|
15.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 423/58 |
ID-DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2089
tal-11 ta’ Diċembru 2020
li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-projbizzjoni tal-fwejjaħ allerġeniċi fil-ġugarelli
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b’mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali ta’ 55 fwieħa allerġenika fil-ġugarelli, kif elenkati fit-tabella fl-ewwel paragrafu tal-punt 11 tal-Parti III tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva, sabiex tipproteġi lit-tfal mill-allerġiji li dawk il-fwejjaħ jistgħu jikkawżaw meta jintużaw fil-ġugarelli. |
|
(2) |
Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS), li jassisti lill-Kummissjoni bħala korp indipendenti għall-valutazzjoni tar-riskju fil-qasam tal-prodotti kożmetiċi, jinnota fl-opinjoni tiegħu tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2012 (2) li l-allerġija minħabba kuntatt mal-fwejjaħ hija problema komuni, sinifikanti u rilevanti fl-Ewropa u li l-esponiment għall-fwejjaħ iseħħ mill-użu ta’ prodotti oħra tal-konsumatur, bħall-ġugarelli. L-SCCS jinnota wkoll li, f’dawn l-aħħar snin, saret tendenza li jiġu miżjuda sustanzi kimiċi li jkunu fwejjaħ ma’ ħafna tipi ta’ prodotti tal-konsumatur, pereżempju l-ġugarelli tat-tfal, li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-esponiment tal-konsumatur għall-fwejjaħ minħabba l-kuntatt kutanju. L-SCCS iżid li l-konsumatur huwa espost għal sustanzi li jkunu fwejjaħ minn varjetà wiesgħa ta’ prodotti kożmetiċi, prodotti oħra tal-konsumatur, prodotti farmaċewtiċi u esponimenti okkupazzjonali, u li dawk l-esponimenti kollha huma ta’ importanza fil-kuntest ta’ allerġija minħabba kuntatt, peress li mhuwiex is-sors ta’ esponiment li huwa kritiku, iżda d-doża kumulattiva għal kull unità ta’ erja. |
|
(3) |
Stħarriġ dwar is-sustanzi allerġeniċi fil-prodotti għat-tfal li twettaq mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent fid-Danimarka (3) juri l-preżenza ta’ fwejjaħ allerġeniċi fil-ġugarelli, fosthom tafal artab, slimes, pupi, teddy bears, u lastkuwiet. |
|
(4) |
Il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli jagħti pariri lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ proposti leġiżlattivi u ta’ inizjattivi ta’ politika fil-qasam tas-sikurezza tal-ġugarelli. L-għan tas-sottogrupp tiegħu dwar is-Sustanzi Kimiċi fil-Ġugarelli (is-sottogrupp dwar is-Sustanzi Kimiċi) huwa li jagħti pariri fir-rigward tas-sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw fil-ġugarelli. |
|
(5) |
Fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2019 (4), il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli fakkar li sustanza allerġenika, irrispettivament tkunx preżenti fil-prodotti kożmetiċi jew fil-ġugarelli, dejjem tkun allerġenika. Dik l-hekk imsejħa proprjetà intrinsika tas-sustanza hija indipendenti mill-użu tas-sustanza u għaldaqstant tkun preżenti kemm jekk tintuża fil-prodotti kożmetiċi kif ukoll jekk tintuża fil-ġugarelli. B’hekk, il-Grupp ta’ Esperti kkunsidra li sustanza allerġenika li toħloq riskju fil-prodotti kożmetiċi, tista’ toħloq riskju bl-istess mod fil-ġugarelli. Għalhekk, enfasizza l-importanza li jitqiesu bir-reqqa l-opinjonijiet tal-SCCS u tal-kumitati predeċessuri tiegħu dwar il-fwejjaħ allerġeniċi fil-prodotti kożmetiċi meta jiġu rregolati l-fwejjaħ allerġeniċi fil-ġugarelli. |
|
(6) |
Id-Direttiva 2009/48/KE tippermetti lill-Kummissjoni tipprojbixxi jew tirrikjedi t-tikkettar tal-fwejjaħ allerġeniċi fil-ġugarelli. Kuntrarjament għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jirregola l-prodotti kożmetiċi, id-Direttiva ma tippermettix lill-Kummissjoni tistabbilixxi limiti massimi għall-fwejjaħ allerġeniċi. |
|
(7) |
Fl-opinjoni tiegħu tas-26 utas-27 ta’ Ġunju 2012, l-SCCS ikkonkluda li l-prodotti kożmetiċi li fihom l-atranol jew il-kloroatranol mhumiex sikuri. Għaldaqstant l-SCCS ikkonferma l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar Prodotti tal-Konsumatur (SCCP) tas-7 ta’ Diċembru 2004 (6) li jenħtieġ li l-atranol u l-kloroatranol ma jkunux preżenti fil-prodotti tal-konsumatur. Għalhekk, fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2018 (7), is-sottogrupp dwar is-Sustanzi Kimiċi rrakkomanda l-projbizzjoni tal-użu tal-atranol u tal-kloroatranol fil-ġugarelli, billi żiedhom fit-tabella fl-ewwel paragrafu tal-punt 11 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE. |
