14.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/7


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/518

tat-8 ta’ April 2020

dwar sett tal-għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta’ data anonimizzata dwar il-mobbiltà

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kriżi tas-saħħa pubblika li kkawżat il-pandemija tal-COVID-19 (minn hawn ’il quddiem, “il-kriżi tal-COVID-19”) qed tobbliga lill-Unjoni u lill-Istati Membri jiffaċċjaw sfida bla preċedent għas-sistemi tal-kura tas-saħħa, l-istil tal-ħajja, l-istabbiltà ekonomika u l-valuri tagħha. L-ebda Stat Membru ma jista’ jirnexxi waħdu fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19. Kriżi eċċezzjonali ta’ dan il-kobor teħtieġ azzjoni determinata min-naħa tal-Istati Membri kollha u tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex jaħdmu flimkien fi spirtu ġenwin ta’ solidarjetà.

(2)

It-teknoloġiji diġitali u d-data jaqdu rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 għax ħafna persuni fl-Ewropa huma konnessi mal-internet permezz tal-apparat mobbli. Dawk it-teknoloġiji u d-data huma għodda importanti biex il-pubbliku jkun infurmat u biex l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti jkollhom l-għajnuna fl-isforzi tagħhom biex irażżnu l-firxa tal-virus jew biex l-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa jkunu jistgħu jaqsmu bejniethom id-data dwar is-saħħa. Iżda b’approċċ frammentat u mhux koordinat ikun hemm ir-riskju li tiddgħajjef l-effettività tal-miżuri mmirati għall-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19, u fl-istess ħin issir ħsara serja lis-suq uniku u lid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

(3)

Għalhekk hemm bżonn jinħoloq approċċ komuni għall-użu tat-teknoloġiji diġitali u tad-data bħala rispons għall-kriżi attwali. Dak l-approċċ jenħtieġ ikun effettiv biex jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari lill-awtoritajiet tas-saħħa u lil dawk li jfasslu l-politika, billi jagħtihom data preċiża u suffiċjenti biex ikunu jistgħu jifhmu l-evoluzzjoni u l-firxa tal-virus tal-COVID-19 u l-effetti tiegħu. Bl-istess mod, dawn it-teknoloġiji jistgħu jagħtu s-setgħat liċ-ċittadini biex jieħdu miżuri effettivi u aktar immirati ta’ tbegħid soċjali. Fl-istess ħin, l-approċċ propost għandu l-għan li jħares l-integrità tas-suq uniku u jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-drittijiet tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

(4)

L-applikazzjonijiet mobbli jistgħu jappoġġaw lill-awtoritajiet tas-saħħa fil-livell nazzjonali u tal-UE fejn jidħlu l-monitoraġġ u t-trażżin tal-pandemija tal-COVID-19 li qed inġarrbu. Jistgħu jagħtu gwida liċ-ċittadini u jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tas-segwitu mediku tal-pazjenti. L-applikazzjonijiet ta’ twissija u traċċar jistgħu jaqdu rwol importanti fejn jidħol it-traċċar tal-kuntatti, jillimitaw il-propagazzjoni tal-marda u jinterrompu l-ktajjen tat-trażmissjoni. Għalhekk, flimkien ma’ strateġiji adegwati tal-ittestjar u mat-traċċar tal-kuntatti, l-applikazzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti b’mod partikolari fejn jidħlu l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-livell taċ-ċirkolazzjoni tal-virus, l-assessjar tal-effettività tat-tbegħid fiżiku u l-miżuri ta’ trażżin, u l-kontribut għall-istrateġiji tad-dieskalazzjoni.

(5)

Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar is-sorveljanza epidemjoloġika, il-monitoraġġ, it-twissija bikrija tat-theddid transfruntier serju għas-saħħa, u l-ġlieda kontrih. L-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni jeżiġi li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tiżgura l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-mekkaniżmi u l-istrutturi stabbiliti skont din id-Deċiżjoni u mekkaniżmi u strutturi simili stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew skont it-Trattat Euratom li l-attivitajiet tagħhom ikunu rilevanti għall-ippjanar tat-tħejjija u r-rispons, il-monitoraġġ, it-twissija bikrija tat-theddid transfruntier serju għas-saħħa, u l-ġlieda kontrih. Il-forum għall-koordinazzjoni tal-isforzi fil-kuntest tat-theddid transfruntier serju għas-saħħa hu l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq. Fl-istess ħin, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni jistabbilixxi netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika tal-mard li jittieħed, imħaddem u kkoordinat miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard.

