|
26.8.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 282/164 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Lulju 2020
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-Slovakkja tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovakkja tal-2020
(2020/C 282/25)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lis-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li jirrikjedi li jsirlu analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. |
|
(2) |
Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020 għas-Slovakkja ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tas-Slovakkja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 (3) (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2019”), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati fis-snin preċedenti u l-progress tas-Slovakkja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020. |
|
(3) |
Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, toħloq volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda tkun ta’ theddida għall-impjiegi u għad-dħul tan-nies kif ukoll għan-negozju tal-kumpaniji. Hija kkawżat xokk ekonomiku kbir li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tappella għal reazzjoni ekonomika koordinata għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni. |
|
(4) |
Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew daħħlu miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, neċessarja, b’terminu ta’ żmien limitat, u konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun soġġetta għal sorveljanza demokratika u skrutinju ġudizzjarju indipendenti. |
|
(5) |
Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif previst fl-Artikolu 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (4), tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta titqies il-kriżi ekonomika qawwija mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, il-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali kienu sodisfatti u talbet li l-Kunsill japprova din il-konklużjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Huma qablu li l-kriżi ekonomika qawwija tirrikjedi reazzjoni reżoluta, ambizzjuża u kkoordinata. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm dan ma jpoġġix fil-periklu s-sostenibbiltà fiskali fuq il-perjodu medju ta’ żmien. Fil-każ tal-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Din tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment ikunu japplikaw filwaqt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ koordinazzjoni tal-politika fi ħdan il-qafas tal-Patt. |
|
(6) |
Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex jiġi limitat u kontrollat it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija permezz ta’ miżuri ta’ sostenn għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, u jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol bil-għan li tinbeda mill-ġdid l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex iġibu lura l-funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u t-tkabbir sostenibbli, jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu tagħlimiet mill-kriżi. |
|
(7) |
Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet enfasi fuq il-flessibbiltà li joffri s-suq intern ta’ adattament għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni malajr u bla xkiel lejn il-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, jenħtieġ li jitneħħew dawk il-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux lis-suq intern jiffunzjona b’mod normali hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi kurrenti evidenzjat il-ħtieġa li jkun hemm pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa. Strateġiji mtejba ta’ akkwist, katini ta’ provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali huma fost l-elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ għat-tħejjija għall-kriżijiet. |
|
(8) |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti permezz tar-Regolamenti (UE) 2020/460 (5) u (UE) 2020/558 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jippermetti lill-Istati Membri jattivaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawk l-emendi ser jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri ssimplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ nuqqas fil-flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Is-Slovakkja hija mħeġġa li tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet sabiex tingħata għajnuna lill-individwi u s-setturi l-aktar milquta. |
