20.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/424

tad-19 ta’ Marzu 2020

dwar il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tan-nonapplikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà skont id-Direttiva (UE) 2016/797

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni (1) Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lil applikant biex ma japplikax waħda jew aktar mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà (“TSIs”), jew parti minnhom, fil-każijiet li huma elenkati b’mod eżawrjenti fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu.

(2)

Il-Komunikazzjoni mill-Istati Membri dwar id-deċiżjoni tagħhom fil-każijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1), jew it-talba tal-Istati Membri għan-nonapplikazzjoni fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d) u (e), jenħtieġ li jkun fiha informazzjoni li tiġġustifika n-nonapplikazzjoni u li tispeċifika d-dispożizzjonijiet alternattivi li jridu jiġu applikati minflok it-TSIs.

(3)

It-talba jenħtieġ li tinkludi r-referenza għad-dispożizzjonijiet tat-TSI mhux applikati, tiddeskrivi l-proġett ikkonċernat, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskedi ta’ żmien tiegħu, kif ukoll tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra biex tassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-konformità tan-nonapplikazzjoni mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1).

(4)

Ladarba jiskadu l-miżuri tranżizzjonali previsti f’TSI, l-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu li l-applikanti ma japplikawx it-TSI jew partijiet minnha skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva f’każijiet debitament iġġustifikati biss. F’dak il-każ, il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni jenħtieġ li tinkludi l-informazzjoni u l-ġustifikazzjonijiet kollha meħtieġa.

(5)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-Kummissjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw mudell stabbilit meta jippreżentaw id-deċiżjoni tagħhom ta’ nonapplikazzjoni għal proġett fi stadju avvanzat ta’ żvilupp skont il-punt (a) tal-Artikolu 7(1). Dan il-mudell jista’ jintuża wkoll għan-notifika ta’ lista ta’ proġetti fi stadju avvanzat ta’ żvilupp skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva.

(6)

It-talba għan-nonapplikazzjoni ta’ waħda jew aktar mit-TSIs jew partijiet minnhom jenħtieġ li tintbagħat lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni mingħajr l-użu ta’ karti. Id-data sa meta l-Istati Membri jippreżentaw it-talba jew jibagħtu l-informazzjoni lill-indirizz elettroniku tal-Kummissjoni jenħtieġ li tkun id-data tal-preżentazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 7(7) tad-Direttiva.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Interoperabbiltà u s-Sikurezza Ferrovjarja,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża, u l-format u l-metodu li għandhom jintużaw fit-trażmissjoni ta’ talba għan-nonapplikazzjoni ta’ waħda jew aktar mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (“TSIs”) jew partijiet minnhom skont it-tifsira tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 (minn hawn ’il quddiem “talba għan-nonapplikazzjoni”), li skontha l-Istati Membri għandhom, jew jikkomunikaw lill-Kummissjoni deċiżjoni ta’ nonapplikazzjoni skont il-punt (a), jew jippreżentaw lill-Kummissjoni talba għan-nonapplikazzjoni skont il-punti (c), (d) jew (e) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

Artikolu 2

Informazzjoni li tinsab fit-talba għan-nonapplikazzjoni

1.   It-talba għan-nonapplikazzjoni għandu jkun fiha din l-informazzjoni:

(a)

referenza għall-każ imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 li skontu jitqies li n-nonapplikazzjoni hija ġġustifikata;

(b)

ir-referenza għat-titolu/i tat-TSI jew TSIs koperti mit-talba għan-nonapplikazzjoni u għad-dispożizzjoni(jiet) mhux applikata/i. Kull referenza għandha tinkludi, fejn ikun meħtieġ għall-valutazzjoni tal-konformità, il-perjodu ta’ żmien jew stima tiegħu, li matulu se tkompli sseħħ in-nonapplikazzjoni;

(c)

id-dettalji essenzjali tal-proġett ikkonċernat, li jikkonsistu mill-elementi tekniċi, operazzjonali u ġeografiċi tal-proġett, inkluża deskrizzjoni dettaljata tas-subsistema, tal-vettura jew tal-infrastruttura li għalihom qed tintalab in-nonapplikazzjoni, u d-dati ewlenin rilevanti, jew kwalunkwe dettalji oħra li jiddistingwuh minn proġetti oħra;

(d)

referenza għal u dettalji tad-dispożizzjonijiet alternattivi li l-Istat Membru beħsiebu japplika biex jikkumpensa kull nonapplikazzjoni fid-dawl ta’ rekwiżiti essenzjali rilevanti, inklużi l-miżuri li jridu jiġu adottati biex jiġu mmonitorjati l-implimentazzjoni u, fejn ikun intlaħaq qbil dwar alternattivi operazzjonali, l-applikazzjoni kontinwa tagħhom;

(e)

meta jkun ikkonċernat aktar minn Stat Membru wieħed, informazzjoni dwar il-koordinazzjoni li sseħħ f’konformità mas-sentenza finali fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u/jew l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 (2), meta t-talbiet għan-nonapplikazzjoni jkunu marbuta mal-awtorizzazzjonijiet ta’ vetturi; l-istess informazzjoni għandha tiġi pprovduta għal proġetti ta’ infrastruttura transkonfinali;

(f)

analiżi ekonomika jew teknika, jew it-tnejn li huma, li jiżguraw li n-nonapplikazzjoni tkun iġġustifikata u limitata sal-punt meħtieġ fiċ-ċirkostanzi partikolari.

