżura, il-potenzjal tagħhom li joffru nifs għall-industriji tal-Unjoni milquta mill-miżuri ta’ salvagwardja, u l-għan li l-impatt ekonomiku negattiv fuq l-Unjoni jkun imminimizzat. F’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 654/2014, il-Kummissjoni provdiet opportunità lill-partijiet ikkonċernati li jesprimu l-fehmiet tagħhom u jippreżentaw informazzjoni li tirrigwarda l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni rilevanti (3).

(11)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni żgurat li d-dazji doganali addizzjonali huma proporzjonati mal-effett tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti u mhux eċċessivi, kif deskritt fil-premessi (8), (16) u (18).

(12)

Barra minn hekk, il-miżuri magħżula għandhom il-potenzjal li jipprovdu xi eżenzjoni lill-industriji tal-azzar u tal-aluminju tal-Unjoni affettwati mill-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti.

(13)

Fl-aħħar nett, dawn il-miżuri jikkonċernaw importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti li l-Unjoni mhijiex sostanzjalment dipendenti fuqhom għall-provvista tagħha. Dan l-approċċ jevita kemm jista’ jkun impatt negattiv fuq l-atturi diversi fis-suq tal-Unjoni, inklużi l-konsumaturi.

(14)

B’mod li jirrifletti r-rekwiżiti taż-żmien deskritti fil-premessa (6), u fin-nuqqas ta’ diżapprovazzjoni mill-Kunsill għall-Kummerċ fil-Prodotti kif imsemmi fil-premessa (5), id-dazji doganali addizzjonali għandhom japplikaw f’żewġ stadji.

(15)

Fl-ewwel stadju, dazju ad valorem ta’ 20 % u 7 % fuq importazzjonijiet tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(2)(a), għandu jiġi applikat mit-8 ta’ Mejju 2020 u sakemm l-Istati Uniti jieqfu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja taghħhom għall-prodotti mill-Unjoni.

(16)

L-ammont totali ta’ dazji ad valorem fl-ewwel stadju jirrifletti ż-żieda fit-tariffa tal-Istati Uniti ta’ 10 % u 25 % fuq l-importazzjonijiet ta’ stampar ta’ bumper tal-aluminju, li jinkludi partijiet u aċċessorji ta’ vetturi bil-mutur ta’ titoli 8701 sa 8705, u stampar ta’ bumper tal-azzar, li jinkludu partijiet u aċċessorji ta’ vetturi bil-mutur ta’ titli 8701 sa 8705 (it-tnejn deskritti fil-kodiċi HTS (4)8708 10 30), u stampar ta’ bodu tal-aluminju għal tratturi adatti għal użu agrikolu u stampar tal-bodi tal-azzar għal tratturi adatti għal użu agrikolu (it-tnejn deskritti taħt il-kodiċi HTS 8708 29 21) (5) mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti (EUR 19-il miljun f’valur totali ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni fl-Istati Uniti fl-2019). Dawn huma l-prodotti li dwarhom il-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti ma tteħdux minħabba żieda assoluta fl-importazzjonijiet.

(17)

Fit-tieni stadju, dazji ad valorem addizzjonali ulterjuri ta’ 4,4 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(2)(b), jistgħu jiġu applikati mit-8 ta’ Frar 2023 jew malli sseħħ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO li l-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, jew malli jkun innotifikat biha, jekk dan iseħħ qabel, sakemm il-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti jieqfu japplikaw.

(18)

L-ammont totali ta’ dazji ad valorem fit-tieni stadju jirrifletti ż-żieda fit-tariffa tal-Istati Uniti ta’ 10 % u 25 % fuq l-importazzjonijiet tal-bqija tal-prodotti rilevanti mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti (6) (EUR 21 miljun bħala valur totali tal-importazzjonijiet tal-Unjoni fl-Istati Uniti fl-2019). Dawn huma l-prodotti li dwarhom il-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti ma tteħdux minħabba żieda assoluta fl-importazzjonijiet.

(19)

Il-Kummissjoni tista’ temenda dan ir-Regolament biex tqis kull modifika jew emenda għall-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti, inkluż permezz tal-esklużjoni tal-prodott jew tal-kumpanija.

(20)

Dan ir-Regolament huwa bla preġudizzju għall-kwistjoni tal-konsistenza tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO.

(21)

Fid-dawl tal-limiti ta’ żmien applikabbli tad-WTO, ikun jixraq li dan l-att ikun jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(22)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ, imwaqqaf permezz tar-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni għandha, immedjatament u f’kull każ, mhux aktar tard mis-7 ta’ April 2020, tagħti avviż bil-miktub lill-Kunsill tad-WTO għall-Kummerċ fil-Merkanzija, li fin-nuqqas ta’ diżapprovazzjoni mill-Kunsill għall-Kummerċ fil-Merkanzija, l-Unjoni tissospendi, mit-8 ta’ Mejju 2020, l-applikazzjoni għall-kummerċ tal-Istati Uniti ta’ konċessjonijiet ta’ dazji tal-importazzjoni skont il-GATT tal-1994 fir-rigward tal-prodotti elenkati fil-paragrafu 2.

