10.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/11

tad-29 ta’ Ottubru 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet fir-rigward tal-informazzjoni relatata mar-reazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-saħħa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 45(4) u 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/542 (2) biex jiżdiedu ċerti rekwiżiti għat-tressiq ta’ informazzjoni relatata mar-reazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-saħħa u għall-inklużjoni ta’ “identifikatur uniku tal-formula” fl-informazzjoni supplimentari pprovduta fuq it-tikketta ta’ taħlita perikoluża. L-emendi huma intiżi li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2020, iżda l-importaturi u l-utenti downstream huma meħtieġa biss jibdew jikkonformaw mar-regoli l-ġodda fi stadji, skont serje ta’ dati ta’ konformità li jiddependu mill-użu li għalih it-taħlita titqiegħed fis-suq. L-ewwel data ta’ konformità ta’ dan it-tip hija l-1 ta’ Jannar 2020.

(2)

Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/542, saru diversi suġġerimenti ta’ abbozzar waqt diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali u ma’ partijiet ikkonċernati oħra bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti permezz ta’ dak ir-Regolament u li tiġi ċċarata t-tifsira tagħhom. Ir-regoli l-ġodda introdotti minn dak ir-Regolament għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati biex jippermettu interpretazzjoni aktar simplifikata tagħhom, biex titjieb il-koerenza interna u biex jittaffew xi konsegwenzi mhux intenzjonati li saru evidenti biss wara l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament. B’mod partikolari, peress li jista’ jkun hemm bżonn li l-identifikatur uniku tal-formula (UFI) jiġi aġġornat ta’ spiss, ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li jipprevedu li l-UFI jintwera jew fuq it-tikketta tat-taħlita perikoluża jew fuq l-imballaġġ tagħha qrib it-tikketta. L-Artikolu 31(5) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 diġà jinkludi wkoll l-għażla li l-elementi tat-tikketta jitqiegħdu kollha fuq l-imballaġġ minflok fuq it-tikketta. Barra minn hekk, l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jindirizza s-sitwazzjoni fejn tiġi pprovduta taħlita mingħajr imballaġġ.

(3)

Minbarra s-suġġerimenti ta’ abbozzar, l-awtoritajiet nazzjonali u partijiet ikkonċernati oħra qajmu ċerti kwistjonijiet li jirrigwardaw il-prattiċità tar-regoli l-ġodda introdotti permezz tar-Regolament (UE) 2017/542, pereżempju l-effetti tal-varjabbiltà kbira fil-kompożizzjoni tat-taħlitiet minħabba l-oriġini naturali tal-komponenti, id-diffikultà li ssir taf il-kompożizzjoni eżatta tal-prodotti f’każijiet li jinvolvu ktajjen ta’ provvista kumplessi, u l-impatt ta’ fornituri multipli ta’ komponenti tat-taħlita bl-istess karatteristiċi tekniċi u perikli. Ladarba jkunu ġew żviluppati soluzzjonijiet meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, kull bidla li tirriżulta għar-regoli l-ġodda jkollha ssir qabel l-ewwel data ta’ konformità meta l-importaturi u l-utenti downstream ikunu meħtieġa jibdew jikkonformaw mar-regoli l-ġodda fir-rigward ta’ taħlitiet għall-użu mill-konsumatur. Huwa għalhekk xieraq li l-ewwel data ta’ konformità tiġi differita mill-1 ta’ Jannar 2020 għall-1 ta’ Jannar 2021 sabiex jingħata biżżejjed żmien biex jiġu żviluppati s-soluzzjonijiet meħtieġa u jsiru l-bidliet meħtieġa għar-regoli l-ġodda. Dan il-posponiment ma jaffettwax il-ħtieġa li l-Istati Membri jkollhom is-sistemi tagħhom operattivi fi żmien xieraq qabel l-1 ta’ Jannar 2021 sabiex jippermettu lill-importaturi u lill-utenti downstream żmien biżżejjed biex jippreparaw għat-tressiq ta’ tagħrif tagħhom qabel dik id-data.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita sabiex tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/542,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 25, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Meta, skont l-Anness VIII, min ikun qed jibgħat it-tagħrif joħloq identifikatur uniku tal-formula, dan għandu jiġi inkluż fl-informazzjoni supplimentari fuq it-tikketta skont id-dispożizzjonijiet tat-taqsima 5 tal-Parti A ta’ dak l-Anness.”;

(2)

fl-Artikolu 29, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Meta, skont l-Anness VIII, min ikun qed jibgħat it-tagħrif joħloq identifikatur uniku tal-formula, dan jista’, minflok ma jinkludih fl-informazzjoni supplimentari fuq it-tikketta, jagħżel li jurih b’mod ieħor li jkun permess skont it-taqsima 5 tal-Parti A ta’ dak l-Anness.”;

(3)

L-Anness VIII huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/542 tat-22 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet billi jżid Anness dwar l-informazzjoni armonizzata relatata mar-reazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-saħħa (ĠU L 78, 23.3.2017, p. 1).