|
(9) |
Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 x’aktarx li jkunu distribwiti b’mod mhux uniformi madwar ir-reġjuni minħabba xejriet ta’ speċjalizzazzjoni u lakuni fl-infrastruttura differenti. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jiżdiedu d-differenzi reġjonali fis-Slovakkja, b’mod partikolari bejn il-belt kapitali u s-Slovakkja tal-Punent, minn naħa, u s-Slovakkja tal-Lvant u tax-Xlokk, min-naħa l-oħra. Flimkien mar-riskju li jintilef temporanjament il-progress li sar fil-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob reazzjonijiet ta’ politika mmirati. |
|
(10) |
Fit-18 ta’ Mejju 2020, is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020, kif ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tagħha. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin. |
|
(11) |
Bħalissa s-Slovakkja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. |
|
(12) |
Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lis-Slovakkja biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta (7) ma taqbiżx l-4,1 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Il-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti fl-2019 mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv strutturali ta’ terminu medju, u matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien. Madankollu, fid-dawl tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, passi ulterjuri taħt il-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti għas-Slovakkja mhumiex ġustifikati. |
|
(13) |
Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn defiċit ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 8,4 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa mbassar li jonqos għal 4,9 % tal-PDG fl-2021, għal 3,7 % tal-PDG fl-2022 u li jilħaq 2,9 % tal-PDG sal-2023. Wara li naqas għal 48 % tal-PDG fl-2019, id-dejn tal-gvern estiż bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 61,2 % fl-2020, skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-prospettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata mill-inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19. |
|
(14) |
Bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-Unjoni, is-Slovakkja adottat miżuri baġitarji f’waqthom sabiex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi solliev lil dawk l-individwi u setturi li jkunu ntlaqtu b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji kienu jammontaw għal 2,6 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu kumpens tal-pagi għall-impjegati, sussidji għal dawk li jaħdmu għal rashom, skemi ta’ mard u ta’ kura u xiri ta’ oġġetti mediċi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, is-Slovakkja ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jipprovdu appoġġ għal-likwidità lin-negozji, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jikkalkula li huma 3 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu differiment tat-taxxa għal taxxi fuq id-dħul u kontribuzzjonijiet soċjali meta d-dħul jitnaqqas b’aktar minn 40 % (1,4 % tal-PDG) u garanziji fuq self (1,6 % tal-PDG). B’mod ġenerali, il-miżuri li ħadet is-Slovakkja huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2020. L-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ emerġenza u ta’ miżuri fiskali ta’ appoġġ, segwita minn iffukar ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju, meta jkunu jippermettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi, ser ikunu ta’ kontribut għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. |
|
(15) |
Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020, jekk ma jkun hemm ebda tibdil ta’ politika, il-bilanċ tal-gvern estiż tas-Slovakkja huwa mbassar li jkun ta’ -8,5 % tal-PDG fl-2020 u -4,2 % tal-PDG fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa mbassar li jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fl-2020 u fl-2021. |
|
(16) |
Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba li s-Slovakkja qiegħda tippjana li taqbeż il-limitu fuq id-defiċi ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ma twettaqx. |
|
(17) |
