2.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 62/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/283
tat-18 ta’ Frar 2020
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (3) jistabbilixxi regoli fost l-oħrajn dwar il-ħżin u l-iskambju permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ informazzjoni speċifika fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
(2) |
It-tkabbir tal-kummerċ elettroniku (“kummerċ elettroniku”) jiffaċilita l-bejgħ transfruntier ta’ merkanzija u servizzi lill-konsumaturi finali fl-Istati Membri. F’dak il-kuntest il-kummerċ elettroniku transfruntier tirreferi għal provvisti li fuqhom tkun dovuta l-VAT fi Stat Membru, iżda l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor, f’territorju terz jew f’pajjiż terz. Madankollu, negozji frawdolenti, stabbiliti fi Stat Membru, f’territorju terz jew f’pajjiż terz, jisfruttaw l-opportunitajiet tal-kummerċ elettroniku sabiex jiksbu vantaġġi inġusti fis-suq billi jevadu l-obbligi tal-VAT tagħhom. Fejn japplika l-prinċipju tat-tassazzjoni fid-destinazzjoni, billi l-konsumaturi ma għandhom ebda obbligu ta’ kontabilità, l-Istati Membri tal-konsum jeħtieġu għodod adatti biex jidentifikaw u jikkontrollaw tali negozji frawdolenti. Huwa importanti li tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT transfruntiera kkawżata mill-imġiba frawdolenti ta’ xi negozji fil-qasam tal-kummerċ elettroniku transfruntier. |
(3) |
Sal-lum, il-kooperazzjoni t bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri (“l-awtoritajiet tat-taxxa”) għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT kienet normalment ibbażata fuq rekords miżmuma min-negozji li huma direttament involuti fit-tranżazzjoni taxxabbli. Fil-provvisti transfruntieri min-negozju lill-konsumaturi, li huma tipiċi f’dan il-qasam ta’ kummerċ elettroniku, huwa possibbli li tali informazzjoni ma tkunx direttament disponibbli. B’hekk huma neċessarji għodod ġodda biex l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT b’mod effettiv. |
(4) |
Fil-maġġoranza kbira tax-xiri online transfruntier li jsir mill-konsumaturifl-Unjoni, il-pagamenti jsiru permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Sabiex ikunu jistgħu jsiru servizzi ta’ pagament, fornitur ta’ servizzi ta’ pagament iżomm informazzjoni speċifika biex jidentifika r-riċevitur, jew il-benefiċjarju, ta’ dak il-pagament transfruntier flimkien ma’ dettalji tad-data, l-ammont u l-Istat Membru ta’ oriġini tal-pagament. Tali informazzjoni hija meħtieġa għall-awtoritajiet tat-taxxa biex iwettqu l-kompiti bażiċi tagħhom li jidentifikaw negozji frawdolenti u jiddeterminaw l-obbligazzjonijiet tal-VAT b’rabta ma’ provvisti transfruntieri min-negozju lill-konsumatur. Għalhekk huwa meħtieġ u proporzjonat li l-informazzjoni rilevanti għall-VAT, miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, tkun disponibbli għall-Istati Membri u li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħżnuha fis-sistemi elettroniċi nazzjonali tagħhom u jittrażmettuha lil sistema elettronika ċentrali sabiex tiġi identifikata u miġġielda l-frodi transfruntiera tal-VAT, partikolarment fir-rigward tal-provvisti min-negozji għall-konsumatur. |
(5) |
L-għoti tal-għodod lill-Istati Membri għall-ġbir, il-ħżin u t-trażmissjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament u l-għoti lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc l-aċċess għal dik l-informazzjoni meta din tkun marbuta ma’ investigazzjoni fi frodi tal-VAT suspettata jew sabiex tiġi identifikata l-frodi tal-VAT hija miżura meħtieġa u proporzjonata biex tiġi miġġielda b’mod effettiv il-frodi tal-VAT. Dawk l-għodod huma essenzjali peress li l-awtoritajiet tat-taxxa jeħtieġu dik l-informazzjoni għall-finijiet ta’ kontroll tal-VAT, biex jipproteġu d-dħul pubbliku kif ukoll wkoll lin-negozji leġittimi fl-Istati Membri li min-naħa tagħhom jipproteġu l-impjiegi u liċ-ċittadini tal-Unjoni. |
(6) |
Huwa importanti li l-ipproċessar mill-Istati Membri, ta’ informazzjoni relatata ma’ pagamenti, ikun proporzjonat mal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Għalhekk, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-konsumaturi jew il-pagaturi u dwar il-pagamenti li wisq probabbli ma tkunx relatata ma’ attivitajiet ekonomiċi ma tinġabarx, ma tinħażinx jew ma tiġix trażmessa mill-Istati Membri. |
(7) |
