31.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 248/26 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1144
tat-30 ta’ Lulju 2020
li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77 (2) (b) u (e) u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,
Billi:
(1) |
Fit-30 ta' Ġunju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta' tali restrizzjoni (1) ("Rakkomandazzjoni tal-Kunsill"). Fis-16 ta' Lulju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1052 tas-16 ta' Lulju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (2). |
(2) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprevedi li jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta' Lulju 2020 b'mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
(3) |
Minn dak iż-żmien 'l hawn saru diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE, dwar ir-rieżami tal-lista ta' pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u fl-applikazzjoni tal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Bħala riżultat ta' dawn id-diskussjonijiet, il-lista ta' pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I jenħtieġ li tiġi emendata. B’mod partikolari, l-Alġerija jenħtieġ li titħassar mil-lista. |
(4) |
Il-kontrolli fuq il-fruntieri mhumiex biss fl-interess tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri meħuda fil-fruntieri esterni jkunu kkoordinati sabiex jiżguraw żona Schengen li tiffunzjona tajjeb. Għal dak il-għan, mill-31 ta' Lulju 2020, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jneħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b'mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kif emendat b'din ir-Rakkomandazzjoni. |
(5) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, jenħtieġ li d-Danimarka, f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur, wara li l-Kunsill ikun ħa deċiżjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni, jekk hijiex ser timplimentaha. |
(6) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(7) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4). |
(8) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (5) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6). |
(9) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (7), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (8). |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1052, dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta' tali restrizzjoni hija emendata kif ġej:
(1) |
L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa sostitwit b'dan li ġej: “Mill-31ta' Lulju 2020, l-Istati Membri għandhom ineħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b'mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.” |
(2) |
L-Anness I għar-Rakkomandazzjoni huwa sostitwit b'dan li ġej: “ANNESS I Pajjiżi terzi li r-residenti tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE
|
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M.ROTH
(1) ĠU L 208I, 1.7.2020, p. 1.
(2) ĠU L 230, 17.7.2020, p. 26.
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(4) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(5) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(7) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(8) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(*) soġġett għall-konferma tar-reċiproċità.