Wara t-tifqigħa tal-COVID-19, is-Slovakkja ħadet miżuri rapidi u bla preċedent biex twaqqaf u tipprevjeni aktar tixrid tal-virus. Wara li l-ewwel każ ġie rreġistrat fis-6 ta’ Marzu 2020, hija ddikjarat stat ta’ emerġenza mit-12 ta’ Marzu 2020, u introduċiet tbegħid soċjali strett, regoli ta’ kwarantina u sanitarji, kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Il-ħwienet u l-produzzjoni f’setturi ekonomiċi importanti għalqu għal diversi ġimgħat, sakemm il-gvern beda jillaxka b’mod gradwali r-restrizzjonijiet mill-aħħar ta’ April 2020. B’konsegwenza ta’ dan, l-ekonomija tas-Slovakkja hija mistennija li tidħol f’riċessjoni profonda fl-2020 billi l-konsum privat, l-investiment u l-kummerċ qed ibatu. L-ekonomija hija mbassra li se tonqos f’daqqa b’6,7 % fl-2020 u r-rata tal-qgħad mistennija tilħaq it-8,8 % fl-2020, minn 5,8 % fl-2019. Is-Slovakkja wieġbet b’diversi settijiet ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-kriżi, fosthom billi talloka mill-ġdid EUR 1.2 biljun f’fondi ta’ politika ta’ koeżjoni mhux użati. Il-miżuri jinkludu skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar b’kumpens tal-paga, li jappoġġaw id-dħul tal-impjegati permezz ta’ benefiċċji tal-mard, u titjib tas-sussidji lil dawk li jaħdmu għal rashom biex jikkumpensaw għat-telf ta’ introjtu tagħhom. Aktar miżuri li jappoġġaw il-likwidità tal-kumpaniji u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jinkludu s-self bankarju, id-differimenti tat-taxxa u l-posponiment tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, kif ukoll il-provvediment ta’ garanziji bankarji u skemi ta’ interess favorevoli. Skema ta’ self għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) b’allokazzjoni oriġinali ta’ EUR 38 miljun se tiġi estiża b’EUR 330 miljun minn fondi tal-Unjoni mhux użati u minn skema nazzjonali li tammonta għal EUR 500 miljun. Miżuri oħra jinkludu l-interruzzjoni tal-verifiki tat-taxxa u l-obbligi għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa kif ukoll id-differiment tal-ħlas tal-kera għal kumpaniji u individwi. |
|
(18) |
Il-pandemija tal-COVID-19 żiedet l-importanza li s-Slovakkja tkompli tindirizza l-isfidi strutturali fis-sistema tas-saħħa tagħha. Hemm bżonn ta’ investimenti addizzjonali biex tiżdied ir-reżiljenza tagħha, jittaffew in-nuqqasijiet tal-forza tax-xogħol tas-saħħa, u biex tiġi żgurata provvista xierqa ta’ prodotti mediċi u infrastruttura kritika. B’mod parallel ma’ sforzi biex tkun żgurata provvista adegwata ta’ ħaddiema tas-saħħa fil-futur, politiki effettivi jistgħu jnaqqsu d-differenzi ġeografiċi fid-disponibilità tat-tobba u jiżguraw aċċess għall-kura għall-popolazzjoni kollha. L-immodernizzar tan-network tal-isptarijiet u l-indirizzar tan-nuqqas ta’ finanzjament strutturali għall-isptarijiet pubbliċi huma kruċjali biex tiżdied il-kwalità u l-kosteffikaċja tas-servizzi tas-saħħa. Il-provvediment tal-kura primarja jeħtieġ li jissaħħaħ biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-isptarijiet u titjieb il-ġestjoni ta’ mard kroniku, flimkien ma’ aktar koordinazzjoni f’livelli differenti u fit-tipi ta’ kura. Tħassib partikolari huwa l-aċċess insuffiċjenti għal kura fit-tul ta’ kwalità u affordabbli, minħabba nuqqas ta’ finanzjament ġenerali ta’ servizzi ta’ kura bbażati fil-komunità u fid-djar, governanza frammentata, u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni sistemika ta’ servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa. |
|
(19) |
Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-isfidi soċjali preeżistenti fis-Slovakkja. Hija ħolqot ħtieġa urġenti biex tipprovdi sostituzzjoni ta’ dħul adegwat għall-ħaddiema, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali. Sabiex jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi, ġew attivati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, bil-kontribuzzjoni ta’ fondi tal-Unjoni. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2020, il-qgħad mistenni jiżdied għal 8,8 % fl-2020 qabel ma jonqos għal 7,1 % fl-2021. Minkejja xi llaxkar fl-2018, is-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad fis-Slovakkja hija kkaratterizzata minn rekwiżiti stretti ta’ eliġibbiltà, perjodu relattivament qasir ta’ benefiċċji (sitt xhur bħala regola ġenerali, b’estensjonijiet żgħar matul il-kriżi) u b’rati baxxi ta’ sostituzzjoni għall-benefiċjarji. Xi gruppi huma partikolarment vulnerabbli għall-kriżi u jistgħu jesperjenzaw aċċess limitat għal servizzi ta’ protezzjoni soċjali u kura, inkluż komunitajiet marġinalizzati tar-Rom, li ħafna drabi ma jkollhomx aċċess għal servizzi essenzjali, l-anzjani u dawk b’ħiliet baxxi. |
