31.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 98/30 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/466
tat-30 ta’ Marzu 2020
dwar miżuri temporanji biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali matul ċertu tfixkil serju tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri minħabba l-marda tal-coronavirus (il-COVID-19)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 141(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli fost l-oħrajn għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-miżuri temporanji x-xierqa meħtieġa biex jiġu limitati r-riskji fost l-oħrajn għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali, jekk ikollha evidenza ta’ tfixkil serju fis-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru. |
(2) |
Il-kriżi li għaddejja bħalissa b’rabta mal-marda tal-coronavirus (il-COVID-19) tirrappreżenta sfida eċċezzjonali u bla preċedent għall-kapaċità tal-Istati Membri li jwettqu bis-sħiħ il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. |
(3) |
Fil-“Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi mħarsa s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi essenzjali” (2), il-Kummissjoni enfasizzat li, fis-sitwazzjoni attwali, jenħtieġ li ma jiġix affettwat il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni tal-oġġetti. |
(4) |
Skont ir-Regolament (UE) 2017/625, l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu sistema ta’ kontroll li tkun magħmula minn awtoritajiet kompetenti li jkunu maħtura biex iwettqu l-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet uffiċjali l-oħra. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 5(1)(e) ta’ dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jrid ikollhom għadd suffiċjenti ta’ membri tal-persunal ikkwalifikati u b’esperjenza, sabiex il-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet uffiċjali l-oħra jkunu jistgħu jitwettqu b’mod effiċjenti u effettiv, jew ikollhom aċċess għat-tali persunal. |
(5) |
Matul il-kriżi li għaddejja bħalissa b’rabta mal-COVID-19, l-Istati Membri daħħlu fis-seħħ restrizzjonijiet konsiderevoli fuq il-moviment tal-popolazzjonijiet tagħhom sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem. |
(6) |
Għadd ta’ Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni li, minħabba dawn ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment, intlaqtet ħażin ħafna l-kapaċità tagħhom li jużaw persunal xieraq għall-kontrolli uffiċjali u għal attivitajiet uffiċjali oħra, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2017/625. |
(7) |
Għadd ta’ Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni b’mod speċifiku dwar id-diffikultajiet li qed ikollhom biex iwettqu kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra li jeħtieġu l-preżenza fiżika ta’ persunal tal-kontroll. B’mod partikolari, qed jinqalgħu diffikultajiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżami kliniku tal-annimali, ma’ ċerti kontrolli fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, fuq il-pjanti u fuq il-prodotti tal-pjanti u fuq l-ikel u l-għalf li ma joriġinax mill-annimali, u f’dak li għandu x’jaqsam mal-ittestjar tal-kampjuni fil-laboratorji uffiċjali magħżulin mill-Istati Membri. |
(8) |
Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola l-kummerċ tal-annimali ħajjin u tal-prodotti ġerminali fis-Suq Uniku, b’mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 64/432/KEE (3), 88/407/KEE (4), 89/556/KEE (5), 90/429/KEE (6), 91/68/KEE (7), 92/65/KEE (8), 2006/88/KE (9), 2009/156/KE (10) u 2009/158/KE (11), il-kunsinni tal-annimali u tal-prodotti ġerminali jrid ikollhom magħhom iċ-ċertifikati oriġinali tas-saħħa tal-annimali tul il-moviment tagħhom bejn l-Istati Membri. |
(9) |
Għadd ta’ Stati Membri infurmaw ukoll lill-Kummissjoni li l-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet uffiċjali l-oħra li jirriżultaw fl-iffirmar u fil-ħruġ taċ-ċertifikati u tal-attestazzjonijiet oriġinali uffiċjali stampati li jenħtieġ li jakkumpanjaw il-kunsinni tal-annimali u tal-prodotti ġerminali li jiċċaqalqu bejn l-Istati Membri jew li jidħlu fl-Unjoni, bħalissa ma jistgħux jitwettqu skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. |
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li tiġi awtorizzata b’mod temporanju alternattiva għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikati u tal-attestazzjonijiet oriġinali uffiċjali stampati filwaqt li jitqies l-użu tas-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES) imsemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (12) min-naħa tal-utenti rreġistrati u n-nuqqas ta’ kapaċità teknika attwali tat-TRACES li toħroġ ċertifikati elettroniċi skont dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Jenħtieġ li dik l-alternattiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-operaturi li jippreżentaw id-dokumenti oriġinali meta dan ikun teknikament fattibbli, skont ir-Regolament (UE) 2017/625. |
(11) |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġu evitati riskji serji għas-saħħa tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma tiġi pperikolata l-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti li jiġu mill-annimali, mill-pjanti u mill-prodotti tagħhom u mingħajr ma tiġi pperikolata l-prevenzjoni tar-riskji għat-trattament xieraq tal-annimali. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. |
(12) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri li jkollhom diffikultajiet serji biex iħaddmu s-sistemi ta’ kontroll eżistenti tagħhom ikunu jistgħu japplikaw il-miżuri temporanji stabbiliti f’dan ir-Regolament, sal-punt meħtieġ biex jiġġestixxu t-tfixkil serju relatat tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jirrimedjaw it-tfixkil serju fis-sistemi ta’ kontroll tagħhom mill-aktar fis possibbli. |
(13) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri li japplikaw il-miżuri temporanji previsti f’dan ir-Regolament jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan kif ukoll bil-miżuri li jkunu ħadu biex jirrimedjaw id-diffikultajiet li jkollhom fit-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u tal-attivitajiet uffiċjali l-oħra skont ir-Regolament (UE) 2017/625. |
(14) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun japplika għal xahrejn sabiex jiġu ffaċilitati l-ippjanar u t-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u tal-attivitajiet uffiċjali l-oħra matul il-kriżi marbuta mal-COVID-19. Fid-dawl tal-informazzjoni li waslet mingħand għadd ta’ Stati Membri, li tissuġġerixxi li jenħtieġ li l-miżuri temporanji jiġu previsti b’mod immedjat, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
(15) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri temporanji meħtieġa biex jiġu limitati r-riskji mifruxa għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali sabiex jiġi indirizzat it-tfixkil serju fil-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri fid-dawl tal-kriżi marbuta mal-COVID-19.