ANNESS

L-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)

It-Taqsima 1.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.1.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-importaturi u l-utenti downstream li jqiegħdu taħlitiet fis-suq għall-użu mill-konsumaturi, fis-sens tat-Taqsima 2.4 tal-Parti A ta’ dan l-Anness, għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Anness.”;

(b)

It-Taqsima 2.3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.3.

Fil-każ ta’ taħlitiet li jitqiegħdu fis-suq għal użu industrijali biss, dawk li jibagħtu t-tagħrif jistgħu jagħżlu li jibagħtu tagħrif limitat, minflok ma jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali tat-tressiq, skont it-Taqsima 3.1.1 tal-Parti B, sakemm ikun hemm aċċess rapidu għal tagħrif iktar iddettaljat dwar il-prodotti skont it-Taqsima 1.3 ta’ dik il-Parti.”;

(c)

It-Taqsima 4.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“4.1

Jista’ jintbagħat tagħrif f’daqqa għal iktar minn taħlita waħda, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta’ taħlitiet”, f’każ li t-taħlitiet kollha fi grupp ikunu kklassifikati bl-istess mod fejn jidħlu l-perikli fiżiċi tagħhom jew il-perikli tagħhom marbutin mas-saħħa.”;

(d)

It-Taqsima 4.3. hija sostitwita b’dan li ġej:

“4.3.

B’deroga mit-taqsima 4.2, it-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta’ taħlitiet għandu jitħalla jsir ukoll meta d-differenza fil-kompożizzjoni tat-taħlitiet differenti fil-grupp ikollha x’taqsam biss mal-fwejjaħ, sakemm il-konċentrazzjoni totali tal-fwejjaħ differenti f’kull taħlita ma tkunx taqbeż il-5 %.”;

(e)

fit-Taqsima 5.1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mit-tieni subparagrafu, m’għandux ikun hemm bżonn ta’ UFI ġdid fil-każ ta’ taħlitiet inklużi fit-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta’ taħlitiet li jkun fihom il-fwejjaħ sakemm il-bidla fil-kompożizzjoni jkollha x’taqsam biss ma’ dawk il-fwejjaħ jew maż-żieda ta’ fwejjaħ ġodda fihom.”;

(f)

It-Taqsima 5.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.2.

Minflok ma jinkludi l-UFI fl-informazzjoni supplimentari fuq it-tikketta, min ikun qed jibgħat it-tagħrif jista’ jagħżel li jistampah jew iwaħħlu fuq l-imballaġġ ta’ ġewwa flimkien mal-elementi l-oħra tat-tikketta.

Meta l-imballaġġ ta’ ġewwa jkun jew f’tali forma jew tant żgħir li jkun impossibbli li l-UFI jitwaħħal fuqu, min ikun qed jibgħat it-tagħrif jista’ jistampa jew iwaħħal l-UFI flimkien mal-elementi l-oħra tat-tikketta fuq imballaġġ ta’ barra.

Fil-każ ta’ taħlitiet li mhumiex ippakkjati, l-UFI għandu jiġi indikat fl-Iskeda ta’ Data ta’ Sigurtà jew jiġi inkluż fil-kopja tal-elementi tat-tikketta msemmija fl-Artikolu 29(3), kif applikabbli.