(6)

Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali jeżiġi li n-Netwerk tas-Servizzi tas-Saħħa Elettronika jaħdem biex jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli permezz tas-sistemi u s-servizzi Ewropej tas-Saħħa Elettronika u l-applikazzjonijiet interoperabbli, ħalli jintlaħaq livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà, tissaħħaħ il-kontinwità tal-kura u jkun żgurat aċċess għal kura tas-saħħa sikura u ta’ kwalità għolja.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data personali, inkluż tad-data dwar is-saħħa. Din id-data tista’ tiġi pproċessata fost l-oħrajn meta suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew meta l-ipproċessar ikun fl-interess pubbliku kif speċifikat f’liġi ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni, b’mod partikolari għal finijiet ta’ monitoraġġ u twissija, ta’ prevenzjoni jew kontroll ta’ mard li jittieħed, u ta’ theddid serju ieħor għas-saħħa.

(8)

Bosta Stati Membri introduċew leġiżlazzjoni speċifika li tippermettilhom jipproċessaw id-data dwar is-saħħa, abbażi tal-interess pubbliku (l-Artikolu 6(1)(c) jew (e) u l-Artikolu 9(2)(i) tar-Regolament (UE) 2016/679). Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data, liema data trid tiġi pproċessata u minn min, ikunu ċari u speċifiċi.

(9)

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u mal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(10)

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi r-regoli applikabbli għad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokazzjoni, u għall-ħżin tal-informazzjoni u l-kisba tal-aċċess għal informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali, bħal apparat mobbli, ta’ utent jew abbonat. Skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva, dan il-ħżin jew din il-kisba tal-aċċess huma permessi biss f’ċirkostanzi definiti b’mod strett jew bil-kunsens tal-utent jew tal-abbonat, wara li jkunu ngħataw informazzjoni ċara u komprensiva, skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-ambitu ta’ ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva, fosthom dawk stabbiliti fl-Artikolu 5, meta din ir-restrizzjoni tkun tikkostitwixxi miżura meħtieġa, adegwata u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex jintlaħqu ċerti objettivi.

(11)

Fil-Komunikazzjoni tagħha imsejħa “Strateġija Ewropea għad-data” (6), il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li l-UE se toħloq suq uniku li jippermetti ċirkolazzjoni tad-data fl-UE u bejn is-setturi, għall-benefiċċju ta’ kulħadd, li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli Ewropej, b’mod partikolari l-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u l-liġi dwar il-kompetizzjoni, u li jkollu regoli ġusti, prattiċi u ċari għall-aċċess u għall-użu tad-data. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ddikjarat li se tqis il-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva biex trawwem il-qsim tad-data bejn in-negozji u l-gvern għall-interess pubbliku.

(12)

Sa mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, ġew żviluppati bosta applikazzjonijiet mobbli varji, uħud minnhom mill-awtoritajiet pubbliċi, u saru diversi appelli min-naħa tal-Istati Membri u tas-settur privat biex ikun hemm koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni, inkluż biex jixxejjen it-tħassib dwar iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà u l-privatezza. Dawn l-applikazzjonijiet għandhom it-tendenza li jaqdu tliet funzjonijiet ġenerali: (i) jinformaw u jagħtu pariri liċ-ċittadini u jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tas-segwitu mediku tal-pazjenti bis-sintomi, ħafna drabi jkunu jipprovdu wkoll kwestjonarju għal awtodijanjożi; (ii) iwissu lill-persuni li kienu qrib xi persuna infettata ħalli jiġu interrotti l-ktajjen tal-infezzjonijiet u jevitaw li jerġgħu jfeġġu infezzjonijiet waqt il-fażi tal-ftuħ mill-ġdid; u (iii) iwettqu monitoraġġ u infurzar tal-kwarantina tal-persuni infettati, aktarx flimkien mal-possibbiltà li wieħed jivvaluta l-kundizzjoni ta’ saħħtu waqt il-perjodu tal-kwarantina. Ċerti applikazzjonijiet huma disponibbli għall-pubbliku ġenerali, filwaqt li oħrajn huma disponibbli biss għal gruppi magħluqin tal-utenti li jkunu maħsuba għat-traċċar tal-kuntatti fuq il-post tax-xogħol. Ġeneralment ma tkunx saret evalwazzjoni tal-effettività ta’ dawn l-applikazzjonijiet. L-applikazzjonijiet tal-informazzjoni u tal-verifika tas-sintomi jistgħu jintużaw biex iżidu l-għarfien taċ-ċittadini. Iżda, skont opinjonijiet esperti, l-applikazzjonijiet maħsuba biex jinformaw u jwissu lill-utenti jidher li huma l-aktar promettenti biex jevitaw il-propagazzjoni tal-virus, meta wieħed iqis ukoll l-impatt aktar limitat tagħhom fuq il-privatezza; fil-fatt diversi Stati Membri bħalissa qed jesploraw l-użu tagħhom.