Artikolu 2
L-Istati Membri li jixtiequ japplikaw il-miżuri temporanji stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan, kif ukoll bil-miżuri li jkunu ħadu biex jirrimedjaw id-diffikultajiet li jkollhom fit-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u tal-attivitajiet uffiċjali l-oħra skont ir-Regolament (UE) 2017/625.
Artikolu 3
Il-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet uffiċjali l-oħra jistgħu jitwettqu b’mod eċċezzjonali minn persuna fiżika waħda jew aktar li jkunu awtorizzati b’mod speċifiku mill-awtorità kompetenti abbażi tal-kwalifiki, tat-taħriġ u tal-esperjenza prattika tagħhom, li jkunu f’kuntatt mal-awtorità kompetenti bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli, u li għandhom isegwu l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti għat-twettiq tat-tali kontrolli uffiċjali u tat-tali attivitajiet uffiċjali oħra. Dawn il-persuni għandhom jaġixxu b’mod imparzjali u ma għandu jkollhom l-ebda kunflitt ta’ interess b’rabta mal-kontrolli uffiċjali u mal-attivitajiet uffiċjali l-oħra li huma jwettqu.
Artikolu 4
Il-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet uffiċjali l-oħra fuq iċ-ċertifikati uffiċjali u l-attestazzjonijiet uffiċjali jistgħu jsiru b’mod eċċezzjonali permezz ta’ kontroll uffiċjali mwettaq fuq kopja elettronika tad-dokument oriġinali ta’ dawn iċ-ċertifikati jew ta’ dawn l-attestazzjonijiet, jew fuq format elettroniku taċ-ċertifikat jew tal-attestazzjoni prodott u ppreżentat fi TRACES, sakemm il-persuna responsabbli għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikat uffiċjali jew tal-attestazzjoni uffiċjali tippreżenta dikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti li fiha tafferma li d-dokument oriġinali taċ-ċertifikat uffiċjali jew tal-attestazzjoni uffiċjali se jiġi ppreżentat hekk kif ikun teknikament fattibbli. Hija u twettaq it-tali kontrolli uffiċjali u t-tali attivitajiet uffiċjali oħra, l-awtorità kompetenti għandha tqis ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità tal-annimali u tal-oġġetti kkonċernati u r-rekord ta’ qabel tal-operaturi fir-rigward tar-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuqhom u fir-rigward tal-konformità tagħhom mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.
Artikolu 5
Il-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet uffiċjali l-oħra jistgħu jitwettqu b’mod eċċezzjonali:
(a) |
fil-każ ta’ analiżi, ittestjar jew dijanjożi li jridu jitwettqu minn laboratorji uffiċjali, minn kull laboratorju magħżul għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti fuq bażi temporanja; |
(b) |
fil-każ ta’ laqgħat fiżiċi mal-operaturi u mal-persunal tagħhom fil-kuntest tal-metodi u tat-tekniki għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/625, permezz tal-mezzi disponibbli ta’ komunikazzjoni mill-bogħod. |
Artikolu 6
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sal-1 ta’ Ġunju 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) C(2020) 1753 finali tas-16 ta’ Marzu 2020.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1988 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta’ deep frozen semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini (ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE tal-25 ta’ Settembru 1989 dwar kondizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ embrijoni ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-ifrat (ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ bhejjem domestiċi tal-ispeċi tal-majjali (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju tan-nagħaġ u tal-mogħoż (ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19).
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1).
(11) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ tajr u bajd għat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 74).
(12) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).