Qabel l-UFI għandu jkun hemm l-akronimu “UFI” mogħti b’ittri kapitali, segwit b’żewġ punti (“UFI:”) u dan għandu jkun jidher b’mod ċar, ikun jista’ jinqara sew u jkun immarkat b’mod li ma jkunx jista’ jitħassar.”;

(g)

It-Taqsima 5.3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.3

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tat-Taqsima 5.2, fil-każ ta’ taħlitiet fornuti għal użu f’siti industrijali, l-UFI jista’ jiġi indikat minflok fl-Iskeda ta’ Data tas-Sigurtà.”;

(2)

Il-Parti B hija emendata kif ġej:

(a)

fit-Taqsima 1.1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandhom jingħataw l-isem/ismijiet kummerċjali sħaħ tat-taħlita, fosthom, fejn ikun rilevanti, isem il-marka, isem il-prodott u l-ismijiet differenti hekk kif jidhru fuq it-tikketta, mingħajr abbrevjazzjonijiet, u li jippermettu l-identifikazzjoni speċifika tagħha.”;

(b)

It-Taqsima 1.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.2.   Id-dettalji ta’ min ikun qed jibgħat it-tagħrif u tal-punt ta’ kuntatt

L-isem, l-indirizz sħiħ, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ min ikun qed jibgħat it-tagħrif għandhom jiġu pprovduti u, jekk differenti, l-isem, l-indirizz sħiħ, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika tal-punt ta’ kuntatt li għandu jintuża biex tinkiseb aktar informazzjoni rilevanti għall-finijiet tar-reazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-saħħa.”;

(c)

It-Taqsima 1.3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.3.   L-isem, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika għal aċċess rapidu għal tagħrif addizzjonali dwar il-prodott

F’każ li jintbagħat tagħrif limitat kif stabbilit fit-Taqsima 2.3 tal-Parti A, iridu jingħataw l-isem, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika għal aċċess rapidu għal tagħrif addizzjonali ddettaljat dwar il-prodott li jkun rilevanti għall-finijiet tar-reazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-saħħa fil-lingwa prevista fit-Taqsima 3.3 tal-Parti A. In-numru tat-telefon għandu jkun aċċessibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.”;

(d)

fit-Taqsima 2.4, it-tielet inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

il-pH, jekk tkun disponibbli, tat-taħlita kif fornuta, jew, meta t-taħlita tkun solida, il-pH ta’ likwidu jew soluzzjoni milwiema f’konċentrazzjoni partikolari. Il-konċentrazzjoni tat-taħlita tat-test fl-ilma għandha tiġi indikata. Jekk il-pH ma tkunx disponibbli, għandhom jingħataw ir-raġunijiet;”

(e)

fit-Taqsima 3.1, it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“B’deroga mit-tieni subparagrafu, fit-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta’ taħlitiet, tal-inqas waħda mit-taħlitiet irid ikun fiha l-komponenti tal-fwejjaħ.

Għat-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta’ taħlitiet, f’każ li l-fwejjaħ ma jkunux l-istess fit-taħlitiet inklużi fil-grupp, għandha tingħata lista tat-taħlitiet u tal-fwejjaħ li dawn jinkludu, inkluża l-klassifikazzjoni tagħhom.”;

(f)

It-Taqsima 3.1.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.1.1.   Rekwiżiti għat-taħlitiet għal użu industrijali

F’każ li jintbagħat tagħrif limitat kif stabbilit fit-Taqsima 2.3 tal-Parti A, it-tagħrif li jrid jintbagħat dwar il-kompożizzjoni tat-taħlita għal użu industrijali jista’ jkun limitat għat-tagħrif mogħti fl-Iskeda ta’ Data tas-Sigurtà skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sakemm dak it-tagħrif addizzjonali dwar il-kompożizzjoni jkun disponibbli għal aċċess rapidu skont it-Taqsima 1.3.”;

(g)

l-intestatura tat-Taqsima 3.2 tinbidel b’dan li ġej:

Identifikazzjoni tal-komponenti tat-taħlit a ”;

(h)

fit-Taqsima 3.2, jiddaħħal dan il-paragrafu qabel it-Taqsima 3.2.1:

“Komponent tat-taħlita huwa sustanza jew taħlita f’taħlita.”;

(i)