(13)

Uħud minn dawk l-applikazzjonijiet mobbli jistgħu jitqiesu bħala apparat mediku meta jkunu maħsuba mill-manifattur biex jintużaw fost l-oħrajn għad-dijanjożi, il-prevenzjoni, il-monitoraġġ, it-tbassir, il-pronjożi, it-trattament jew it-taffija tal-mard u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jew tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE (8). Fejn jidħlu l-applikazzjonijiet tal-awtodijanjożi u tal-verifika tas-sintomi, li jkunu jipprovdu informazzjoni relatata mad-dijanjożi, il-prevenzjoni, il-monitoraġġ, it-tbassir jew il-pronjożi, jenħtieġ tiġi vvalutata l-kwalifika potenzjali tagħhom bħala apparati mediċi skont il-qafas regolatorju tal-apparati mediċi (id-Direttiva 93/42/KEE jew ir-Regolament (UE) 2017/745).

(14)

L-effettività ta’ dawn l-applikazzjonijiet mobbli tiddependi fuq bosta fatturi. Fost dawn il-fatturi hemm il-penetrazzjoni fost l-utenti, jiġifieri l-persentaġġ tal-popolazzjoni li tuża apparat mobbli u, minn fosthom, il-persentaġġ ta’ dawk li niżżlu l-applikazzjoni, taw il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali dwarhom u ma rtirawx dak il-kunsens. Fatturi importanti oħra huma l-fiduċja tal-pubbliku li d-data se tkun protetta b’miżuri xierqa tas-sigurtà, l-użu esklussiv biex twissi lil individwi li jaf kienu esposti għall-virus, l-approvazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, il-kapaċità li l-awtoritajiet tas-saħħa jieħdu azzjoni skont id-data ġġenerata mill-applikazzjoni, l-integrazzjoni u l-qsim tad-data ma’ sistemi u applikazzjonijiet oħra, u l-interoperabbiltà transfruntiera u transreġjonali ma’ sistemi oħra.

(15)

L-applikazzjonijiet ta’ twissija u traċċar huma utli għall-Istati Membri għall-finijiet ta’ traċċar tal-kuntatti u jistgħu jaqdu rwol importanti fejn jidħol il-konteniment waqt ix-xenarji tad-dieskalazzjoni. Jistgħu jkunu għodda siewja wkoll biex iċ-ċittadini jipprattikaw tbegħid soċjali effettiv u aktar immirat. L-impatt tagħhom jista’ jiżdied bi strateġija li tappoġġa ttestjar usa’. It-traċċar tal-kuntatti jimplika li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jistgħu jidentifikaw malajr il-kuntatti kollha ta’ pazjent ikkonfermat bil-COVID-19, jitolbuhom jiżolaw ruħhom, jittestjawhom malajr, u jiżolawhom minnufih jekk ikollhom xi sintomi. Barra minn hekk, id-data anonimizzata u aggregata minn tali applikazzjonijiet, flimkien mal-informazzjoni dwar l-inċidenza tal-marda, tista’ tintuża biex tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri ta’ tbegħid fiżiku u komunitarju. Filwaqt li dawn l-applikazzjonijiet għandhom siwi evidenti għall-Istati Membri, potenzjalment dawn iżidu wkoll il-valur tal-ħidma tal-ECDC.

(16)

L-applikazzjonijiet tal-awtodijanjożi u tal-verifika tas-sintomi jistgħu jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar l-għadd ta’ każijiet b’sintomi kompatibbli mad-COVID-19, skont l-età u l-ġimgħa, minn żoni definiti tajjeb li għandhom kopertura vasta tal-applikazzjoni. Jekk jirnexxu, l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa pubblika jistgħu jiddeċiedu li jużaw id-data tal-applikazzjoni għas-sorveljanza tal-kura primarja sindromika tal-COVID-19. Din id-data tista’ tingħata lill-ECDC kull ġimgħa, b’format aggregat (eż. l-għadd ta’ mard simili għall-influwenza (ILI) jew infezzjonijiet respiratorji akuti (ARI) kull ġimgħa, skont il-grupp tal-età, minn fost il-popolazzjoni kollha li jkopru t-tobba sentinella). Permezz tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali u l-ECDC ikunu jistgħu jistmaw iċ-ċifra prevista pożittiva tas-sintomi respiratorji f’komunità partikolari, u b’hekk ikollhom informazzjoni dwar il-livell taċ-ċirkolazzjoni tal-virus abbażi tad-data mill-applikazzjoni.

