|
2.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 62/7 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2020/284
tat-18 ta’ Frar 2020
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tistabbilixxi l-obbligi ta’ kontabilità ġenerali tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-persuni taxxabbli. |
|
(2) |
It-tkabbir tal-kummerċ elettroniku (“kummerċ elettroniku”) jiffaċilita l-bejgħ transfruntier ta’ merkanzija u servizzi lill-konsumaturi finali fl-Istati Membri. F’dak il-kuntest, kummerċ elettroniku transfruntier jirreferi għal provvisti li fuqhom tkun dovuta l-VAT fi Stat Membru, iżda l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor, f’territorju terz jew f’pajjiż terz. Madankollu, negozji frawdolenti jisfruttaw l-opportunitajiet tal-kummerċ elettroniku sabiex jiksbu vantaġġi inġusti fis-suq billi jevadu l-obbligi tal-VAT tagħhom. Fejn japplika l-prinċipju ta’ tassazzjoni fid-destinazzjoni, billi l-konsumaturi ma għandhom ebda obbligu ta’ kontabilità, l-Istati Membri tal-konsum jeħtieġu għodod adatti biex jidentifikaw u jikkontrollaw tali negozji frawdolenti. Huwa importanti li tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT transfruntiera kkawżata mill-imġiba frawdolenti ta’ xi negozji fil-qasam tal-kummerċ elettroniku transfruntier. |
|
(3) |
Fil-maġġoranza kbira tax-xiri online li jsir mill-konsumaturi fl-Unjoni, il-pagamenti jiġu eżegwiti permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Sabiex jipprovdi servizzi ta’ pagament, fornitur ta’ servizzi ta’ pagament iżomm informazzjoni speċifika li tidentifika r-riċevitur, jew il-benefiċjarju, tal-pagament flimkien ma’ dettalji tad-data, l-ammont u l-Istat Membru ta’ oriġini tal-pagament kif ukoll ta’ jekk il-pagament sarx fil-bini fiżiku tan-negozjant. Dik l-informazzjoni speċifika hija partikularment importanti fil-kuntest ta’ pagament transfruntier fejn il-pagatur jinsab fi Stat Membru wieħed u l-benefiċjarju jinsab fi Stat Membru ieħor, f’territorju terz jew f’pajjiż terz. Tali informazzjoni hija meħtieġa għall-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri (“l-awtoritajiet tat-taxxa”) biex iwettqu l-kompiti bażiċi tagħhom li jidentifikaw negozji frawdolenti u jikkontrollaw l-obbligazzjonijiet tal-VAT. Huwa għalhekk meħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa biex jgħinuhom jidentifikaw u jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT. |
|
(4) |
Biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT, huwa importanti li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jkunu meħtieġa jżommu rekords dettaljati biżżejjed u jirrapportaw ċerti pagamenti transfruntieri determinati bħala tali minħabba fil-pożizzjoni tal-pagatur u l-pożizzjoni tal-benefiċjarju. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu definiti l-kunċetti tal-pożizzjoni tal-pagatur u tal-pożizzjoni tal-benefiċjarju kif ukoll il-mezzi għall-identifikazzjoni ta’ dawk il-pożizzjonijiet. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-pagatur u tal-benefiċjarju tiskatta biss l-obbligi taż-żamma ta’ rekords u tar-rappurtar għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li huma stabbilit fl-Unjoni u jenħtieġ li dawk l-obbligi jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2006/112/KE u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (4) fir-rigward tal-post ta’ tranżazzjoni taxxabbli. |
|
(5) |
Abbażi tal-informazzjoni li diġà għandhom, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu jidentifikaw il-pożizzjoni tal-benefiċjarju u tal-pagatur b’rabta mas-servizzi ta’ pagament li jipprovdu, bl-użu ta’ identifikatur tal-kont ta’ pagament tal-pagatur jew tal-benefiċjarju jew kwalunkwe identifikatur ieħor li jidentifika b’mod mhux ambigwu, u jagħti l-pożizzjoni ta’, il-pagatur jew tal-benefiċjarju. Meta tali identifikaturi ma jkunux disponibbli, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-pagatur jew tal-benefiċjarju tiġi determinata permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni tan-negozju tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaġixxi f’isem il-pagatur jew il-benefiċjarju, f’każijiet fejn il-fondi jiġu trasferiti lil benefiċjarju mingħajr ma jinħoloq ebda kont ta’ pagament f’isem pagatur, fejn il-fondi ma jkunux ikkreditati lil ebda kont ta’ pagament tal-benefiċjarju jew fejn ma jkun hemm ebda identifikatur ieħor tal-pagatur jew tal-benefiċjarju. |
|
(6) |