2.   B’konsegwenza ta’ dan, l-Unjoni għandha tapplika dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodotti elenkati hawn taħt u li joriġinaw fl-Istati Uniti, kif ġej:

(a)

Fl-ewwel stadju, għandhom jiġu applikati dazji ad valorem addizzjonali ta’ 20 % u 7 % mit-8 ta’ Mejju 2020 fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti speċifikati kif ġej:

Kodiċi NM (8)

Dazju ad valorem addizzjonali

9613 80 00

20 %

3926 30 00

7 %

(b)

Fit-tieni stadju, għandu jiġi applikat dazju ad valorem addizzjonali ta’ 4,4 % ulterjorment fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti speċifikati kif ġej, minn:

it-8 ta’ Frar 2023; jew

il-ħames jum wara d-data tal-adozzjoni mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO, jew in-notifika lilu, ta’ deċiżjoni li l-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, jekk din id-data tkun qabel. Fl-eventwalità li jseħħ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż li jindika d-data li fiha tiġi adottata jew innotifikata t-tali deċiżjoni.

Kodiċi NM (9)

Dazju ad valorem addizzjonali

9504 40 00

4,4 %

Artikolu 2

L-Unjoni għandha tapplika d-dazji doganali addizzjonali previsti fl-Artikolu 1 sakemm, u sa fejn, l-Istati Uniti japplikaw jew japplikaw mill-ġdid il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom b’mod li jkollhom effett fuq il-prodotti mill-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jindika d-data li fiha l-Istati Uniti jkunu waqfu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50).

(2)  Fis-6 ta' Marzu 2020 intalbu konsultazzjonijiet mill-Unjoni. Ma ntlaħaqx ftehim u l-perjodu ta’ 30 jum għall-konsultazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 8 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji ġie fi tmiemu.

(3)  https://trade.ec.europa.eu/consultations/index.cfm?consul_id=264

(4)  L-Iskeda ta’ Tariffi Armonizzati tal-kodiċijiet tal-Istati Uniti kif imsemmija fil-Proklamazzjoni 9980 tal-24 ta’ Jannar 2020, Aġġustar tal-Importazzjonijiet ta’ Artikoli ta’ Derivati tal-Aluminju u Artikoli ta’ Derivati tal-Azzar lejn l-Istati Uniti, Reġistru Federali vol. 85, nru 19, 29 ta’ Jannar, 2020 u l-Annessi tagħha (https://www.whitehouse.gov/presidential-actions/proclamation-adjusting-imports-derivative-aluminum-articles-derivative-steel-articles-united-states/).

(5)  Prodotti msemmija fil-Proklamazzjoni 9980 tal-24 ta’ Jannar 2020, Aġġustar tal-Importazzjonijiet ta’ Artikoli ta’ Derivati tal-Aluminju u Artikoli ta’ Derivati tal-Azzar lejn l-Istati Uniti, Reġistru Federali vol. 85, nru 19, 29 ta’ Jannar, 2020 u l-Annessi tagħha (https://www.whitehouse.gov/presidential-actions/proclamation-adjusting-imports-derivative-aluminum-articles-derivative-steel-articles-united-states/).

(6)  Prodotti msemmija fil-Proklamazzjoni 9980 tal-24 ta’ Jannar 2020, Aġġustar tal-Importazzjonijiet ta’ Artikoli ta’ Derivati tal-Aluminju u Artikoli ta’ Derivati tal-Azzar lejn l-Istati Uniti, Reġistru Federali vol. 85, nru 19, 29 ta’ Jannar, 2020 (https://www.whitehouse.gov/presidential-actions/proclamation-adjusting-imports-derivative-aluminum-articles-derivative-steel-articles-united-states/).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kodifikazzjoni) (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1).

(8)  Il-kodiċijiet tan-nomenklatura ttieħdu min-Nomenklatura Magħquda kif definita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1) u kif stabbilit fl-Anness I tiegħu, li huma validi fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, mutatis mutandis, kif emendat bil-leġiżlazzjoni sussegwenti, inkluż, mill-aktar reċenti, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 tad-9 ta’ Ottubru 2019 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 280, 31.10.2019, p. 1).

(9)  Il-kodiċijiet tan-nomenklatura ttieħdu min-Nomenklatura Magħquda kif definita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1) u kif stabbilit fl-Anness I tiegħu, li huma validi fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, mutatis mutandis, kif emendat bil-leġiżlazzjoni sussegwenti, inkluż, mill-aktar reċenti, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 tad-9 ta’ Ottubru 2019 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 280, 31.10.2019, p. 1).