(17)

Minħabba l-funzjonijiet tal-applikazzjonijiet għall-ismartphones li huma deskritti hawn fuq, l-użu tagħhom jista’ jaffettwa l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Billi jenħtieġ li kull interferenza ma’ dawk id-drittijiet tkun konformi mal-liġi, il-liġijiet tal-Istati Membri li jistabbilixxu jew jippermettu limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet fundamentali jenħtieġ ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni kif iddikjarat fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom u mal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali.

(18)

Biex ikunu aċċettati tipi differenti ta’ applikazzjonijiet (u ta’ sistemi sottostanti tal-informazzjoni dwar il-ktajjen tat-trażmissjoni ta’ infezzjoni) u biex ikun żgurat li dawn jilħqu l-għan iddikjarat ta’ sorveljanza epidemjoloġika, il-politiki, ir-rekwiżiti u l-kontrolli sottostanti jridu jkunu allinjati u jiġu implimentati b’mod koordinat mill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa responsabbli. L-esperjenza ta’ bosta Stati Membri li bdew idaħħlu l-applikazzjonijiet tat-traċċar tal-kuntatti turi li, sabiex tiżdied l-aċċettazzjoni, hemm bżonn governanza integrata li tħejji u timplimenta l-miżuri, u li tkun tinvolvi mhux biss lill-awtoritajiet tas-saħħa, iżda anki lil awtoritajiet oħra (fosthom l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data), kif ukoll lis-settur privat, l-esperti, l-akkademiċi u l-partijiet konċernati bħal gruppi ta’ pazjenti. Hemm bżonn ukoll komunikazzjoni wiesgħa dwar l-applikazzjoni biex din tintuża u tkun suċċess.

(19)

Biex jinstabu qrubijiet fiżiċi bejn l-utenti ta’ applikazzjonijiet differenti tat-traċċar tal-kuntatti (dan ix-xenarju aktarx jiġri l-iżjed fost il-persuni li jaqsmu fruntieri nazzjonali/reġjonali), jenħtieġ tiġi prevista l-interoperabbiltà bejn l-applikazzjonijiet. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa li jissorveljaw il-ktajjen tat-trażmissjoni tal-infezzjonijiet ikunu jistgħu jaqsmu informazzjoni interoperabbli ma’ Stati Membri jew reġjuni oħra dwar utenti li jkunu nstabu pożittivi, ħalli b’hekk jiġu indirizzati l-ktajjen tat-trażmissjoni transfruntieri.

(20)

Ċerti kumpaniji, fosthom fornituri tat-telekomunikazzjoni u pjattaformi teknoloġiċi ewlenin, ippubblikaw jew għamlu disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi, ċertudata anonimizzata u aggregata dwar il-lokazzjoni. Din id-data hi meħtieġa għal riċerka dwar il-ġlieda kontra l-virus, għal immudellar li jgħinna nifhmu kif se jinfirex il-virus u għal immudellar tal-effetti ekonomiċi tal-kriżi. B’mod partikolari, id-data se tgħinna nifhmu u nimmudellaw id-dinamika spazjali tal-epidemija u nivvalutaw l-impatt tal-miżuri ta’ tbegħid soċjali (limitazzjonijiet tal-ivvjaġġar, waqfien tal-attivitajiet mhux essenzjali, lockdown totali u l-bqija) fuq il-mobbiltà. Dan hu essenzjali qabelxejn biex jitrażżnu l-effetti tal-virus u jiġu vvalutati l-ħtiġijiet speċjalment fejn jidħlu t-Tagħmir Protettiv Personali u l-Unitajiet tal-Kura Intensiva; u mbagħad hu essenzjali wkoll biex l-istrateġija li toħroġna mill-kriżi tiġi appoġġata b’mudelli mmexxija mid-data li jindikaw l-effetti potenzjali tar-rilassament tal-miżuri ta’ tbegħid soċjali.