|
(20) |
Il-kriżi tal-COVID-19 żiedet il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni, inkluż dawk tal-għalliema, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi estiża l-konnettività tal-broadband, billi ħafna studenti għadhom mingħajr konnessjoni mal-Internet jew għandhom neqsin prekondizzjonijiet oħra biex jitgħallmu mid-dar, b’mod partikolari f’komunitajiet Rom marġinalizzati. Għad baqa’ sfidi li jikkonċernaw l-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva, billi l-livelli tal-ħiliet bażiċi u l-prestazzjoni ġenerali tal-istudenti huma affettwati ħafna mill-ambjent soċjoekonomiku tagħhom. Hemm differenzi qawwija bejn l-iskejjel u r-reġjuni, li huma riflessi wkoll fir-rati għolja ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni f’uħud minnhom, b’mod partikolari fil-Lvant tas-Slovakkja. L-attrattività tal-professjoni tal-għalliema u l-kwalità tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema għadhom baxxi. Barra minn hekk, ir-rata ta’ reġistrazzjoni nazzjonali tat-tfal fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, b’mod partikolari tat-tfal taħt it-tliet snin, hija l-aktar waħda baxxa fl-Unjoni, li għandha impatt negattiv ulterjuri fuq l-eżiti edukattivi, b’mod partikolari ta’ tfal żvantaġġati. |
|
(21) |
Il-kriżi tal-COVID-19 għamlet użu rapidu tal-appoġġ ta’ likwidità lin-negozji bħala prijorità urġenti għas-Slovakkja permezz ta’ self u garanziji mmirati sew, b’enfasi fuq l-SMEs, bl-użu tal-flessibbiltà ġdida mogħtija mill-qafas temporanju dwar l-għajnuna mill-Istat biex tappoġġa l-ekonomija u talloka mill-ġdid il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Garanziji ta’ riskju adegwati flimkien ma’ rati tal-imgħax baxxi u maturitajiet twal jistgħu jgħinu biex jiżguraw l-għoti rapidu ta’ self minn intermedjarji u użu mid-ditti. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. L-għoti ta’ ħlas differit ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali jista’ jkompli jtaffi r-restrizzjonijiet ta’ likwidità fuq perijodu qasir għall-SMEs u għal dawk li jaħdmu għal rashom. Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u t-titjib tal-konformità tat-taxxa jibqgħu prijoritajiet għas-Slovakkja fit-terminu medju, bħala mezz biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi, li jiffaċilitaw l-irkupru ekonomiku. Sabiex jiġu żgurati bilanċi vijabbli ta’ likwidità għall-SMEs, huwa importanti li l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha u l-kumpaniji jingħataw struzzjonijiet biex iħaffu l-ħlas tal-fatturi lill-fornituri tagħhom. |
|
(22) |
It-trawwim ta’ ambjent favorevoli għan-negozju u t-titjib tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi huma kruċjali għall-irkupru u għall-ħolqien ta’ klima ta’ investiment li toffri aktar appoġġ. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ rkupru, huwa importanti li jitnaqqas il-piż amministrattiv żejjed u jiġu ssimplifikati l-proċeduri, inkluż permezz ta’ użu effettiv ta’ “punti uniċi ta’ servizz” għan-negozji. L-effettività ġenerali tal-istituzzjonijiet pubbliċi u l-amministrazzjoni tas-Slovakkja għadha baxxa. Din tista’ tittejjeb permezz ta’ aktar diġitalizzazzjoni, koordinazzjoni u ppjanar aħjar tal-infrastruttura diġitali u l-iżvilupp ta’ software. Aktar sforzi ta’ riforma jistgħu jtejbu l-koordinazzjoni tat-tfassil tal-politika, l-abbozzar tar-regolamenti, u jiżguraw prestazzjoni għolja tas-servizz ċivili u l-ġestjoni tar-riżorsi umani. Sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija, is-Slovakkja tibbenefika jekk tiżdied il-kapaċità tal-innovazzjoni tan-negozji, b’mod partikolari tal-SMEs, billi tiġi indirizzata l-governanza frammentata tal-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni. Kooperazzjoni aħjar bejn in-negozji, ir-riċerka, l-akkademja u s-settur pubbliku tista’ tappoġġa l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-ħiliet u tgħin lill-kumpaniji jinnovaw u jiżviluppaw kapaċitajiet ġodda ta’ xogħol u ta’ produzzjoni. |
|
(23) |
Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku jingħataw finanzjament bil-quddiem u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Biex ir-reġjuni inqas żviluppati jkunu jistgħu jlaħħqu u jsiru aktar ibbażati fuq l-għarfien, kompetittivi u produttivi, se jkun hemm bżonn ta’ aktar investiment strateġiku fis-Slovakkja, b’mod partikolari biex tiġi żviluppata l-infrastruttura, inkluż is-servizzi diġitali u servizzi ewlenin oħra, u biex jittejbu n-networks tat-trasport. It-tifqigħa tal-COVID-19 enfasizzat il-lakuni fl-infrastruttura diġitali preeżistenti. L-espansjoni tal-kopertura u l-veloċità tal-broadband se tippermetti aktar aċċess ugwali u mtejjeb għall-Internet. Is-sistema edukattiva tas-Slovakkja u s-suq tax-xogħol jistgħu jittejbu bi sforzi biex il-popolazzjoni tiġi mgħammra b’settijiet ta’ ħiliet aħjar għal ekonomija u soċjetà li qed jinbidlu, inkluż permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn in-negozji u l-edukazzjoni fil-livelli kollha, u kollegament aħjar bejn il-programmi ta’ taħriġ u ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. |
|
(24) |
L-irkupru tat-tkabbir ekonomiku se jeħtieġ sforzi ta’ politika u investimenti mmirati fis-snin li ġejjin biex is-Slovakkja tkun tista’ taħtaf l-opportunitajiet għall-ħolqien ta’ ekonomija aktar sostenibbli u b’valur miżjud ogħla. Jenħtieġ li dawn l-isforzi jqisu d-disparitajiet reġjonali. L-oqsma ta’ prijorità għal sforzi addizzjonali identifikati fil-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima tas-Slovakkja jinkludu t-tnaqqis tal-intensità tal-enerġija tal-industrija, l-appoġġ ta’ soluzzjonijiet ta’ effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi, u l-investiment fl-enerġija rinnovabbli. Ambjent regolatorju aktar favorevoli jista’ jgħin biex jiżdied il-proporzjon ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-provvista tal-enerġija. Is-Slovakkja tibbenefika jekk tħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għat-trasformazzjoni ta’ Horná Nitra, torjenta mill-ġdid il-fondi lejn soluzzjonijiet għar-reġjun kollu, u taħtaf l-opportunità biex tavvanza l-eliminazzjoni tal-użu tal-faħam. It-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja kkawżat mill-ħruq tal-fjuwil solidu u ż-żieda fl-emissjonijiet mit-trasport, it-titjib tas-sistema ta’ ġestjoni tal-iskart b’soluzzjonijiet ta’ ġbir u trattament innovattivi, it-tlestija tal-ilma tax-xorb u n-networks tad-drenaġġ biex jiġu indirizzati l-problemi sanitarji, l-appoġġ għal proġetti ta’ grilji intelliġenti, u ċ-ċaqliq tal-industrija lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima jista’ jgħin biex is-Slovakkja titqiegħed fit-triq lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li huwa s-suġġett ta’ proposta tal-Kummissjoni, għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lis-Slovakkja tindirizza xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport dwar il-pajjiż għall-2020. B’hekk is-Slovakkja tkun tista’ tagħmel l-aħjar użu minn dak il-Fond. |
|
(25) |
Xejriet ġodda fil-kriminalità organizzata internazzjonali, inkluż l-użu ħażin ta’ entitajiet legali għal skopijiet ta’ ħasil tal-flus, qed jagħmlu pressjoni fuq is-Slovakkja biex ittejjeb il-qafas tagħha kontra l-ħasil tal-flus sabiex tipprevjeni u tiġġieled il-kriminalità ekonomika. Il-fehim tal-espożizzjoni għar-riskju għadu baxx, minkejja pjanijiet ambizzjużi tal-gvern biex isaħħaħ il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus. Riżorsi umani u taħriġ limitati jxekklu s-superviżjoni effettiva tal-professjonisti involuti fil-formazzjoni ta’ kumpanija. Il-passi meħuda skont il-pjan ta’ azzjoni tal-gvern għadhom ma pprovdewx l-għodod biex jidentifikaw u jipproċedu b’mod effettiv kontra reati ta’ ħasil tal-flus u biex jiġu kkonfiskati l-assi. |
|
(26) |
Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi magħmulin f’din ir-Rakkomandazzjoni (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2020”) jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fuq perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019 jibqgħu pertinenti u ser ikomplu jiġu monitorjati matul is-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan jinkludi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019 fir-rigward tal-politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019 kollha għandhom jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi kurrenti. |
