5.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 141/9 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/612
tal-4 ta’ Mejju 2020
li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,
Billi:
(1) |
Id-dispożizzjonijiet speċifiċi eżistenti dwar il-possibbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu li ma tiġi rreġistrata l-ebda restrizzjoni fuq vetturi bi trażmissjoni awtomatika fuq il-liċenzja tas-sewqan ta’ detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategorija C, CE, D u DE, jenħtieġ li jiġu estiżi għad-detenturi ta’ liċenzji tas-sewqan għall-vetturi tal-kategorija BE, C1, C1E, D1 u D1E meta l-applikant ikun diġà detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fuq vettura bi trażmissjoni manwali f’mill-inqas waħda mill-kategoriji li ġejjin: B, BE, C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 jew D1E. |
(2) |
Jenħtieġ li l-estensjoni titwettaq fid-dawl tal-progress tekniku, b’mod partikolari sabiex jitqies l-iżvilupp u l-użu dejjem akbar fl-industrija tat-trasport, ta’ vetturi aktar moderni, sikuri u li jniġġsu inqas mgħammra b’firxa wiesgħa ta’ sistemi ta’ trażmissjoni semiawtomatiċi, awtomatiċi jew ibridi. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni tar-restrizzjonijiet eżistenti fuq is-sewqan ta’ vetturi awtomatiċi, tnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq il-partijiet ikkonċernati, inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi li joperaw fil-qasam tat-trasport bit-triq. |
(3) |
Ir-rekwiżiti tal-muturi tal-vetturi tat-test tal-kategorija A2 li għandhom jintużaw waqt it-test tal-ħiliet u l-komportamenti, jeħtieġ li jiġu adattati għall-progress tekniku, b’mod partikolari għall-magni ta’ kombustjoni u għall-iżvilupp tax-xażi u għall-użu usa’ tal-muturi elettriċi. Jenħtieġ li l-adattament tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-vetturi tat-test tal-kategorija A2 jiżgura li l-applikanti jiġu ttestjati fuq vetturi li huma rappreżentattivi tal-kategorija li għaliha tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan. |
(4) |
Għalhekk, id-Direttiva 2006/126/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. |
(5) |
Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (2), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. |
(6) |
Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-liċenzji tas-sewqan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Direttiva 2006/126/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2020, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Novembru 2020.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
ANNESS
L-Anness II tad-Direttiva 2006/126/KE huwa emendat kif ġej:
(a) |
Il-punt 5.1.3. huwa sostitwit b’dan li ġej: “5.1.3. Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar vetturi tal-kategorija BE, C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma tiġi rreġistrata l-ebda restrizzjoni fuq vetturi bi trażmissjoni awtomatika fuq il-liċenzja tas-sewqan għal vetturi tal-kategorija BE, C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 jew D1E msemmija fil-punt 5.1.2, meta l-applikant ikun diġà detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fuq vettura bi trażmissjoni manwali f’mill-inqas waħda mill-kategoriji li ġejjin: B, BE, C, CE, C1, C1E, D, D1 jew D1E, u jkun wettaq l-azzjonijiet deskritti fil-punt 8.4 matul it-test ta’ ħiliet u ta’ komportament.”. |
(b) |
Fil-punt 5.2, it-tieni subparagrafu tat-tieni subtitolu “Kategorija A2”, huwa sostitwit b’dan li ġej: “Jekk il-mutur jaħdem b’magna ta’ kombustjoni interna, il-kapaċità kubika għandha tkun ta’ mill-inqas 250 cm3.”. |