(21)

Il-kriżi attwali wriet li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u l-istituzzjonijiet tar-riċerka jibbenefikaw minn aktar aċċess għal informazzjoni essenzjali biex janalizzaw l-evoluzzjoni tal-virus u jivvalutaw l-effettività tal-miżuri tas-saħħa pubblika.

(22)

Ċerti Stati Membri ħadu miżuri biex jissimplifikaw l-aċċess għad-data meħtieġa. Iżda l-isforzi komuni tal-UE li jitħabtu kontra l-virus huma mxekkla bil-frammentazzjoni li teżisti fl-approċċi.

(23)

L-Unjoni jeħtieġ tħaddem approċċ komuni għall-kriżi tal-COVID-19, anki għax ċerti miżuri li ħadu ċerti pajjiżi, bħat-traċċar tal-individwi abbażi tal-ġeolokazzjoni, l-użu tat-teknoloġija biex jitkejjel il-livell tar-riskju għas-saħħa ta’ individwu, u ċ-ċentralizzazzjoni ta’ data sensittiva, joħolqu dubju mil-lat ta’ bosta drittijiet u libertajiet fundamentali li huma garantiti fl-ordni ġuridiku tal-UE, fosthom id-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Fi kwalunkwe każ, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ir-restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali stabbiliti fiha jridu jkunu ġustifikati u proporzjonati. B’mod partikolari, jenħtieġ li restrizzjonijiet bħal dawn ikunu temporanji, fis-sens li jibqgħu limitati strettament għal dak meħtieġ għall-ġlieda kontra l-kriżi, u ladarba tintemm il-kriżi dawn ma jibqgħux eżistenti mingħajr ġustifikazzjoni xierqa.

(24)

Minbarra dan, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u korpi oħra wissew dwar ir-riskju li applikazzjonijiet u data mhux preċiżi jistgħu jikkawżaw stigmatizzazzjoni tal-persuni li juru ċerti karatteristiċi minħabba rabta perċepita mal-marda.

(25)

F’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, jenħtieġ li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u l-istituzzjonijiet tar-riċerka jipproċessaw id-data personali biss meta jkun adegwat, rilevanti u limitat għal dak meħtieġ, u jenħtieġ japplikaw salvagwardji xierqa bħalma huma l-psewdonimizzazzjoni, l-aggregazzjoni, il-kriptaġġ u d-deċentralizzazzjoni.

(26)

Hemm bżonn miżuri effettivi dwar iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tad-data ħalli d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data jkunu protetti.

(27)

Hemm bżonn konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, ħalli jkun żgurat li d-data personali tiġi pproċessata b’mod legali u jiġu rispettati d-drittijiet tal-individwi kkonċernati.

(28)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE jinkariga lill-Unjoni biex tappoġġa u tiffaċilita l-koperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri li jkunu qed jaħdmu f’netwerk volontarju li jiġbor flimkien lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-Saħħa Elettronika maħtura mill-Istati Membri (“in-Netwerk tas-Saħħa Elettronika”). Fost l-objettivi tiegħu hemm il-ħidma biex jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli permezz tas-sistemi u s-servizzi Ewropej tas-Saħħa Elettronika u l-applikazzjonijiet interoperabbli, ħalli jintlaħaq livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà, tissaħħaħ il-kontinwità tal-kura u jkun żgurat aċċess għal kura tas-saħħa sikura u ta’ kwalità għolja. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1765 (9) tistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment, il-ġestjoni u l-funzjonament trasparenti tan-Netwerk tas-Saħħa Elettronika. Minħabba l-kompożizzjoni u l-qasam ta’ kompetenza tiegħu, in-Netwerk tas-Saħħa Elettronika jenħtieġ ikun il-forum ewlieni għad-diskussjonijiet dwar il-ħtiġijiet tad-data tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u tal-istituzzjonijiet tar-riċerka, li jkun jinvolvi wkoll lil uffiċjali minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, mill-Ministeri responsabbli għall-kwistjonijiet diġitali u minn awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data.

(29)

Jenħtieġ li n-Netwerk tas-Saħħa Elettronika u l-Kummissjoni jikkoperaw mill-qrib ukoll ma’ korpi u netwerks oħra li jistgħu jagħtu l-kontribut meħtieġ biex jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni, fosthom il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, in-netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika tal-mard li jittieħed, l-ECDC, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u l-Grupp ta’ Koperazzjoni dwar is-Sistemi tal-Informazzjoni tan-Netwerk.

(30)

Biex niżguraw il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 hemm bżonn trasparenza u komunikazzjoni ċara u regolari, u li l-persuni u l-aktar komunitajiet affettwati jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom.