Sabiex jinkiseb l-għan li tiġi miġġielda l-fordi tal-VAT b’mod aktar effettiv, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar pagamenti (“CESOP”), li liha l-Istati Membri jittrażmettu l-informazzjoni dwar il-pagamenti li huma jiġbru u li jistgħu jaħżnu fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li s-CESOP taħżen, taggrega u tanalizza, b’rabta mal-benefiċjarji individwali, l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-VAT rigward il-pagamenti trażmessi mill-Istati Membri. Jenħtieġ li s-CESOP tippermetti ħarsa ġenerali sħiħa tal-pagamenti riċevuti mill-benefiċjarji mingħand il-pagaturi li jinsabu fl-Istati Membri u li r-riżultat ta’ analiżi ta’ informazzjoni speċifika tkun disponibbli għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc. Jenħtieġ li s-CESOP tkun tista’ tirrikonoxxi rekords multipli tal-istess pagamenti, per eżempju l-istess pagament jista’ jiġi rrappurtat kemm mill-bank kif ukoll mill-emittent tal-kard ta’ pagatur partikolari, tnaddaf l-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri, per eżempju billi tneħħi d-duplikati u tikkoreġi l-iżbalji fid-data, eċċ u jenħtieġ li tippermetti lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc jagħmlu kontroverifika tal-informazzjoni dwar il-pagamenti mal-informazzjoni dwar il-VAT li jkollhom f’idejhom, jagħmlu talbiet għal informazzjoni għall-fini ta’ investigazzjoni ta’ suspett ta’ frodi tal-VAT jew sabiex jidentifikaw il-frodi tal-VAT u jżidu informazzjoni supplimentari. |
(8) |
It-tassazzjoni hija għan importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri u dan ġie rikonoxxut b’rabta mar-restrizzjonijiet li jistgħu jkunu imposti fuq l-obbligi u d-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-limitazzjonijiet b’rabta mad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data huma meħtieġa minħabba n-natura u l-volum ta’ dik l-informazzjoni li toriġina mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u jridu jkunu bbażati fuq il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/284 (6). Peress li l-informazzjoni dwar il-pagamenti hija partikolarment sensittiva, tinħtieġ iċ-ċarezza fl-istadji kollha tat-trattament tad-data dwar min huwa l-kontrollur jew il-proċessur f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725. |
(9) |
Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu applikati restrizzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġett tad-data f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Fil-fatt, l-applikazzjoni sħiħa tad-drittijiet u l-obbligi tas-suġġetti tad-data ddgħajjef serjament l-għan li tiġi miġġielda b’mod effettiv il-frodi tal-VAT u tista’ tippermetti lis-suġġetti tad-data jostakolaw l-analiżi u l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin minħabba l-volum enormi ta’ informazzjoni mibgħut mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u l-possibbiltà ta’ proliferazzjoni ta’ talbiet mis-suġġetti tad-data lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni jew lit-tnejn li huma. Dan inaqqas il-kapaċità tal-awtoritajiet tat-taxxa li jsegwu l-għan ta’ dan ir-Regolament billi jipperikola l-inkjesti, l-analiżijiet, l-investigazzjonijiet u l-proċeduri mwettqa f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li japplikaw restrizzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġett tad-data fl-ipproċessar ta’ informazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-għan tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT ma jistax jinkiseb b’mezzi oħra inqas restrittivi u effettivi daqs dawn. |
(10) |
L-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc biss jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-pagamenti maħżuna fis-CESOP u biss bl-għan tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Dik l-informazzjoni tista’ tintuża, flimkien mal-valutazzjoni tal-VAT, ukoll għall-valutazzjoni ta’ imposti, dazji u taxxi oħra kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 904/2010. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni ma tintużax għal finijiet oħra, bħal finijiet kummerċjali. |
(11) |
Meta jipproċessa l-informazzjoni dwar il-pagamenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li kull Stat Membru jirrispetta l-limiti ta’ dak li huwa proporzjonat u meħtieġ għall-fini ta’ investigazzjonijiet f’suspett ta’ frodi tal-VAT jew sabiex issir identifikazzjoni ta’ frodi tal-VAT. |
(12) |
Huwa importanti, sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/679, li l-informazzjoni b’rabta mal-pagamenti ma tintużax għat-teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzat u għalhekk jenħtieġ li dejjem tiġi verifikata b’referenza għal informazzjoni oħra dwar it-taxxa disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa. |
(13) |