F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), huwa importanti li l-obbligu ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jżomm u jipprovdi informazzjoni b’rabta ma’ pagament transfruntier ikun proporzjonat u limitat għal dak li huwa meħtieġ għall-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT. Barra minn hekk, l-unika informazzjoni relatata mal-pagatur li jenħtieġ li tinżamm hija l-pożizzjoni tal-pagatur. Fir-rigward tal-informazzjoni relatata mal-benefiċjarju u l-istess pagament, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jintalbu biss li jżommu u jirrapportaw lill-awtoritajiet tat-taxxa l-informazzjoni li hija meħtieġa biex dawk l-awtoritajiet tat-taxxa jidentifikaw frodaturi possibbli u jwettqu kontrolli tat-taxxa. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jintalbu jżommu biss rekords ta’ dawk il-pagamenti transfruntieri li wisq probabbli jindikaw attivitajiet ekonomiċi. L-introduzzjoni ta’ limitu massimu bbażat fuq l-għadd ta’ pagamenti riċevuti mingħand benefiċjarju matul perijodu ta’ tliet xhur kalendarji tagħti indikazzjoni dwar jekk dawk il-pagamenti ġew riċevuti bħala parti minn attività ekonomika, u b’hekk jiġu esklużi pagamenti għal raġunijiet mhux kummerċjali. Fejn jintlaħaq tali limitu massimu, jiskatta l-obbligu taż-żamma ta’ rekords u tar-rappurtar għall-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament. |
|
(7) |
Huwa possibbli li diversi fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikunu involuti f’pagament uniku minn pagatur lil benefiċjarju. Dak il-pagament uniku jista’ jirriżulta f’diversi trasferimenti ta’ fondi bejn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament differenti. Huwa meħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament kollha involuti f’pagament partikolari, sakemm ma tkunx applikabbli esklużjoni speċifika, ikollhom obbligi ta’ żamma ta’ rekords u ta’ rappurtar. Dawk ir-rekords u rapporti jenħtieġ li jkun fihom informazzjoni dwar il-pagament mill-pagatur inizjali sal-benefiċjarju finali u mhux dwar it-trasferimenti intermedji ta’ fondi bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. |
|
(8) |
L-obbligi taż-żamma ta’ rekords u tar-rappurtar jenħtieġ li japplikaw mhux biss meta fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jittrasferixxi fondi jew joħroġ strumenti ta’ pagament għall-pagatur, iżda wkoll f’każijiet fejn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jirċievi fondi jew jikseb tranżazzjonijiet ta’ pagament f’isem il-benefiċjarju. |
|
(9) |
L-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva jenħtieġ li ma japplikawx għal fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Għalhekk, meta l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju ma jkunux jinsabu fi Stat Membru, jenħtieġ li jkunu l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur li jkun soġġett għall-obbligi ta’ żamma ta’ rekords u ta’ rappurtar tal-pagament transfruntier. Min-naħa l-oħra, sabiex l-obbligi ta’ żamma ta’ rekords u ta’ rappurtar ikun proporzjonat, meta l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament kemm tal-pagatur kif ukoll tal-benefiċjarju jkunu jinsabu fi Stat Membru, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju biss jenħtieġ li jżommu rekords. Għall-finijiet tal-obbligu ta’ żamma ta’ rekords u ta’ rappurtar, jenħtieġ li fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jitqies li jkun jinsab fi Stat Membru meta l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tan-negozju (BIC) tiegħu jew l-identifikatur tan-negozju uniku tiegħu jirreferi għal dak l-Istat Membru. |
|
(10) |
Minħabba l-volum sinifikanti ta’ informazzjoni u s-sensittività tagħha f’termini ta’ protezzjoni tad-data personali, huwa meħtieġ u proporzjonat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iżommu rekords b’rabta mal-pagamenti transfruntieri għal perijodu ta’ tliet snin kalendarji sabiex jassistu lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u fl-identifikazzjoni ta’ frodaturi. Dak il-perijodu jipprovdi żmien biżżejjed għall-Istati Membri biex iwettqu l-kontrolli b’mod effettiv u biex jinvestigaw suspetti ta’ frodi tal-VAT jew jidentifikaw frodi tal-VAT. |
|
(11) |
L-informazzjoni li għandha tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament trid tinġabar mill-Istati Membri, u tiġi skambjata bejniethom f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (7) li jistabbilixxi r-regoli għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT. |
|
(12) |
Il-frodi tal-VAT hija problema komuni għall-Istati Membri kollha, iżda l-Istati Membri individwali ma jkollhomx l-informazzjoni neċessarja biex jiżguraw li r-regoli tal-VAT rigward il-kummerċ elettroniku transfruntier jiġu applikati b’mod korrett jew biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku transfruntier. Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment jekk ikun hemm element transfruntier, u minħabba l-ħtieġa li tinkiseb l-informazzjoni minn Stati Membri oħra, iżda tista’,minħabba fl-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, tinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
