4.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 366/25


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1632

tad-30 ta’ Ottubru 2020

dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fiż-żona Schengen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2) (c) u (e) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 67 TFUE, l-Unjoni għandha tikkostitwixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fih għandu jiġi żgurat in-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni għall-persuni. Skont l-acquis ta’ Schengen, il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom. Dan jinkludi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, li jistgħu jiċċaqilqu liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħra kollha matul il-perijodu ta’ 90 jum fi żmien 180 jum.

(2)

Fit-30 ta’ Jannar 2020, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ rilevanza internazzjonali minħabba t-tifqigħa globali ta’ coronavirus ġdid, li jikkawża l-marda tal-Coronavirus 2019 (COVID-19). Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO għamlet il-valutazzjoni li l-COVID-19 tista’ tiġi kkaratterizzata bħala pandemija.

(3)

Biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri, li wħud minnhom kellhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti għal vjaġġaturi transfruntiera biex jagħmlu l-kwarantina. F’xi każijiet, dawn il-miżuri kellhom impatt fuq in-nuqqas ta’ kontrolli fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni fiż-żona Schengen.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 (1) tiddefinixxi l-prinċipji ġenerali u l-kriterji komuni, inkluż il-limiti minimi komuni meta jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Hija tistabbilixxi wkoll qafas komuni fir-rigward tal-miżuri possibbli għall-vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn żoni ta’ riskju ogħla. Hija tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jikkoordinaw u jikkomunikaw mal-pubbliku meta jiġu imposti miżuri restrittivi.

(5)

Peress li l-libertà tal-moviment tal-persuni fis-suq intern, imsemmija fl-Artikolu 26 TFUE, teżisti flimkien u mill-qrib man-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni fuq persuni fiż-żona Schengen, imsemmija fl-Artikoli 67 u 77 TFUE, u sabiex jiġu rrispettati l-koerenza u l-integrità tal-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tiżgura li l-Istati Membri japplikaw l-istess approċċ koordinat meta japplikaw l-acquis ta’ Schengen fir-rigward tan-nuqqas ta’ kontrolli fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, fil-fruntieri interni.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw ukoll il-prinċipji, il-kriterji komuni u l-qafas komuni ta’ miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 meta jiżguraw li fiż-żona Schengen ma jsirux kontrolli fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, fil-fruntieri interni.

(7)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex ser timplimentaha.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2); Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Fir-rigward tal-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (3).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (4) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (5).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (6), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (7).

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-prinċipji ġenerali, il-kriterji komuni, il-limiti minimi komuni u l-qafas komuni ta’ miżuri, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475.

Magħmul fi Brussell, id-30 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(4)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(6)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).