17.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/41


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/203

tat-28 ta’ Novembru 2019

dwar il-klassifikazzjoni tal-vetturi, l-obbligi tal-utenti tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku, ir-rekwiżiti għall-kostitwenti tal-interoperabbiltà u l-kriterji minimi ta’ eliġibbiltà għall-korpi notifikati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 8(5), (10)3, 15(4), 15(5) u 19(5) tagħha,

Billi:

(1)

Biex jiġi żgurat li s-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS) jiffunzjona sew, l-utenti tal-EETS jeħtieġ li jipprovdu data korretta u huma responsabbli għall-istatus tat-tagħmir abbord, jekk jintuża tagħmir abbord.

(2)

Sabiex tiżdied l-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mar-rekwiżiti ġenerali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE, bħal pereżempju l-protezzjoni tad-data, il-fornituri tal-EETS u l-kolletturi tal-pedaġġi jeħtieġ li jikkonformaw ma’ sett minimu ta’ rekwiżiti proċedurali, tekniċi u operazzjonali.

(3)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ġenerali għall-infrastruttura sabiex jiġi żgurat li l-kostitwenti tal-interoperabbiltà jipprovdu data preċiża, identifikazzjoni korretta tal-fornituri tal-EETS, installazzjoni kif suppost tat-tagħmir abbord, jekk dan jintuża, u informazzjoni korretta għax-xufiera dwar l-obbligi tal-pedaġġi stradali.

(4)

Il-kriterji standard għan-nomina tal-korpi responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità tal-ispeċifikazzjonijiet u l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà jeħtieġ li jiġu definiti sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ għarfien espert u sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu joqogħdu fuq trattament ugwali fl-Istati Membri kollha.

(5)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva (UE) 2019/520, jenħtieġ li japplika mid-data msemmija fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva (UE) 2019/520.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament Delegat jistabbilixxi rekwiżiti għal dawn li ġejjin:

(1)

il-klassifikazzjoni tal-vetturi,

(2)

l-obbligi dettaljati tal-utenti tal-EETS,

(3)

il-kostitwenti tal-interoperabbiltà,

(4)

il-kriterji minimi ta’ eliġibbiltà għall-korpi notifikati.

Artikolu 2

Klassifikazzjoni tal-vetturi

1.   Il-parametri użati għall-klassifikazzjoni tal-vetturi għad-determinazzjoni tal-pedaġġi għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament Delegat.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva (UE) 2019/520, meta kollettur tal-pedaġġi jkun beħsiebu jintroduċi parametri ġodda għall-klassifikazzjoni tal-vetturi, l-Istat Membru fejn ikun irreġistrat jeħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-fornituri tal-EETS li qed joperaw fil-qasam tal-EETS sitt xhur qabel jiġu introdotti l-parametri ta’ klassifikazzjoni l-ġodda.

Artikolu 3

Obbligi dettaljati tal-utenti tal-EETS

1.   L-utenti tal-EETS għandhom jiżguraw li d-data kollha dwar l-utenti u l-vetturi li jipprovdu lill-fornituri tal-EETS u d-dikjarazzjoni tal-parametri varjabbli jkunu korretti.

2.   L-utenti tal-EETS għandhom jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiżguraw li t-tagħmir abbord ikun operattiv meta l-vettura tkun qed tiċċirkola f’dominju tal-EETS li jkun jeħtieġ tagħmir abbord.

3.   L-utenti tal-EETS għandhom iħaddmu t-tagħmir abbord skont l-istruzzjonijiet tal-fornitur tal-EETS, b’mod partikolari fejn dawn ikunu japplikaw għad-dikjarazzjoni tal-parametri varjabbli għall-klassifikazzjoni tal-vetturi.

Artikolu 4

Rekwiżiti għall-kostitwenti tal-interoperabbiltà

Il-kostitwenti tal-interoperabbiltà u l-infrastruttura mal-ġenb tat-triq għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament Delegat.

