28.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/271

tal-20 ta’ Frar 2020

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2020–2026)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles (“Seychelles”) bil-għan li tikkonkludi Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (il-“Ftehim ta’ Sħubija”) u protokoll ġdid ta’ implimentazzjoni tiegħu (il-“Protokoll”).

(2)

In-negozjati ntemmu b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll fit-22 ta’ Ottubru 2019.

(3)

Il-Ftehim ta’ Sħubija jħassar il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u Repubblika tas-Seychelles (1), li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Novembru 2007 għal perijodu ta’ sitt snin u li ġġedded b’mod taċitu, u li għalhekk għadu fis-seħħ.

(4)

L-aktar protokoll reċenti li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il- Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2) ġie ffirmat fit-18 ta’ Diċembru 2013 u ġie applikat provviżorjament mit-18 ta’ Jannar 2014. Huwa ntemm fis-17 ta’ Jannar 2020.

(5)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/272 (3), il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll ġew iffirmati fl-24 ta’ Frar 2020, soġġetti għall-konklużjoni tagħhom f’data aktar tard.

(6)

Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perijodu kollu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll.

(7)

Il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ tali attivitajiet.

(8)

Il-Protokoll ser jibda japplika fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2020–2026) (il-“Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)

il-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża:

Spanja:

22

bastiment

Franza:

16-il

bastiment

l-Italja:

2

bastimenti

(b)

il-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

Spanja:

2

bastimenti

Franza:

4

bastimenti

il-Portugall:

2

bastimenti

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda japplika mill-24 ta’ Frar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

B. DIVJAK


(1)   ĠU L 290, 20.10.2006, p. 2.

(2)  Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (ĠU L 4, 9.1.2014, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE)2020/272 tal-20 ta’ Frar 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles u tal-protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu (2020–2026) (Ara l-paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).