15.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 77/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/402

ta’ 14 ta' Marzu 2020.

li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Billi:

(1)

Minn mindu faqqgħet il-kriżi epidemjoloġika kkawżata mill-coronavirus SARS-CoV-2, il-marda assoċjata miegħu, il-COVID-19, bdiet tinfirex b’mod rapidu madwar id-dinja, u laħqet ukoll it-territorju tal-Unjoni. Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, ir-riskju assoċjat mal-infezzjonijiet tal-COVID-19 għall-persuni fl-Unjoni bħalissa jitqies bħala moderat għal għoli, abbażi tal-probabbiltà tat-trażmissjoni u l-impatt tal-marda. Il-virus jinfirex malajr fl-Unjoni, u jista’ jkollu impatt enormi fuq is-saħħa pubblika b’eżiti fatali sostanzjali fi gruppi b’riskju għoli u bi tfixkil sinifikanti fl-ekonomija u fis-soċjetà.

(2)

F’dan il-kuntest, il-ħtieġa għal tagħmir ta' protezzjoni personali, kif dettaljat fl-Anness 1, diġà żdiedet b’mod sinifikanti. Minħabba n-natura tiegħu u ċ-ċirkostanzi prevalenti, dan it-tip ta’ tagħmir huwa prodott essenzjali billi huwa meħtieġ biex jiġi evitat it-tixrid ulterjuri tal-marda, u biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-persunal mediku li jittratta l-pazjenti infettati.

(3)

F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kunsill tal-Ministri tas-Saħħa fit-13 ta’ Frar 2020, tnediet proċedura ta’ akkwist għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali fi ħdan il-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għal kontromiżuri mediċi. Skont skeda taż-żmien indikattiva u skont is-sitwazzjoni tas-suq, tista’ tiġi ffinalizzata sa mill-bidu ta’ April.

(4)

Id-domanda għal tagħmir ta’ protezzjoni mediku ġiet aggravata fl-aħħar jiem u mistennija tkompli tiżdied b’mod sinifikanti fil-futur imminenti u fl-istess waqt jiżviluppaw skarsezzi f’diversi Stati Membri. Jeżistu restrizzjonijiet fis-suq uniku kollu tal-UE biex tiġi sodisfatta d-domanda tal-klijenti għat-Tagħmir ta’ Protezzjoni Personali rilevanti, b’mod partikolari l-maskri tal-protezzjoni tal-ħalq. F’dan il-mument, qed isiru sforzi kontinwi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta’ manifattura. Dan jista’ jikkontribwixxi għal rieżami tal-miżura kif meħtieġ u hekk kif tevolvi s-sitwazzjoni.

(5)

Il-produzzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali bħall-maskri tal-protezzjoni tal-ħalq fl-Unjoni bħalissa hija kkonċentrata f’għadd limitat ta’ Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja. Minkejja l-fatt li ġiet imħeġġa ż-żieda fil-produzzjoni, il-livell attwali tal-produzzjoni tal-Unjoni u tal-istokkijiet eżistenti mhux se jkun biżżejjed biex tiġi ssodisfata d-domanda fl-Unjoni. Dan huwa partikolarment il-każ hekk kif din id-domanda qed tiżdied minħabba s-sitwazzjoni epidemika u t-tagħmir ta’ protezzjoni personali jista’ jiġi esportat mingħajr restrizzjoni lejn partijiet oħra tad-dinja.

(6)

Xi pajjiżi terzi diġà ddeċidew b’mod uffiċjali li jirrestrinġu l-esportazzjonijiet ta’ tagħmir ta’ protezzjoni. Jidher li oħrajn ħadu azzjonijiet simili fuq bażi aktar informali. Xi wħud minn dawn il-pajjiżi huma wkoll fornituri tradizzjonali għas-suq tal-Unjoni u dan qed ikompli jagħmel pressjoni fuq is-suq tal-Unjoni.

(7)

Sabiex tiġi rimedjata u evitata sitwazzjoni kritika, huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata ta’ tul ta’ żmien limitat sabiex jiġi żgurat li l-esportazzjonijiet ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-provvista fl-Unjoni sabiex tintlaħaq id-domanda vitali.