|
(13) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali. L-informazzjoni dwar il-pagamenti miżmuma u pprovduta f’konformità ma’ din id-Direttiva tiġi proċessata biss mill-esperti kontra l-frodi tal-awtoritajiet tat-taxxa fil-limiti ta’ dak li huwa proporzjonat u meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Din id-Direttiva tirrispetta wkoll ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 u fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
(14) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fl-14 ta’ Marzu 2019 (9). |
|
(15) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fil-Kapitolu 4 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:
“
Artikolu 243a
Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
‘fornitur ta’ servizzi ta’ pagament’ tfisser kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika minn eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 32 ta’ dik id-Direttiva; |
|
(2) |
‘servizz ta’ pagament’ tfisser kwalunkwe waħda mill-attivitajiet ta’ negozju stabbiliti fil-punti (3) sa (6) tal-Anness 1 għad-Direttiva (UE) 2015/2366; |
|
(3) |
‘pagament’ tfisser, soġġett għall-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, ‘tranżazzjoni ta’ pagament’, kif definit fil-punt 5 tal-Artikolu 4 ta’ dik d-Direttiva jew ‘rimessa ta’ flus’ kif definit fil punt (22) tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva; |
|
(4) |
‘pagatur’ tfisser ‘pagatur’ kif definit fil-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366; |
|
(5) |
‘benefiċjarju’ tfisser ‘benefiċjarju’ kif definit fil-punt 9 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366; |
|
(6) |
‘Stat Membru ta’ domiċilju’ tfisser ‘Stat Membru ta’ domiċilju’ kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366; |
|
(7) |
‘Stat Membru ospitanti’ tfisser ‘Stat Membru ospitanti’ kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366; |
|
(8) |
‘kont ta’ pagament’ tfisser ‘kont ta’ pagament’ kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366; |
|
(9) |
‘IBAN’ tfisser ‘IBAN’ kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2); |
|
(10) |
‘BIC’ tfisser ‘BIC’ kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012. |
Artikolu 243b
1. L-Istati Membri għandhom jitolbu li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iżommu rekords dettaljati biżżejjed tal-benefiċjarji u tal-pagamenti b’rabta mas-servizzi ta’ pagament li jipprovdu għal kull tliet xhur kalendarji biex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu kontrolli tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, jitqiesu li jsiru fi Stat Membru, sabiex jinkiseb l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.
Ir-rekwiżit imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal servizzi ta’ pagament ipprovduti fir-rigward ta’ pagamenti transfruntieri. Pagament għandu jitqies pagament transfruntier meta l-pagatur ikun jinsab fi Stat Membru u l-benefiċjarju jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, f’territorju terz jew f’ pajjiż terz.
2. Ir-rekwiżit li għalih huma soġġetti l-fornituri ta’ servizzi skont il-paragrafu 1 għandu japplika fejn, matul tliet xhur kalendarji, fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jipprovdi servizzi ta’ pagament li jikkorrispondu għal aktar minn 25 pagament transfruntier lill-istess benefiċjarju.
L-għadd ta’ pagamenti transfruntieri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu kkalkulati b’referenza għas-servizzi ta’ pagament ipprovduti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għal kull Stat Membru u għal kull identifikatur kif imsemmi fl-Artikolu 243c(2). Fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ikollu informazzjoni li l-benefiċjarju jkollu diversi identifikaturi, il-kalkolu għandu jsir għal kull benefiċjarju.
3. Ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għas-servizzi ta’ pagament ipprovduti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur fir-rigward ta’ kwalunkwe pagament fejn mill-inqas wieħed mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju jkun jinsab fi Stat Membru, kif juri l-BIC ta’ dak il-fornitur tas-servizz ta’ pagament jew kwalunkwe kodiċi għall-identifikazzjoni tan-negozju ieħor li mingħajr ambigwità jidentifika l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u l-pożizzjoni tiegħu. Il-Fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur għandhom madankollu jinkludu dawk is-servizzi ta’ pagament fil-kalkolu msemmi fil-paragrafu 2.
