27.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/261

tad-19 ta’ Diċembru 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa rigward il-kontenut tar-reġistri elettroniċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 (3) jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri li jżommu reġistri elettroniċi ta’ awtorizzazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi u tal-magazzinieri li huma involuti fil-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa b’arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (4) testendi l-użu tas-sistema kompjuterizzata taħt id-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li qed tintuża bħalissa biex tissorvelja l-movimenti tal-oġġetti soġġetti għas-sisa b’sospensjoni tad-dazju, għas-superviżjoni tal-oġġetti soġġetti għas-sisa rrilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li mbagħad jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex jitwasslu għal finijiet kummerċjali.

(3)

Sabiex jippermetti l-funzjonament tajjeb tas-sistema kompjuterizzata billi tiġi żgurata l-ħażna ta’ data kompluta, aġġornata u preċiża, huwa neċessarju li jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 389/2012 biex jinkludi żewġ kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi: konsenjaturi ċċertifikati li huma rreġistrati bħala konsenjaturi għal oġġetti soġġetti għas-sisa li diġà ġew irrilaxxati għall-konsum, u destinatarji ċċertifikati li huma rreġistrati bħala destinatarji għal oġġetti soġġetti għas-sisa li diġà ġew irrilaxxati għall-konsum.

(4)

Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2020/262, fil-każ tal-moviment ta’ prodotti tal-enerġija b’arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju bil-baħar jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ jistgħu jawtorizzaw lill-konsenjatur biex fil-ħin tad-dispaċċ iħalli barra d-dettalji tad-destinatarju fl-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fl-Artikolu 20(2) ta’ dik id-Direttiva. Skont ir-Regolament (UE) Nru 389/2012 magazzinier awtorizzat biss għandu jinkludi dik l-informazzjoni fir-reġistru elettroniku. Huwa essenzjali li anke l-konsenjatur irreġistrat ikun jista’ jintroduċi fir-reġistru elettroniku l-informazzjoni dwar id-dritt tiegħu li jħalli barra d-dettalji tad-destinatarju fil-ħin tad-dispaċċ.

(5)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-estensjoni tar-reġistru elettroniku biex jinkludi lill-operaturi ekonomiċi li jċaqalqu l-oġġetti soġġetti għas-sisa rrilaxxati għall-konsum, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, biex jiġi żgurat il-funzjonament armonizzat tas-sistema kompjuterizzata u biex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(6)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali. Fid-dawl tal-limiti stabbiliti b’dan ir-Regolament, l-ipproċessar ta’ din id-data mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi fiskali leġittimi tal-Istati Membri.

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(8)

Sabiex id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2020/262 dwar l-awtomatizzazzjoni tal-movimenti tal-oġġetti soġġetti għas-sisa li jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex jitwasslu għal finijiet kummerċjali fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor u biex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju għall-bidliet li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplika mit-13 ta’ Frar 2023.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 389/2012 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 389/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (a) tal-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(iv)

konsenjaturi ċċertifikati skont it-tifsira tal-punt (12) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (*1);

(v)

destinatarji ċċertifikati skont it-tifsira tal-punt (13) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2020/262;

(*1)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p 4.).”;"

(2)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (f) u (g) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(f)

għall-magazzinieri awtorizzati, il-maħżen tat-taxxa jew il-lista ta’ mħażen tat-taxxa li għalihom tapplika l-awtorizzazzjoni tiegħu u, jekk applikabbli skont il-leġislazzjoni nazzjonali, indikazzjoni li huwa awtorizzat biex iħalli barra d-dettalji tad-destinatarju fil-ħin tad-dispaċċ skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2020/262, li huwa awtorizzat jaqsam moviment skont l-Artikolu 23 ta’ dik id-Direttiva jew li huwa awtorizzat li jkollu l-oġġetti soġġetti għas-sisa trasferiti lejn post tat-twassil dirett skont l-Artikolu 16(4) ta’ dik id-Direttiva, u indikazzjoni li qed jaġixxi bħala konsenjatur ċċertifikati jew destinatarju ċċertifikat skont l-Artikolu 35(6) u (7) ta’ dik id-Direttiva;

(g)

għad-destinatarji rreġistrati, jekk applikabbli skont il-leġislazzjoni nazzjonali, indikazzjoni li huwa awtorizzat li jkollu l-oġġetti soġġetti għas-sisa trasferiti lejn post tat-twassil dirett skont l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva (UE) 2020/262, u indikazzjoni li qed jaġixxi bħala destinatarju ċċertifikat skont l-Artikolu 35(7) ta’ dik id-Direttiva;”;

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

għall-konsenjaturi rreġistrati, indikazzjoni li huwa awtorizzat iħalli barra d-dettalji tad-destinatarju fil-ħin tad-dispaċċ skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2020/262, u indikazzjoni li qed jaġixxi bħala konsenjatur ċċertifikat skont l-Artikolu 35(6) ta’ dik id-Direttiva.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-13 ta’ Frar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIKKONEN


(1)  Opinjoni tat-3 ta’ Ottubru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-17 ta’ Ottubru 2018 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 108).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1).

(4)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (ara paġna 43 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).