(8)

L-esportazzjonijiet ta’ ċerti kwantitajiet ta’ prodotti speċifiċi jistgħu jiġu awtorizzati f’ċirkostanzi speċifiċi sabiex tiġi żgurata assistenza pprovduta lil pajjiżi terzi, u skont il-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Il-modalitajiet amministrattivi għal dawn l-awtorizzazzjonijiet jenħtieġ li jitħallew għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri matul iż-żmien ta’ dawn il-miżuri temporanji.

(9)

Hemm ħtiġijiet vitali għal tagħmir protettiv fl-Unjoni fir-rigward tal-isptarijiet, tal-pazjenti, tal-ħaddiema fuq il-post u tal-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili. Ħtiġijiet vitali bħal dawn huma mmonitorjati b’mod kostanti permezz tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni ċivili tal-Unjoni.

(10)

Billi fil-preżent din il-miżura tapplika għal tagħmir ta’ protezzjoni personali, kif deskritt fl-Anness 1, jista’ jinqala’ l-bżonn li jsir rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness u tal-prodotti koperti b’dan ir-Regolament.

(11)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, iġġustifikata mit-tixrid rapidu tal-infezzjoni COVID-19, il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jittieħdu f’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/479.

(12)

Sabiex jiġi evitat it-tnaqqis tal-istokkijiet minħabba spekulazzjoni, dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. F’konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/479, dawn il-miżuri jenħtieġ li jibqgħu għaddejjin għal sitt ġimgħat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni

1.   Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni stabbilita f’konformità mal-formola li tinsab fl-Anness II għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni tat-tagħmir ta’ protezzjoni personali elenkat fl-Anness I, sew jekk joriġina fl-Unjoni sew jekk le. It-tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-esportatur u għandha tinħareġ bil-miktub jew b’mezz elettroniku.

2.   Mingħajr il-produzzjoni tat-tali awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, l-esportazzjoni hija pprojbita.

Artikolu 2

Aspetti proċedurali

1.   Jekk it-tagħmir ta’ protezzjoni jkun jinsab fi Stat Membru wieħed jew aktar minbarra dak fejn tkun saret l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, dak il-fatt għandu jiġi indikat fl-applikazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li saritilhom l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandhom jikkonsultaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri inkwistjoni u jipprovdu l-informazzjoni rilevanti. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonsultati għandhom jgħarrfu fi żmien 10 ijiem tax-xogħol kwalunkwe oġġezzjoni li jista’ jkollhom għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni, li għandha torbot lill-Istat Membru fejn tkun saret l-applikazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni f’perjodu ta’ żmien li jrid jiġi determinat mil-liġi jew mill-prassi nazzjonali, li ma għandux jaqbeż il-ħamest ijiem ta’ xogħol, mid-data li fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa tkun ingħatat lill-awtoritajiet kompetenti. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament ġustifikati, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’perjodu ulterjuri ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol.

3.   Meta jiddeċiedu jekk jagħtux awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kunsiderazzjonijiet kollha rilevanti, inkluż, fejn xieraq, jekk l-esportazzjoni sservix, inter alia:

biex tissodisfa l-obbligi ta’ forniment taħt proċedura ta’ akkwist konġunt f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (2);

biex issostni l-azzjonijiet ta’ appoġġ miftiehma, ikkoordinati mill-Mekkaniżmu Integrat għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR), mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;

biex twieġeb għat-talbiet ta’ assistenza indirizzati lill-UPCM (Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili) u ġestiti minnu, li jsiru minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

biex tappoġġa l-attivitajiet statutorji ta’ kumpaniji ta’ appoġġ barra mill-pajjiż li jgawdu minn protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u sa fejn dawn ma jfixklux il-kapaċità li jaħdmu bħala kumpanija ta’ appoġġ nazzjonali;

biex tappoġġa l-attivitajiet tan-Netwerk Globali ta' Twissija u Reazzjoni għal Tifqigħa (GOARN) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

biex tforni operazzjonijiet barranin tal-Istati Membri tal-UE inklużi l-operazzjonijiet militari, il-missjonijiet internazzjonali tal-pulizija u/jew il-missjonijiet ċivili internazzjonali għaż-żamma tal-paċi;

biex tforni lid-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri barra mill-pajjiż.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn dokumenti elettroniċi għall-għan ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika għal perjodu ta’ sitt ġimgħat. Għandu jieqaf japplika awtomatikament fi tmiem dan il-perjodu ta’ sitt ġimgħat.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta' Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34.