2.   It-talba għan-nonapplikazzjoni għandha tipprovdi wkoll din l-informazzjoni speċifika:

(a)

għal talbiet li jsiru skont il-punt (a) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi:

(i)

id-dettalji tal-proġett ikkonċernat, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness. Jekk il-proġett ikun diġà fuq lista ta’ proġetti fi stadju avvanzat ta’ żvilupp imfassla skont l-istess mudell, l-Istati Membri jistgħu jirreferu għalih, mingħajr ma jkollhom jerġgħu jippreżentaw l-informazzjoni diġà pprovduta. Fejn rilevanti, l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata.

(ii)

evidenza li l-proġett huwa fi stadju avvanzat ta’ żvilupp jew soġġett għal kuntratt li jkun qed jiġi eżegwit, b’dokumentazzjoni li tipprovdi l-evidenza għad-dati u l-kamp ta’ applikazzjoni rilevanti tal-proġett;

(iii)

evidenza li l-istadju tal-ippjanar jew tal-kostruzzjoni ta’ proġett fi stadju avvanzat ta’ żvilupp wasal f’punt fejn bidla fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tista’ tikkomprometti l-vijabbiltà tal-proġett kif ippjanat, skont id-definizzjoni ta’ “proġett fi stadju avvanzat ta’ żvilupp” fl-Artikolu 2(23) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(b)

għal talbiet li jsiru skont il-punt (c) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi, skont in-natura tan-nonapplikazzjoni mitluba:

(i)

evidenza li l-applikazzjoni ta’ waħda jew aktar mit-TSIs jew parti minnhom tikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika tal-proġett. Din l-evidenza għandha tinkludi analiżi ekonomika bir-reqqa li tistabbilixxi spejjeż inevitabbli ta’ konformità mat-TSI, u li tipprovdi evidenza li tali spiża trendi l-proġett mhux vijabbli. L-analiżi għandha tqis id-dħul mill-użu jekk in-nonapplikazzjoni tippermetti l-użu aktar bikri u l-vijabbiltà ekonomika fuq terminu itwal tal-proġett fis-sistema ferrovjarja nazzjonali u Ewropea; u/jew

(ii)

evidenza tad-dettalji tekniċi li jiġġustifikaw l-impatt negattiv tal-applikazzjoni ta’ waħda jew aktar mit-TSIs jew parti minnhom, fuq il-kompatibbiltà teknika tal-proġett mas-sistema ferrovjarja nazzjonali.

(c)

għal talbiet li jsiru skont il-punt (d) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi lista tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi kkonċernati, kif ukoll tal-linji ferrovjarji fejn qed jiċċirkolaw il-vetturi koperti mit-talba;

(d)

għal talbiet li jsiru skont il-punt (e) tal-Artikolu 7(1), il-ġustifikazzjoni għandha tidentifika n-netwerk jew iż-żona/i tan-netwerk rilevanti għat-talba u għandha tiġġustifika s-separazzjoni tiegħu/tagħha min-netwerk ferrovjarju tal-bqija tal-Unjoni, u/jew l-iżolament tiegħu/tagħha.

Artikolu 3

Format u metodu ta’ trażmissjoni

1.   It-talba għan-nonapplikazzjoni għandha tkun limitata għal massimu ta’ 10 paġni. L-informazzjoni addizzjonali tista’ tiżdied bħala annessi tat-talba.

2.   Il-komunikazzjoni jew it-talba għan-nonapplikazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti biex jitlesta l-fajl għandhom jiġu ppreżentati b’mezzi elettroniċi biss, fl-indirizz elettroniku speċifiku tal-Kummissjoni:

MOVE-RAIL-DEROGATIONS@ec.europa.eu.

3.   Id-data għall-finijiet tal-Artikolu 7(7) tad-Direttiva (UE) 2016/797 hija d-data meta t-talba jew l-informazzjoni sussegwenti biex jitlesta l-fajl tkun intbagħtet bil-posta elettronika skont il-paragrafu 2.

4.   Il-konferma tar-riċevuta maħruġa mill-Kummissjoni lill-Istat Membru fi żmien sebat ijiem ikun fiha identifikatur uniku b’referenza għall-Istat Membru kkonċernat, il-proġett u s-sena ta’ preżentazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jirreferu għall-identifikatur uniku, kull meta jikkomunikaw mal-Kummissjoni dwar il-każ ta’ nonapplikazzjoni.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mis-16 ta’ Settembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 tal-4 ta’ April 2018 li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-awtorizzazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji u għall-proċess tal-awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vetturi ferrovjarji skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 6.4.2018, p. 66).


ANNESS

Mudell għall-preżentazzjoni ta’ proġett fi stadju avvanzat ta’ żvilupp meta tintalab in-nonapplikazzjoni ta’ waħda jew aktar mit-TSIs jew parti minnhom għal dak il-proġett skont il-punt (a) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u f’konformità mal-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 2, il-punti 1. u 2(a) ta’ dan ir-Regolament

Isem il-proġett

Dettalji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

Id-dati u l-azzjonijiet kollha rilevanti għall-ġustifikazzjoni tal-istat avvanzat ta’ żvilupp jew il-kuntratt iffirmat

Speċifikazzjonijiet tekniċi mhux applikati u dispożizzjonijiet u/jew standards alternattivi applikati

Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, bħal żona/i tal-użu, inkluża l-koordinazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni 2018/545

Informazzjoni li tiġġustifika n-nuqqas ta’ vijabbiltà tal-proġett

Derogi diġà mogħtija lil dak il-proġett (jekk ikun hemm)