Artikolu 5

Kriterji minimi ta’ eliġibbiltà għall-korpi notifikati

Il-korpi notifikati msemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva (UE) 2019/520 għandhom ikunu konformi mal-kriterji minimi previsti fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament Delegat.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament Delegat għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-19 ta’ Ottubru 2021.

Dan ir-Regolament Delegat għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 91, 29.3.2019, p. 45.


ANNESS I

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-VETTURI

1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

1.1.

Kollettur tal-pedaġġi jeħtieġ li jippubblika l-korrispondenza bejn is-sett ta’ parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi użat u l-klassijiet tiegħu tat-tariffi tal-vetturi għal kull skema ta’ tariffi applikata f’dominju tal-EETS taħt ir-responsabbiltà tiegħu mill-inqas tliet xhur qabel l-użu tal-iskema ta’ tariffi. Dan l-obbligu ma jirreferi għal ebda bidla li titwettaq mill-kollettur tal-pedaġġi f’tariffi speċifiċi fi ħdan skema ta’ tariffi.

1.2.

Kollettur tal-pedaġġi jeħtieġ li jippubblika l-korrispondenza tal-klassijiet tiegħu tat-tariffi tal-vetturi mal-istruttura tiegħu tat-tariffi għal kull skema ta’ tariffi applikata f’dominju tal-EETS taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Meta tinbidel il-korrispondenza, dan jeħtieġ li jaġġorna l-pubblikazzjoni minnufih.

2.   Parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi

2.1.

Kollettur tal-pedaġġi jista’ juża parametri ta’ klassifikazzjoni tal-vetturi għal mill-inqas waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kull parametru tal-klassifikazzjoni tal-vetturi li jista’ jitkejjel bit-tagħmir tiegħu mal-ġenb tat-triq;

(b)

il-parametri tal-vetturi li huma elenkati fid-dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-vetturi (1) u standardizzati fil-klawżola 8.4 ta’ EN ISO 14906:2018 (2);

Jekk jintuża OBE, l-OBE huwa meħtieġ biss bħala appoġġ għall-ħżin u t-trażmissjoni ta’ parametri possibbli tal-klassifikazzjoni tal-vetturi li jistgħu jiġu rkuprati mill-OBE permezz ta’ komunikazzjoni dedikata b’firxa qasira ta’ 5,8 GHz kif definit mill-istandards EN 15509:2014 (3) u ETSI ES 200674-1 V2.4.1 (4); għal skemi bbażati fuq il-GNSS, barra minn hekk, kull parametru tal-vetturi jista’ jiġi rkuprat mill-OBE billi jintuża CEN-DSRC kif definit minn EN ISO 12813:2019 (5).

2.2.

Meta jkun qed jiċċirkola f’dominju tal-pedaġġi, it-tagħmir abbord tal-vettura jeħtieġ li jkun kapaċi jikkomunika l-informazzjoni dwar l-istatus tat-tagħmir abbord u, fejn applikabbli, il-parametri għall-klassifikazzjoni tal-vettura tiegħu lit-tagħmir tal-monitoraġġ tad-dikjarazzjoni tal-pedaġġi tal-kollettur tal-pedaġġi, kif definit fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/204 (6).

3.   Skemi ġodda ta’ tariffi

3.1.

Fejn skema ta’ tariffi li tkun għadha kemm ġiet introdotta tkun ibbażata fuq il-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi li diġà jintużaw f’tal-anqas dominju wieħed tal-EETS, il-fornituri tal-EETS jeħtieġ li jimplimentaw l-iskema l-ġdida ta’ tariffi sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.2.

Fejn skema ġdida tat-tariffi tintroduċi parametru ġdid wieħed jew aktar tal-klassifikazzjoni tal-vetturi, jeħtieġ li tiġi segwita l-proċedura skont l-Artikolu 2.2 tar-Regolament Delegat.

(1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/127/KE tat-23 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għal vetturi (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 29).

(2)  Ġbir elettroniku tat-tariffi – Definizzjoni tal-interfaċċa tal-applikazzjoni għall-komunikazzjoni dedikata b’firxa qasira.