(2)  ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.


ANNESS I

Tagħmir ta’ Protezzjoni

It-tagħmir elenkat f’dan l-Anness huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/425 (1).

Kategorija

Deskrizzjoni

Kodiċijiet NM

Nuċċalijiet protettivi u viżieri

Protezzjoni kontra materjal potenzjalment infettiv,

Li jgħattu l-għajnejn u l-madwar,

Kompatibbli ma’ mudelli differenti ta’ maskri ta’ filtrazzjoni tal-wiċċ (FFP) u ta’ maskri tal-wiċċ,

Lenti trasparenti,

Oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw (jistgħu jitnaddfu u jiġu diżinfettati) jew li jintużaw darba biss

ex 9004 90 10

ex 9004 90 90

Ilqugħ għall-wiċċ

Tagħmir għall-protezzjoni tal-erja wiċċ u ta’ membrani mukużi assoċjati (eż.: għajnejn, imnieħer, ħalq) kontra materjal potenzjalment infettiv,

Jinkludi viżiera ta’ materjal trasparenti,

Normalment jinkludi twaħħil li jitpoġġa fuq il-wiċċ (eż.: strixxi, protezzjoni għan-ngħas)

Jista’ jinkludi tagħmir ta’ protezzjoni tal-ħalq u tal-imnieħer kif deskritt hawn taħt,

Oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw (jistgħu jitnaddfu u jiġu diżinfettati) jew li mhumiex riutilizzabbli

ex 3926 90 97

ex 9020 00 00

Tagħmir ta’ protezzjoni tal-ħalq u tal-imnieħer

Maskri għall-protezzjoni tal-utent kontra materjal potenzjalment infettiv u għall-protezzjoni tal-ambjent kontra materjal potenzjalment infettiv li jinxtered mill-utent,

Jistgħu jinkludu lqugħ għall-wiċċ kif deskritt hawn fuq,

Kemm jekk mgħammra b’filtru sostitwibbli kemm jekk le

ex 6307 90 98

ex 9020 00 00

Ilbies protettiv

Ilbies (eż. gown, suit) għall-protezzjoni tal-utent kontra materjal potenzjalment infettiv u għall-protezzjoni tal-ambjent kontra materjal potenzjalment infettiv li jinxtered mill-utent

ex 3926 20 00

ex 4015 90 00

ex 6113 00

ex 6114

ex 6210 10 10

6210 10 92

ex 6210 10 98

ex 6210 20 00

ex 6210 30 00

ex 6210 40 00

ex 6210 50 00

ex 6211 32 10

ex 6211 32 90

ex 6211 33 10

ex 6211 33 90

ex 6211 39 00

ex 6211 42 10

ex 6211 42 90

ex 6211 43 10

ex 6211 43 90

ex 6211 49 00

ex 9020 00 00

Ingwanti

Ingwanti għall-protezzjoni tal-utent kontra materjal potenzjalment infettiv u għall-protezzjoni tal-ambjent kontra materjal potenzjalment infettiv li jinxtered mill-utent

ex 3926 20 00

4015 11 00

ex 4015 19 00

ex 6116 10 20

ex 6116 10 80

ex 6216 00 00


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar tagħmir ta' protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51)


ANNESS II

Mudell għal formoli tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 1

Meta jagħtu awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni, l-Istati Membri jridu jirsistu biex jiżguraw il-viżibbiltà tan-natura tal-awtorizzazzjoni fuq il-formola maħruġa. Din hija awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni valida fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea sad-data ta’ skadenza tagħha.

L-UNJONI EWROPEA

Esportazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali (ir-Regolament (UE) 2020/402)

1.

Esportatur

(numru EORI jekk applikabbli)

2.

Numru tal-awtorizzazzjoni

3.

Data ta’ skadenza

4.

Awtorità emittenti

5.

Pajjiż tad-destinazzjoni

6.

Riċevitur finali

7.