4. Fejn ikun japplika r-rekwiżit għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbilit fil-paragrafu 1, ir-rekords għandhom:
|
(a) |
jinżammu mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament f’format elettroniku għal perijodu ta’ tliet snin kalendarji minn tmiem is-sena kalendarja tad-data tal-pagament; |
|
(b) |
ikunu disponibbli f’konformità mal-Artikolu 24b tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 lill-Istat Membru ta’ domiċilju tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, jew lill-Istati Membri ospitanti meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jipprovdi servizzi ta’ pagament fi Stati Membri għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju. |
Artikolu 243c
1. Għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 243b(1) u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, il-pożizzjoni tal-pagatur għandha titqies li tkun fi Stat Membru li jikkorrispondi għal:
|
(a) |
l-IBAN tal-kont ta’ pagament tal-pagatur jew kwalunkwe identifikatur ieħor li jidentifika mingħajr ambigwità, u jagħti l-pożizzjoni ta’, il-pagatur, jew fl-assenza ta’ tali identifikaturi, |
|
(b) |
il-BIC jew kwalunkwe kodiċi għall-identifikazzjoni tan-negozju ieħor li jidentifika, u jagħti l-pożizzjoni ta’, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaġixxi f’isem il-pagatur. |
2. Għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 243b(1), il-pożizzjoni tal-benefiċjarju għandha titqies li tkun fl-Istat Membru, it-territorju terz jew il-pajjiż terz li jikkorrispondi ma’:
|
(a) |
l-IBAN tal-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju jew kwalunkwe identifikatur ieħor li jidentifika mingħajr ambigwità, u jagħti l-pożizzjoni ta’, il-benefiċjarju, jew fin-nuqqas ta’ tali identifikaturi, |
|
(b) |
il-BIC jew kwalunkwe kodiċi għall-identifikazzjoni tan-negozju ieħor li jidentifika mingħajr ambigwità, u jagħti l-pożizzjoni ta’, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaġixxi f’isem il-benefiċjarju. |
Artikolu 243d
1. Ir-rekords miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, skont l-Artikolu 243b, għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
il-BIC jew kwalunkwe kodiċi għall-identifikazzjoni tan-negozju ieħor li jidentifika mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament; |
|
(b) |
l-isem jew l-isem tan-negozju tal-benefiċjarju, kif jidher fir-rekords tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament; |
|
(c) |
jekk ikun disponibbli, kwalunkwe numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew numru tat-taxxa nazzjonali ieħor tal-benefiċjarju; |
|
(d) |
l-IBAN jew, jekk ma jkunx disponibbli l-IBAN, kwalunkwe identifikatur ieħor li jidentifika mingħajr ambigwità u jagħti l-pożizzjoni tal-benefiċjarju; |
|
(e) |
il-BIC jew kwalunkwe kodiċi għall-identifikazzjoni tan-negozju ieħor li jidentifika mingħajr ambigwità, u jagħti l-pożizzjoni ta’, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaġixxi f’isem il-benefiċjarju fejn il-benefiċjarju jirċievi fondi mingħajr ma jkollu ebda kont ta’ pagament; |
|
(f) |
jekk ikun disponibbli, l-indirizz tal-benefiċjarju kif jidher fir-rekords tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament; |
|
(g) |
id-dettalji ta’ kwalunkwe pagament transfruntier kif imsemmi fl-Artikolu 243b(1); |
|
(h) |
id-dettalji ta’ kwalunkwe rifużjoni ta’ pagament identifikata bħala relatata ma’ pagamenti transfruntieri msemmija fil-punt (g). |
2. L-informazzjoni msemmija fil-punti (g) u (h) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi d-dettalji li ġejjin:
|
(a) |
id-data u l-ħin tal-pagament jew tar-rifużjoni ta’ pagament; |
|
(b) |
l-ammont u l-munita tal-pagament jew tar-rifużjoni ta’ pagament; |
|
(c) |
l-Istat Membru ta’ oriġini tal-pagament riċevut mill-benefiċjarju jew f’ismu, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni tar-rifużjoni, kif adatt, u l-informazzjoni użata biex tiddetermina l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-pagament jew tar-rifużjoni ta’ pagament f’konformità mal-Artikolu 243c; |
|
(d) |
kwalunkwe referenza li mingħajr ambigwità tidentifika l-pagament; |
|
(e) |
fejn applikabbli, l-informazzjoni li l-bidu tal-pagament sarx fil-bini fiżiku tan-negozjant.”. |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2024.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. MARIĆ
(1) Opinjoni tas-17 ta’ Diċembru 2019 (Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 240, 16.7.2019, p. 33.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il- moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(6) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).