(3)  Ġbir tat-tariffi b’mezzi elettroniċi - Profil tal-applikazzjoni tal-interoperabbiltà għad-DSRC

(4)  Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS); Telematika tat-Trasport bit-Triq u tat-Traffiku (RTTT); Komunikazzjoni Ddedikata Fuq Medda Qasira (DSRC); Parti 1: Il-karatteristiċi tekniċi u l-metodi tal-ittestjar għat-tagħmir tat-trażmissjoni tad-data b’Rata Għolja ta’ Data (HDR) li jopera fil-banda Industrijali, Xjentifika u Medika (ISM) ta’ 5,8 GHz.

(5)  Ġbir tat-tariffi b’mezzi elettroniċi – Komunikazzjoni dwar il-kontroll tal-konformità għal sistemi awtonomi

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/204 tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-obbligi dettaljati tal-fornituri tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku, il-kontenut minimu tad-dikjarazzjoni tad-dominju tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku, l-interfaċċi elettroniċi, ir-rekwiżiti għall-kostitwenti tal-interoperabbiltà u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/750/KE (ĠU L 43, 17.2.2020, p. 49).


ANNESS II

REKWIŻITI GĦALL-KOSTITWENTI TAL-INTEROPERABBILTÀ

1.   REKWIŻITI ĠENERALI

1.1.   Affidabbiltà u disponibbiltà

1.1.1.

Il-monitoraġġ u l-manutenzjoni tal-komponenti fissi jew mobbli li jintużaw fl-EETS jeħtieġ li jiġu organizzati, imwettqa u kwantifikati b’tali mod li jkomplu jaħdmu skont il-kondizzjonijiet maħsuba.

1.1.2.

Id-disinn tal-EETS għandu jippermetti lis-sistema tkompli taħdem jekk il-komponenti ma jaħdmux tajjeb jew ma jaħdmux għalkollox, possibbilment b’mod degradat, iżda bl-inqas tfixkil għall-utenti tal-EETS.

1.2.   Kompatibbiltà teknika

Meta jkunu qed jinterfaċċjaw, il-karatteristiċi tekniċi tat-tagħmir tal-fornituri tal-EETS u tal-kolletturi tal-pedaġġi jeħtieġ li jkunu kompatibbli u konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/204.

1.3.   Sigurtà/privatezza u protezzjoni tad-data personali

1.3.1.

L-EETS jeħtieġ li jipprovdi karatteristiċi ta’ sigurtà b’rabta mal-protezzjoni tad-data maħżuna, ġestita u trasferita bejn il-partijiet ikkonċernati fl-ambjent tal-EETS. Il-karatteristiċi ta’ sigurtà għandhom jintegraw is-salvagwardji meħtieġa fl-ipproċessar sabiex jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tal-partijiet ikkonċernati tal-EETS, u b’mod partikolari jipproteġuhom mir-riskji jew mill-ħsara kkawżati minn nuqqas ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità, integrità, awtentikazzjoni, nonripudju u protezzjoni minn aċċess mhux awtorizzat għal data tal-utenti f’ambjent Ewropew b’aktar minn utent wieħed, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

1.3.2.

L-EETS jeħtieġ li jkun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. B’mod partikolari, jeħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jibdlu d-Direttiva 2002/58/KE f’liġi nazzjonali.

2.   REKWIŻITI SPEĊIFIĊI

2.1.   Rekwiżiti tal-infrastruttura

2.1.1.

L-infrastruttura tal-EETS jeħtieġ li tippermetti l-akkuratezza tad-data dwar id-dikjarazzjoni tal-pedaġġi biex tikkorrispondi mar-rekwiżiti tar-reġim tal-pedaġġi sabiex jiġi garantit trattament ugwali u ġust bejn l-utenti tal-EETS fir-rigward tal-pedaġġi u t-tariffi.

2.1.2.

It-tagħmir abbord jeħtieġ li jippermetti lill-kolletturi tal-pedaġġi jidentifikaw il-fornitur tal-EETS responsabbli. It-tagħmir abbord jeħtieġ li jimmonitorja din l-informazzjoni b’mod regolari, jinvalida lilu nnifsu jekk tiġi skoperta irregolarità u, fejn possibbli, irid jinforma lill-fornitur tal-EETS bl-anomalija.