Kodiċi tal-komodità

8.

Kwantità

9.

Unità

10.

Deskrizzjoni tal-merkanzija

11.

Post

7.

Kodiċi tal-komodità

8.

Kwantità

9.

Unità

10.

Deskrizzjoni tal-merkanzija

11.

Post

7.

Kodiċi tal-komodità

8.

Kwantità

9.

Unità

10.

Deskrizzjoni tal-merkanzija

11.

Post

7.

Kodiċi tal-komodità

8.

Kwantità

9.

Unità

10.

Deskrizzjoni tal-merkanzija

11.

Post

12.

Il-firma, il-post u d-data, it-timbru

Noti ta’ spjegazzjoni għall-formola tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Il-mili tal-kaxxi kollha huwa obbligatorju ħlief meta jiġi ddikjarat mod ieħor.

Il-kaxxi 7 sa 11 huma ripetuti erba’ darbiet biex tkun tista’ ssir talba għal awtorizzazzjoni għal erba’ prodotti differenti.

Kaxxa 1

Esportatur

L-isem u l-indirizz sħaħ tal-esportatur li għalih tinħareġ l-awtorizzazzjoni + in-numru EORI jekk applikabbli.

Kaxxa 2

Numru tal-awtorizzazzjoni

In-numru tal-awtorizzazzjoni jimtela mill-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni u għandu l-format li ġej: XXyyyy999999, fejn XX huwa l-kodiċi tal-ġeonomenklatura b’żewġ ittri (1) tal-Istat Membru emittenti, yyyy hija s-sena b’erba’ ċifri tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, 999999 huwa numru uniku b’sitt ċifri fi XXyyyy u attribwit mill-awtorità emittenti.

Kaxxa 3

Data ta’ skadenza

L-awtorità emittenti tista’ tiddefinixxi data ta’ skadenza għall-awtorizzazzjoni. Din id-data ta’ skadenza ma tistax tkun aktar tard minn sitt ġimgħat wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Jekk ma tiġi definita l-ebda data ta’ skadenza mill-awtorità emittenti, l-awtorizzazzjoni tiskadi sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Kaxxa 4

Awtorità emittenti

L-isem u l-indirizz sħaħ tal-awtorità tal-Istat Membru li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Kaxxa 5

Pajjiż tad-destinazzjoni

Il-kodiċi tal-ġeonomenklatura b’żewġ ittri tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-merkanzija li għaliha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni.

Kaxxa 6

Riċevitur finali

L-isem u l-indirizz sħaħ tar-riċevitur finali tal-merkanzija, jekk ikun magħruf fil-mument tal-ħruġ + in-numru EORI jekk applikabbli. Jekk ir-riċevitur finali ma jkunx magħruf fil-mument tal-ħruġ, il-kaxxa titħalla vojta.

Kaxxa 7

Kodiċi tal-komodità

Il-kodiċi numeriku mis-Sistema Armonizzata jew min-Nomenklatura Magħquda (2) li taħtu l-merkanzija għall-esportazzjoni tkun ikklassifikata meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni.

Kaxxa 8

Kwantità

Il-kwantità tal-merkanzija mkejla fl-unità ddikjarata fil-kaxxa 9.

Kaxxa 9

Unità

L-unità tal-kejl li fiha tiġi espressa l-kwantità ddikjarata fil-kaxxa 8. L-unitajiet li jridu jintużaw huma “P/ST” għal merkanzija magħduda skont in-numru ta’ biċċiet (eż. maskri), u “PA” għal merkanzija magħduda skont il-pari (eż. ingwanti).

Kaxxa 10

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Deskrizzjoni b’lingwa sempliċi u preċiża biżżejjed biex tippermetti l-identifikazzjoni tal-merkanzija.

Kaxxa 11

Post

Il-kodiċi tal-ġeonomenklatura tal-Istat Membru fejn tinsab il-merkanzija. Jekk il-merkanzija tkun tinsab fl-Istat Membru tal-awtorità tal-ħruġ, din il-kaxxa trid titħalla vojta.

Kaxxa 12

Il-firma, it-timbru, il-post u d-data,

Il-firma u t-timbru tal-awtorità emittenti. Il-post u d-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).