15.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/21

tal-14 ta’ Jannar 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 79/2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47l(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 79/2012 (2) fil-punt (d) tal-Artikolu 7(2) jipprevedi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqiegħed portal web għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri li jagħżlu li jippubblikaw, fost l-oħrajn, ir-rata tat-taxxa applikabbli għal provvisti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir u servizzi fornuti b’mezzi elettroniċi msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(2)

Il-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) jipprevedi skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu ċerti servizzi. Dak il-Kapitolu ġie emendat bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 (4) u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ġie estiż għal provvisti ta’ servizzi lil persuni mhux taxxabbli u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti.

(3)

Sabiex jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-iskemi speċjali tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 ġie emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/2454 (5) u ddaħħal l-Artikolu 47 g.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 79/2012 jiġi emendat biex jirrifletti din il-bidla fir-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(5)

Sabiex dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data tad-dispożizzjonijiet emendati tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE u l-Artikolu 47 g tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Punt (d) tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 79/2012 jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-rati tat-taxxa applikabbli għal provvisti ta’ oġġetti u servizzi skont l-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 g tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President,

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 79/2012 tal-31 ta’ Jannar 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 29, 1.2.2012, p. 13).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 1).