|
(8) |
Fl-opinjoni tiegħu ta’ Diċembru 1999 (8), il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti Kożmetiċi u l-Prodotti mhux tal-ikel maħsuba għall-Konsumaturi (SCCNFP), li kien predeċessur tal-SCCS, inkluda l-metil eptin karbonat fost is-sustanzi kimiċi li huma fwejjaħ u li jiġu rrapportati inqas ta’ sikwit bħala allerġeni tal-kuntatt. Abbażi ta’ dik l-opinjoni, il-metil eptin karbonat ġie inkluż fost il-fwejjaħ allerġeniċi li jridu jiġu elenkati fuq il-ġugarell, fuq tikketta mwaħħla, fuq l-imballaġġ jew f’fuljett li jiġi miegħu, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-punt 11 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE. Fl-opinjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2001 (9), l-SCCNFP irrakkomanda li l-livell ta’ metil eptin karbonat fil-prodotti kożmetiċi lesti ma jaqbiżx iż-0,01 %. |
|
(9) |
Filwaqt li jitqies dak li ssemma hawn fuq, u b’mod partikolari l-opinjoni tal-SCCS li tikkonkludi li l-prodotti kożmetiċi li fihom l-atranol jew il-kloroatranol mhumiex sikuri, l-opinjoni tal-SCCP li l-atranol u l-kloroatranol mhux suppost ikunu preżenti fil-prodotti tal-konsumatur u l-opinjoni tal-SCCNFP li l-metil eptin karbonat ma jaqbiżx iż-0,01 % fil-prodotti tal-konsumatur, il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli, fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2019, irrakkomanda li jiġi projbit l-użu tal-atranol, tal-kloroatranol u tal-metil eptin karbonat fil-ġugarelli. |
|
(10) |
Fid-dawl tal-opinjonijiet tal-SCCS, tal-SCCP u tal-SCCNFP, u tar-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli, jenħtieġ li l-użu tal-atranol, tal-kloroatranol u tal-metil eptin karbonat fil-ġugarelli jiġi pprojbit. |
|
(11) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2009/48/KE tiġi emendata skont dan. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2009/48/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-4 ta’ Lulju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-5 ta’ Lulju 2022.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.
(2) Opinjoni tal-SCCS dwar l-allerġeni tal-fwejjaħ prodotti kożmetiċi tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2012 (SCCS/1459/11). http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_102.pdf
(3) Il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ikel tad-Danimarka – l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent. Stħarriġ dwar is-sustanzi allerġeniċi fil-prodotti mmirati għat-tfal – il-ġugarelli u l-prodotti kożmetiċi. L-Istħarriġ Nru 148 dwar is-Sustanzi Kimiċi fil-Prodotti tal-Konsumatur, 2016.
https://www2.mst.dk/Udgiv/publications/2016/08/978-87-93529-00-7.pdf
(4) Minuti tal-laqgħa tat-13 ta’ Settembru 2019 tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli
https://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupMeeting&meetingId=17996&Lang=MT
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).
(6) Opinjoni tas-7 ta’ Diċembru 2004 tal-SCCP dwar l-atranol u l-kloroatranol preżenti fl-estratti naturali (eż. l-estratti tal-muski tal-ballut u tas-siġar), (SCCP/00847/04).
https://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_sccp/docs/sccp_o_006.pdf
(7) Minuti tal-laqgħa tat-3 ta’ Mejju 2018 tas-sottogrupp is-Sustanzi Kimiċi tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli.
https://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupMeetingDoc&docid=19025
(8) Opinjoni tat-8 ta’ Diċembru 1999 li tikkonċerna l-Allerġija mill-Fwejjaħ fil-Konsumaturi – Rieżami tal-problema. Analiżi tal-ħtieġa li jkun hemm informazzjoni tal-konsumatur u identifikazzjoni tal-allerġeni tal-konsumatur (SCCNFP/0017/98 Final), it-Tabella 6b, p. 23.
https://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/sccp/documents/out98_en.pdf
(9) Opinjoni tal-25 ta’ Settembru 2001 li tikkonċerna Lista inizjali ta’ Materjali tal-Fwejjaħ li ma jridux jiffurmaw Parti mill-Prodotti Kożmetiċi għajr soġġett għar-Restrizzjonijiet u l-Kundizzjonijiet stabbiliti (SCCNFP/0392/00 final), p. 8.
https://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/sccp/documents/out150_en.pdf
ANNESS
Fil-Parti III tal-Anness II, il-punt 11 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-ewwel paragrafu, fit-tabella, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:
|
|
(2) |
fit-tielet paragrafu, fit-tabella, l-entrata 10 titħassar. |