2.1.3.

Fejn applikabbli, it-tagħmir tal-EETS jeħtieġ li jkun iddisinjat b’tali mod li l-kostitwenti tal-interoperabbiltà tiegħu jużaw standards maħruġa mill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni.

2.1.4.

It-tagħmir abbord jeħtieġ li jkun integrat b’mod sikur u sigur. L-immuntar tiegħu jrid ikun konformi mar-rekwiżiti għall-kamp viżiv ta’ quddiem tal-vettura (1).

2.1.5.

Il-kolletturi tal-pedaġġi jeħtieġ li jinfurmaw lis-sewwieqa, permezz ta’ sinjalizzazzjoni jew mezzi oħra magħżula mill-Istati Membri, dwar ir-rekwiżit tal-ħlas ta’ pedaġġ jew tariffa għas-sewqan ta’ vettura f’dominju tal-EETS, u dwar it-toroq koperti minn dominju tal-EETS.

2.2.   Rekwiżiti tat-tħaddim u l-ġestjoni

2.2.1.

Il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS jeħtieġ li jistabbilixxu pjanijiet ta’ emerġenza sabiex jiġi evitat li jkun hemm xkiel gravi fil-fluss tat-traffiku f’każ li l-EETS ma jkunx disponibbli.

2.2.2.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ tagħmir abbord li juża teknoloġija ta’ pożizzjonament bis-satellita kif previst skont l-Artikolu 3.3 tad-Direttiva (UE) 2019/520, jistgħu jiġu applikati l-ispeċifikazzjonijiet tat-test ta’ konformità EGNOS/Galileo eCall (2).

(1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 90/630/KEE tat-30 ta’ Ottubru 1990 li taddatta għall-progress tekniku tad-Direttiva tal-Kunsill 77/649/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-qasam ta’ viżjoni ta’ xufiera ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 341, 6.12.1990, p. 20).

(2)  Il-linji gwida ta’ implimentazzjoni għall-manifatturi ta’ Unitajiet Abbord, il-bejjiegħa ta’ soluzzjonijiet ta’ ttestjar u ċ-ċentri tekniċi, tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-KE (Diċembru 2017, verżjoni 1.0).


ANNESS III

KRITERJI MINIMI TA’ ELIĠIBBILTÀ GĦALL-KORPI NOTIFIKATI

1.   

Għall-finijiet ta’ notifika, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, li hu korp intitolat li jwettaq jew jissorvelja l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà, jeħtieġ li jkun konformi mal-paragrafi 2 sa 11 ta’ dan l-Anness.

Il-korp jeħtieġ li jkun akkreditat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 (1) għall-istandard Ewropew armonizzat għall-valutazzjoni tal-konformità dwar ir-rekwiżiti għall-korpi li jiċċertifikaw prodotti, proċessi u servizzi.

2.   

Il-korp jeħtieġ li jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali u għandu jkollu personalità ġuridika.

3.   

Il-korp jeħtieġ li jkun korp terz indipendenti mill-organizzazzjoni jew mill-prodott li jivvaluta.

Korp li jkun jappartjeni lil xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tkun tirrappreżenta intrapriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-provvista, il-muntaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ prodotti li huwa jivvaluta, jista’ jitqies bħala tali korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jekk jintwerew l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta’ kull konflitt ta’ interess min-naħa tiegħu.

4.   

Il-korp, l-ogħla livell tal-ġestjoni tiegħu jew il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma jistgħux ikunu d-disinjaturi, il-manifatturi, il-fornituri, l-installaturi, ix-xerrejja, is-sidien, l-utenti jew dawk li jwettqu l-manutenzjoni tal-prodotti li huma jivvalutaw, u lanqas għandhom ikunu r-rappreżentanti awtorizzati ta’ kwalunkwe waħda minn dawk il-partijiet. Dan jeħtieġ li ma jipprekludix l-użu tal-prodotti vvalutati li huma neċessarji għall-operazzjonijiet tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta’ prodotti bħal dawn għal għanijiet personali.