Fit-Taqsima 3.2.2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-tagħrif dwar is-sustanzi li jkun fiha l-MIM għandu jingħata skont il-kriterji tat-Taqsima 3.2.1, ħlief jekk min ikun qed jibgħat it-tagħrif ma jkollux aċċess għat-tagħrif dwar il-kompożizzjoni kollha tal-MIM. F’dan il-każ, l-MIM għandha tiġi identifikata permezz tal-identifikatur tal-prodott tagħha skont l-Artikolu 18(3)(a), flimkien mal-konċentrazzjoni u l-UFI tagħha, jekk disponibbli u jekk il-korp maħtur ikun irċieva t-tagħrif dwar l-MIM fi tressiq tat-tagħrif preċedenti. Fin-nuqqas ta’ UFI jew jekk il-korp maħtur ma jkunx irċieva t-tagħrif dwar l-MIM fi tressiq tat-tagħrif preċedenti, l-MIM għandha tiġi identifikata permezz tal-identifikatur tal-prodott tagħha skont l-Artikolu 18(3)(a), flimkien mal-konċentrazzjoni tagħha u l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tagħha fl-Iskeda ta’ Data tas-Sigurtà tal-MIM u ta’ kwalunkwe komponent magħruf ieħor, kif ukoll l-isem, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefon tal-fornitur tal-MIM.”;

(j)

It-Taqsima 3.2.3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.2.3.   L-identifikaturi tal-prodotti ġeneriċi

B’deroga mit-Taqsimiet 3.2.1 u 3.2.2, l-identifikaturi tal-prodotti ġeneriċi “fwejjaħ” jew “koloranti” jistgħu jintużaw għall-komponenti tat-taħlita użati biss biex tiżdied il-fwieħa jew biex jiżdied il-kulur magħha meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

il-komponenti tat-taħlita mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi għas-saħħa,

il-konċentrazzjoni tal-komponenti tat-taħlita identifikati permezz ta’ identifikatur tal-prodott ġeneriku partikolari b’kollox ma taqbiżx:

(a)

5 % għall-fwejjaħ kollha; u

(b)

25 % għall-koloranti kollha.”;

(k)

It-Taqsima 3.3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.3.   Il-komponenti tat-taħlita suġġetti għar-rekwiżiti tat-tressiq

Għandhom jiġu indikati l-komponenti tat-taħlita li ġejjin:

(1)

il-komponenti tat-taħlita kklassifikati bħala perikolużi abbażi tal-effetti fiżiċi tagħhom jew tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa li:

jinsabu fit-taħlita f’konċentrazzjoni ta’ 0.1 % jew iktar;

huma identifikati, anki jekk f’konċentrazzjonijiet ta’ inqas minn 0.1 %, ħlief jekk min ikun qed jibgħat it-tagħrif ikun jista’ juri li dawn il-komponenti mhumiex rilevanti għall-finijiet tar-reazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-saħħa u tal-miżuri ta’ prevenzjoni;

(2)

il-komponenti tat-taħlita mhux ikklassifikati bħala perikolużi abbażi tal-effetti fiżiċi tagħhom jew tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa li huma identifikati u li jinsabu fit-taħlita f’konċentrazzjoni ta’ 1 % jew iktar.”;

(l)

It-Taqsima 3.4 hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.4.   Il-konċentrazzjoni tal-komponenti tat-taħlita u l-firxiet tal-konċentrazzjoni tagħhom

Dawk li jibagħtu t-tagħrif għandhom jipprovdu t-tagħrif stabbilit fit-Taqsimiet 3.4.1 u 3.4.2 b’rabta mal-konċentrazzjoni tal-komponenti tat-taħlita, identifikati skont it-Taqsima 3.3.”;

(m)

fit-taqsima 3.4.1, it-titolu tat-Tabella 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Il-firxiet tal-konċentrazzjoni li japplikaw għall-komponenti perikolużi li huma ta’ tħassib kbir għar-reazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-saħħ a ”;

(n)

It-Taqsima 3.4.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.4.2.   Komponenti perikolużi oħrajn u komponenti li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi

Il-konċentrazzjoni tal-komponenti perikolużi f’taħlita li mhumiex ikklassifikati bħala komponenti li jidħlu fi kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ periklu mniżżlin fit-Taqsima 3.4.1 u l-konċentrazzjoni tal-komponenti identifikati li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi għandhom jingħataw bħala firxiet ta’ perċentwali f’ordni dekrexxenti skont il-massa jew il-volum tagħhom, skont it-Tabella 2. Minflok jistgħu jingħataw il-perċentwali eżatti.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, għall-komponenti tal-fwieħa li mhumiex ikklassifikati jew li huma kklassifikati biss għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda tal-kategorija 1, 1 A jew 1B jew għat-tossiċità marbuta mal-aspirazzjoni, dawk li jibagħtu t-tagħrif m’għandhomx ikunu obbligati jipprovdu tagħrif fuq il-konċentrazzjoni tagħhom, sakemm il-konċentrazzjoni totali tagħhom ma tkunx taqbeż il-5 %.