|
(27) |
Jenħtieġ li s-Slovakkja tkompli taħdem fuq l-impenn tagħha li tindirizza tħassib speċifiku fir-rigward tal-integrità ġenerali tas-sistema ġudizzjarja tagħha, billi dan x’aktarx li jimmina l-fiduċja fil-funzjonament effettiv tagħha. Il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadu limitat fis-Slovakkja. Għadd ta’ riformi relatati mal-prevenzjoni jew l-implimentazzjoni tagħhom għadhom pendenti, fosthom regoli dwar il-lobbying, id-donazzjonijiet, l-inkompatibbiltajiet u l-kuntatti ma’ partijiet terzi fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-protezzjoni tal-informaturi. Għalkemm l-istatistika kriminali tvarja, l-għadd ta’ każijiet relatati mal-korruzzjoni ta’ livell għoli taħt investigazzjoni għadu baxx, filwaqt li l-isforzi biex jiġu sanzjonati persuni ġuridiċi juru xi impatt. |
|
(28) |
Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. Fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom, l-Istati Membri evalwaw il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Billi tkun qed tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020, is-Slovakkja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni. |
|
(29) |
Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali fil-kisba ta’ rkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ li, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, is-Slovakkja tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-2020 għaż-żona tal-euro u jibqgħu kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro, filwaqt li tieħu kont tal-gwida politika mill-Grupp tal-Euro. |
|
(30) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovakkja u ppubblikatha fir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lis-Slovakkja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni ħadet kont mhux biss tar-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovakkja, iżda wkoll tal-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li l-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni tissaħħaħ billi jingħata kontribut, fuq livell tal-Unjoni, f’deċiżjonijiet nazzjonali futuri. |
|
(31) |
Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu (8) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2020 u fl-2021 is-Slovakkja tieħu azzjoni biex:
|
1. |
Tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali bil-għan li jinkisbu qagħdiet fiskali prudenti fiż-żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa fl-oqsma tal-forza tax-xogħol tas-saħħa, tal-prodotti mediċi kritiċi u tal-infrastruttura tas-saħħa. Ittejjeb l-għoti tal-kura primarja u l-koordinazzjoni bejn it-tipi ta’ kura. |
|
2. |
Tipprovdi sostituzzjoni ta’ dħul adegwat, u tiżgura aċċess għal protezzjoni soċjali u għal servizzi essenzjali għal kulħadd. Issaħħaħ il-ħiliet diġitali. Tiżgura aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità. |
|
3. |
Timplimenta b’mod effettiv miżuri li jiżguraw il-likwidità għall-SMEs u għal dawk li jaħdmu għal rashom. Tagħlaq il-lakuni fl-infrastruttura diġitali. Tiffinanzja b’mod sostanzjali fil-bidu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni u l-użu nadif u effiċjenti tal-enerġija u r-riżorsi, it-trasport pubbliku sostenibbli u l-ġestjoni tal-iskart. |
|
4. |
Tiżgura s-superviżjoni effettiva u l-infurzar tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus. Tiżgura ambjent kummerċjali favorevoli u servizzi pubbliċi ta’ kwalità permezz ta’ koordinazzjoni u tfassil ta’ politika msaħħa. Tindirizza tħassib fir-rigward tal-integrità tas-sistema ġudizzjarja. |
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
J. KLOECKNER
(2) Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(3) ĠU C 301, 5.9.2019, p. 148.
(4) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).
(5) Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5).
(6) Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).
(7) In-nefqa primarja netta tal-Gvern hi magħmula min-nefqa totali tal-Gvern mingħajr in-nefqa marbuta mal-imgħax, in-nefqa marbuta mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa marbuta mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni tal-kapital fiss gross iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq erba’ snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.
(8) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.