Il-korp, l-ogħla livell tal-ġestjoni tiegħu jew il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li ma jkunux direttament involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ dawk il-prodotti, u lanqas ma jridu jirrappreżentaw lill-partijiet li jwettqu dawk l-attivitajiet. Ma jridux jieħdu sehem fl-ebda attività li tista’ toħloq kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom huma jkunu notifikati. B’mod partikolari, jeħtieġ li dan japplika għas-servizzi ta’ konsulenza.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom.

5.   

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom jeħtieġ li jwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku. Jeħtieġ ukoll li jkunu ħielsa minn kull pressjoni u persważjoni, b’mod partikolari dawk ta’ natura finanzjarja, li tista’ tinfluwenza l-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

6.   

Il-korp jeħtieġ li jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu bid-Direttiva 2019/520/UE u l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti, u li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità stess kif ukoll jekk isiru f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

F’kull żmien u għal kull proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità u għal kull tip jew kategorija ta’ prodotti li fir-rigward tagħhom ikun notifikat, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu n-neċessitajiet li ġejjin:

(a)

persunal b’għarfien tekniku u esperjenza biżżejjed u rilevanti biex iwettaq il-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità;

(b)

deskrizzjonijiet ta’ proċeduri li jirregolaw il-mod li bih titwettaq valutazzjoni tal-konformità, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u l-kapaċità ta’ riproduzzjoni ta’ dawk il-proċeduri. Jeħtieġ li jkollu politika u proċeduri stabbiliti li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat u attivitajiet oħrajn; kif ukoll

(c)

proċeduri għall-prestazzjoni ta’ attivitajiet li jqisu d-daqs tal-impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-prodott ikkonċernat u n-natura ta’ massa jew ta’ serje tal-proċess ta’ produzzjoni.

Għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti tekniċi u amministrattivi konnessi mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità b’mod xieraq u jeħtieġ li jkollu aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet kollha meħtieġa.

7.   

Il-persunal responsabbli għat-twettiq tal-attivitajiet marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li jkollu dawn li ġejjin:

(a)

taħriġ tekniku u vokazzjonali xieraq li jkopri l-attivitajiet kollha ta’ valutazzjoni ta’ konformità li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat il-korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità;

(b)

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet li jwettaq u awtorità suffiċjenti biex iwettaq dawk il-valutazzjonijiet;

(c)

għarfien u fehim suffiċjenti tar-rekwiżiti essenzjali, tal-istandards applikabbli u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni u tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni tagħha; kif ukoll

(d)

il-kapaċità meħtieġa biex ifassal ċertifikati, rekords u rapporti li juru li l-valutazzjonijiet ikunu saru.

8.   

L-imparzjalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment superjuri u tal-persunal tal-valutazzjoni tagħhom jeħtieġ li tkun iggarantita.

Is-salarji tal-maniġment superjuri u tal-persunal li jwettaq il-valutazzjonijiet ma jistgħux jiddependu fuq l-għadd ta’ valutazzjonijiet li jitwettqu, u lanqas ma jistgħu jiddependu fuq ir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

9.   

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li jipprovdu polza tal-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà sakemm ir-responsabbiltà ma titteħidx mill-Istat f’konformità mal-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

10.   

Il-persunal tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li jikkonforma mas-segretezza professjonali għall-informazzjoni kollha miksuba waqt it-twettiq tal-kompiti tiegħu skont id-Direttiva (UE) 2019/520 u mal-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti jew ma’ kull liġi nazzjonali li tagħtiha effett. Madankollu, dan ma japplikax għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettqu l-attivitajiet tiegħu. Id-drittijiet ta’ proprjetà jeħtieġ li jiġu protetti.

11.   

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti u fl-attivitajiet tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-korp notifikat stabbilit skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, jew jiżguraw li l-persunal li jwettaq il-valutazzjoni jkun mgħarraf dwar dawn l-attivitajiet, u jridu japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti minn dak il-grupp.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).