(31)

Meta wieħed iqis il-mod tant mgħaġġel kif evolviet is-sitwazzjoni f’diversi Stati Membri fejn tidħol il-kriżi tal-COVID-19, hu essenzjali li matul din il-kriżi, l-Istati Membri jirrappurtaw u l-Kummissjoni tirrieżamina l-approċċ inkorporat f’din ir-Rakkomandazzjoni malajr u b’mod regolari.

(32)

Meta jkun meħtieġ, din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ tiġi kkumplimentata bi gwida addizzjonali mill-Kummissjoni, inkluż dwar l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza minħabba l-użu ta’ applikazzjonijiet mobbli ta’ twissija u prevenzjoni.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

IL-FINI TA’ DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI

(1)

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi proċess biex jinħoloq approċċ komuni, imsejjaħ Sett tal-Għodod, biex jintużaw mezzi diġitali għall-indirizzar tal-kriżi. Is-Sett tal-Għodod se jkun jinkludi miżuri prattiċi biex it-teknoloġiji u d-data jintużaw b’mod effettiv, b’enfasi fuq żewġ oqsma b’mod partikolari:

(1)

Approċċ pan-Ewropew għall-użu tal-applikazzjonijiet mobbli, ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni, ħalli ċ-ċittadini jingħataw aktar setgħat biex jieħdu miżuri effettivi u aktar immirati ta’ tbegħid soċjali, u biex it-twissijiet, il-prevenzjoni u t-traċċar tal-kuntatti jgħinu ħalli tiġi limitata l-propagazzjoni tal-marda tal-COVID-19. Dan se jkun jinkludi monitoraġġ tal-metodoloġija u qsim ta’ valutazzjonijiet dwar l-effettività ta’ dawn l-applikazzjonijiet, l-interoperabbiltà u l-implikazzjonijiet transfruntieri tagħhom, u r-rispett tagħhom għas-sigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; u

(2)

Skema komuni għall-użu ta’ data anonimizzata u aggregata dwar il-mobbiltà tal-popolazzjonijiet biex (i) tiġi mudellata u titbassar l-evoluzzjoni tal-marda, (ii) isir monitoraġġ tal-effettività tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar miżuri bħat-tbegħid soċjali u l-konfinament, u (iii) isservi ta’ kontribut għall-istrateġija koordinata biex noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19.

(2)

L-Istati Membri jenħtieġ jieħdu dawn l-azzjonijiet b’mod urġenti u b’koordinazzjoni mill-qrib ma’ Stati Membri oħra, mal-Kummissjoni u ma’ partijiet konċernati rilevanti oħra, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika. Jenħtieġ jiżguraw li l-azzjonijiet kollha jittieħdu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-liġi dwar l-apparat mediku u d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali flimkien ma’ drittijiet u libertajiet oħra minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni. Is-Sett tal-Għodod se jiġi kkumplimentat bi gwida mill-Kummissjoni, inkluż gwida dwar l-implikazzjonijiet tal-użu tal-applikazzjonijiet mobbli ta’ twissija u prevenzjoni fuq il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

DEFINIZZJONIJIET

(3)

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

“Applikazzjonijiet mobbli” tfisser applikazzjonijiet ta’ software li jaħdmu fuq apparati intelliġenti, b’mod partikolari l-ismartphones, iddisinjati b’mod ġenerali għal interazzjoni wiesgħa u mmirata mar-riżorsi tal-web, li jipproċessaw data dwar il-qrubija u informazzjoni kuntestwali oħra miġbura mill-ħafna sensuri li hemm fl-apparati intelliġenti u li jkunu kapaċi jaqsmu informazzjoni permezz ta’ ħafna interfaċċi tan-netwerk ma’ apparati konnessi oħra;

(b)

“Netwerk tas-Saħħa Elettronika” tfisser in-netwerk stabbilit bl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE u li l-kompiti tiegħu ġew iċċarati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1765.

(c)

“Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa” tfisser il-korp magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, stabbilit skont l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.

(d)

“Netwerk tas-Sorveljanza Epidemjoloġika” tfisser in-netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika tal-mard li jittieħed u ta’ kwistjonijiet speċjali tas-saħħa relatati, li hu mħaddem u kkoordinat mill-ECDC, li jibni komunikazzjoni permanenti bejn il-Kummissjoni, l-ECDC, u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli fil-livell nazzjonali għas-sorveljanza epidemjoloġika, u stabbilit skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.