Tabella 2

Il-firxiet tal-konċentrazzjoni li japplikaw għal komponenti perikolużi oħrajn u għal komponenti li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi

Il-firxa tal-konċentrazzjoni tal-komponent li jinsab fit-taħlita (f’perċentwali)

Il-medda massima tal-firxa ta’ konċentrazzjoni li għandha tintuża meta jintbagħat it-tagħrif

≥ 25 - < 100

Unitajiet ta’ 20 %

≥ 10 - < 25

Unitajiet ta’ 10 %

≥ 1 - < 10

Unitajiet ta’ 3 %

> 0 - < 1

Unitajiet ta’ 1 %”;

(o)

It-Taqsima 3.5 hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.5.   Il-klassifikazzjoni tal-komponenti tat-taħlita

Għandha tingħata l-klassifikazzjoni tal-komponenti tat-taħlita b’rabta mal-perikli fiżiċi tagħhom u mal-perikli tagħhom marbutin mas-saħħa (il-klassijiet ta’ periklu u l-kategoriji tiegħu, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ periklu). Din tinkludi tal-inqas il-klassifikazzjoni tas-sustanzi kollha msemmija fil-punt 3.2.1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-rekwiżiti għat-tfassil tal-iskedi ta’ data tas-sigurtà. Fil-każ ta’ MIM identifikata permezz tal-identifikatur tal-prodott tagħha u tal-UFI tagħha skont it-Taqsima 3.2.2. tal-Parti B, għandha tingħata biss il-klassifikazzjoni, għall-perikli fiżiċi u l-perikli marbutin mas-saħħa, tal-MIM.”;

(p)

fit-taqsima 4.1, it-titolu tat-Tabella 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Varjazzjonijiet fil-konċentrazzjoni tal-komponenti li minħabba fihom ikollu jintbagħat tagħrif aġġorna t ”;

(q)

fit-Taqsima 4.1, l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta jinbidlu l-fwejjaħ inklużi fit-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta’ taħlitiet, għandha tiġi aġġornata l-lista tat-taħlitiet u tal-fwejjaħ li dawn jinkludu li hija meħtieġa skont it-Taqsima 3.1.”;

(3)

Il-Parti C hija emendata kif ġej:

(a)

It-Taqsima 1.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.2.   L-identifikazzjoni tat-taħlita u ta’ min ikun qed jibgħat it-tagħrif

L-identifikatur tal-prodott

L-isem/ismijiet kummerċjali sħiħ/sħaħ tal-prodott (fil-każ tat-tressiq tat-tagħrif għal grupp ta’ taħlitiet għandhom jitniżżlu l-identifikaturi tal-prodotti kollha)

Ismijiet jew sinonimi oħrajn

L-identifikatur(i) uniku/uniċi tal-formula (l-UFI)

Identifikaturi oħrajn (in-numru tal-awtorizzazzjoni, il-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija)

Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ min ikun qed jibgħat it-tagħrif u, fejn applikabbli, tal-punt ta’ kuntatt

L-isem

L-indirizz sħiħ

In-numru tat-telefon

L-indirizz tal-posta elettronika

Id-dettalji ta’ kuntatt għal aċċess rapidu għal iktar tagħrif dwar il-prodott (24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa). F’każ li jintbagħat tagħrif limitat biss.

L-isem

In-numru tat-telefon (aċċessibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa)

L-indirizz tal-posta elettronika”

(b)

fit-Taqsima 1.3, il-lista ta’ “Tagħrif addizzjonali dwar it-taħlita” hija sostitwita b’dan li ġej:

Tagħrif addizzjonali dwar it-taħlita

Il-kulur(i)

Il-pH, jekk tkun disponibbli, tat-taħlita kif fornuta, jew, meta t-taħlita tkun solida, il-pH ta’ likwidu jew soluzzjoni milwiema f’konċentrazzjoni partikolari. Il-konċentrazzjoni tat-taħlita tat-test fl-ilma għandha tiġi indikata. Jekk il-pH ma tkunx disponibbli, għandhom jingħataw ir-raġunijiet;

L-istat(i) fiżiku/fiżiċi

L-imballaġġ (it-tip(i) u d-daqs(ijiet))

L-użu maħsub (il-kategorija tal-prodott)

L-użijiet (użu mill-konsumaturi, użu mill-professjonisti, użu industrijali)”.