Sabiex jassistu lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-identifikazzjoni ta’ frodaturi, huwa meħtieġ u proporzjonat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iżommu rekords tal-informazzjoni relatatama’ benefiċjarji u ma’ pagamenti b’rabta mas-servizzi ta’ pagament li jipprovdu għal tliet snin kalendarji. Dak il-perijodu jagħti biżżejjed żmien biex l-Istati Membri jwettqu l-kontrolli b’mod effettiv u jinvestigaw suspetti ta’ frodi tal-VAT jew jidentifikaw frodi tal-VAT, u huwa wkoll proporzjonat meta jitqies il-volum enormi tal-informazzjoni dwar il-pagamenti u s-sensittività tagħha f’termini ta’ protezzjoni tad-data personali. |
(14) |
Billi l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc jenħtieġ li jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-pagamenti maħżuna fis-CESOP bl-għan tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, persuni debitament akkreditati tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni għall-fini biss tal-iżvilupp u ż-żamma tas-CESOP. Il-persuni kollha li jaċċessaw dik l-informazzjoni huma marbuta bir-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 904/2010. |
(15) |
Peress li l-implimentazzjoni tas-CESOP ser tirrikjedi żviluppi teknoloġiċi ġodda, huwa meħtieġ li tiġi differita l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jiżviluppaw dawk it-teknoloġiji. |
(16) |
Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri tekniċi għall-istabbiliment u ż-żamma tas-CESOP, il-kompiti tal-Kummissjoni għall-amministrazzjoni teknika tas-CESOP, id-dettalji tekniċi li jiggarantixxu l-konnessjoni u l-operabbiltà ġenerali bejn is-sistemi elettroniċi nazzjonali u s-CESOP, il-formoli standard elettroniċi għall-ġbir ta’ informazzjoni mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament, id-dettalji tekniċi u oħrajn li jikkonċernaw l-aċċess għall-informazzjoni mill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc, l-arranġamenti prattiċi għall-identifikazzjoni tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc li jkollhom aċċess għas-CESOP, il-proċeduri li jippermettu l-adozzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzattivi xierqa għall-iżvilupp u t-tħaddim tas-CESOP, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni meta jaġixxu bħala kontrollur u proċessur skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u fir-rigward tal-arranġamenti proċedurali b’rabta mal-Eurofisc. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) |
(17) |
Il-frodi tal-VAT hija problema komuni għall-Istati Membri kollha. L-Istati Membri waħedhom ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli tal-VAT rigward il-kummerċ elettroniku transfruntier jiġu applikati b’mod korrett jew biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku transfruntier. minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri fil-każ tal-kummerċ elettroniku transfruntier iżda jista’, minħabba fl-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(18) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali. F’dak ir-rigward, dan ir-Regolament jillimita b’mod strett l-ammont ta’ data personali li ssir disponibbli għall-Istati Membri. L-ipproċessar tal-informazzjoni dwar il-pagamenti skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jseħħ biss għall-fini tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. |
(19) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal- Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fl-14 ta’ Marzu 2019 (8). |
(20) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
(*1) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).”;" |
(2) |
il-Kapitolu V huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
l-Artikolu 37 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 37 1. Il-president tal-Eurofisc għandu jippreżenta rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-oqsma kollha ta’ ħidma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 58(1). Ir-rapport annwali għandu mill-inqas jinkludi:
2. Il-Kmmissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni l-arranġamenti proċedurali fir-rigward tal-Eurofisc. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”; |
(4) |
fl-Artikolu 55, jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “1a. L-informazzjoni msemmija fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu V għandha tintuża biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u fejn din tkun ġiet ivverifikata b’referenza għal informazzjoni oħra dwar it-taxxa disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. MARIĆ
(1) Opinjoni tas-17 ta’ Diċembru 2019 (Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 240, 16.7.2019, p. 29.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il- moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/284 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagament (Ara paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).