IL-PROĊESS BIEX JINĦOLOQ SETT TAL-GĦODOD GĦALL-UŻU TAT-TEKNOLOĠIJA U TAD-DATA

(4)

Dan il-proċess jenħtieġ jiffaċilita l-iżvilupp u l-adozzjoni urġenti ta’ sett tal-għodod min-naħa tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni li jinkludi miżuri prattiċi, inkluż approċċ Ewropew għall-applikazzjonijiet mobbli tal-COVID-19 u għall-użu ta’ data dwar il-mobbiltà għal immudellar u tbassir tal-evoluzzjoni tal-virus.

(5)

Biex jinħoloq is-sett tal-għodod, l-Istati Membri, irrappreżentati fin-Netwerk tas-Saħħa Elettronika, jenħtieġ jiltaqgħu flimkien u mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u taċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard, mingħajr aktar dewmien u mbagħad aktar ta’ spiss. Jenħtieġ jaqsmu bejniethom il-fehmiet tagħhom dwar kif id-data minn bosta sorsi tista’ tintuża bl-aħjar mod biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 filwaqt li jinkiseb livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà b’mod li jkun kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, l-aktar fejn jidħlu l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, u biex jinqasmu l-aqwa prattiki u jkunu ffaċilitati approċċi komuni f’dak ir-rigward.

(6)

In-Netwerk tas-Saħħa Elettronika jenħtieġ jiltaqa’ minnufih biex joperazzjonalizza din ir-Rakkomandazzjoni.

(7)

Jenħtieġ li kif xieraq, l-Istati Membri, irrappreżentati fin-Netwerk tas-Saħħa Elettronika, jinfurmaw u jitolbu l-kontribut tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, il-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, il-Grupp ta’ Koperazzjoni tal-NIS u l-aġenziji rilevanti tal-Kummissjoni, fosthom ENISA, il-Europol, u l-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, meta jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni.

(8)

Minbarra dan, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jenħtieġ ukoll ikunu involuti mill-qrib biex jiżguraw li s-sett tal-għodod jintegra l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza mid-disinn.

(9)

L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ jiżguraw komunikazzjoni regolari, ċara u komprensiva lill-pubbliku dwar l-azzjonijiet meħuda skont din ir-Rakkomandazzjoni u jagħtu opportunitajiet biex il-pubbliku jinteraġixxi u jipparteċipa fid-diskussjonijiet.

(10)

Hu tassew essenzjali li matul il-proċess jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali kollha, l-aktar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, il-prevenzjoni tas-sorveljanza u l-istigmatizzazzjoni. Fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet speċifiċi, is-Sett tal-Għodod għalhekk jenħtieġ:

(1)

jillimita b’mod strett l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 u jiżgura li d-data personali ma tintużax għal finijiet oħra bħall-infurzar tal-liġi jew għal finijiet kummerċjali;

(2)

jiżgura rieżami regolari tal-ħtieġa kontinwa għal ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 u jistabbilixxi klawżoli ta’ estinzjoni xierqa, biex ikun żgurat li l-ipproċessar ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ strettament għal dawk il-finijiet;

(3)

jieħu miżuri biex jiżgura li, ladarba l-ipproċessar ma jkunx għadu strettament meħtieġ, l-ipproċessar jieqaf b’mod effettiv u d-data personali kkonċernata tinqered b’mod irriversibbli, sakemm, fuq il-parir tal-bordijiet tal-etika u tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, il-valur xjentifiku tagħha għall-qadi tal-interess pubbliku ma jkunx akbar mill-impatt fuq id-drittijiet konċernati, u dan soġġett għas-salvagwardji xierqa.

(11)

Is-Sett tal-Għodod jenħtieġ jinħoloq b’mod progressiv fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-partijiet interessati kollha u l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni, l-aqwa prattika, il-kwistjonijiet u s-soluzzjonijiet li jikkonċernaw is-sorsi u t-tipi tad-data meħtieġa u disponibbli għall-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u għall-istituzzjonijiet tar-riċerka tas-saħħa pubblika għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19.

(12)

Is-Sett tal-Għodod jenħtieġ jinqasam fost is-sħab internazzjonali tal-Unjoni Ewropea biex jiġu skambjati l-aqwa prattiki u jgħin fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus madwar id-dinja.

