31.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/128

tal-25 ta’ Novembru 2019

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament ġenerali tal-Iskema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (“SĠP”).

(2)

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistipula li pajjiż li jkun ġie kklassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż ta’ dħul għoli jew bi dħul medju superjuri għal tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel l-aġġornament tal-lista tal-pajjiżi benefiċjarji ma jistax jibbenefika mill-SĠP.

(3)

Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, hija stabbilita fl-Anness II ta’dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina l-Anness II sal-1 ta’ Jannar kull sena sabiex temenda l-istatus tal-pajjiżi elenkati skont il-kriterji stipulati fl-Artikolu 4.

(4)

Skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, hemm bżonn li pajjiż benefiċjarju tal-SĠP u l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien biżżejjed biex l-istatus tal-pajjiż fir-rigward tal-SĠP jinbidel b’mod ordnat. Għaldaqstant, l-arranġament tal-SĠP jenħtieġ li jkompli għal sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ bidla fl-istatus ta’ pajjiż b’konformità mal- Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

(5)

Nauru, Samoa, u Tonga ġew ikklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi bi dħul medju superjuri fl-2017, il-2018 u l-2019. B’konformità ma’ dan, ma għadhomx jikkwalifikaw għal status ta’ benefiċjarju tal-SĠP skont l-Artikolu 4(1)(a) u għandhom jitneħħew mill-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. L-arranġament tal-SĠP fil-konfront ta’ dawn il-pajjiżi jenħtieġ li jkompli għal sena waħda wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni biex dawk il-pajjiżi jitneħħew mill-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Għalhekk, fl-interessi tas-sempliċità u ċ-ċertezza legali, Nauru, Samoa u Tonga għandhom jitneħħew mill-Anness II b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-pajjiżi li ġejjin u l-kodiċi alfabetiċi korrispondenti jiddaħħlu taħt il-kolonni A u B, rispettivament:

‘NR

Nauru

WS

Samoa

TO

Tonga’

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

L-Artikolu 1 għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).