APPROĊĊ PAN-EWROPEW GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET MOBBLI TAL-COVID-19

(13)

L-ewwel prijorità għas-Sett tal-Għodod jenħtieġ tkun approċċ pan-Ewropew għall-applikazzjonijiet mobbli tal-COVID-19, li jridu jiġu żviluppati flimkien mill-Istati Membri u l-Kummissjoni sal-15 ta’ April 2020. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data se jkunu assoċjati mal-proċess. Dan l-approċċ jenħtieġ ikun jikkonsisti minn:

(1)

speċifikazzjonijiet li jiżguraw l-effettività tal-applikazzjonijiet mobbli tal-informazzjoni, tat-twissija u tat-traċċar għall-ġlieda kontra l-COVID-19 mill-perspettiva medika u teknika;

(2)

miżuri li jipprevjenu l-proliferazzjoni ta’ applikazzjonijiet li ma jkunux kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, li jappoġġaw ir-rekwiżiti għal aċċessibbiltà mill-persuni b’diżabbiltà, u għal interoperabbiltà u promozzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni, li ma jeskludux applikazzjoni pan-Ewropea potenzjali;

(3)

mekkaniżmi ta’ governanza li jridu jiġu applikati mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u l-koperazzjoni mal-ECDC;

(4)

l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajbin u mekkaniżmi għall-iskambju tal-informazzjoni dwar il-funzjonament tal-applikazzjonijiet; u

(5)

il-qsim ta’ data ma’ korpi pubbliċi epidemjoloġiċi rilevanti u ma’ istituzzjonijiet tar-riċerka tas-saħħa pubblika, inkluż data aggregata lill-ECDC.

(14)

L-awtoritajiet tal-Istati Membri, irrappreżentati min-Netwerk tas-Saħħa Elettronika, jenħtieġ jistabbilixxu proċess għall-iskambju tal-informazzjoni u jiżguraw l-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet meta jkunu previsti xenarji transfruntieri.

ASPETTI TAL-PRIVATEZZA U TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA FL-UŻU TAL-APPLIKAZZJONIJIET MOBBLI

(15)

L-iżvilupp tas-Sett tal-Għodod jenħtieġ jiġi ggwidat mill-prinċipji tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data.

(16)

B’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-applikazzjonijiet mobbli ta’ twissija u prevenzjoni b’rabta mal-COVID-19, jenħtieġ jiġu rispettati l-prinċipji li ġejjin:

(1)

is-salvagwardji li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-prevenzjoni tal-istigmatizzazzjoni, b’mod partikolari r-regoli applikabbli li jirregolaw il-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni;

(2)

il-preferenza għall-inqas miżuri intrużivi iżda effettivi, inkluż l-użu ta’ data dwar il-qrubija u li jkun evitat l-ipproċessar ta’ data dwar il-lokazzjoni jew dwar il-movimenti ta’ individwi, u l-użu ta’ data anonimizzata u aggregata meta possibbli;

(3)

ir-rekwiżiti tekniċi dwar teknoloġiji xierqa (eż. il-Bluetooth b’Enerġija Baxxa) biex jiġu stabbiliti l-qrubija ta’ apparat, il-kriptaġġ, is-sigurtà tad-data, il-ħżin tad-data fl-apparat mobbli, l-aċċess possibbli mill-awtoritajiet tas-saħħa u l-ħżin tad-data;

(4)

ir-rekwiżiti effettivi dwar iċ-ċibersigurtà ħalli d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data jkunu protetti;

(5)

l-iskadenza tal-miżuri meħuda u t-tħassir tad-data personali miksuba permezz ta’ dawn il-miżuri, sa mhux aktar tard minn meta jiġi ddikjarat li l-pandemija tinsab taħt kontroll;

(6)

l-applowdjar tad-data dwar il-qrubija, fil-każ ta’ infezzjoni kkonfermata u l-metodi xierqa biex iwissu lill-persuni li kienu f’kuntatt mill-qrib mal-persuna infettata, u li għandhom jibqgħu anonimi; u

(7)

ir-rekwiżiti tat-trasparenza dwar il-konfigurazzjonijiet tal-privatezza biex tkun żgurata l-fiduċja fl-applikazzjonijiet.

(17)

Il-Kummissjoni se tippubblika gwida li tispeċifika f’aktar dettall il-prinċipji tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet prattiċi li jirriżultaw mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-Sett tal-Għodod.

L-UŻU TAD-DATA DWAR IL-MOBBILTÀ BĦALA KONTRIBUT GĦALL-ISTRATEĠIJA BIEX NOĦORĠU MILL-KRIŻI

(18)

It-tieni prijorità għas-Sett tal-Għodod jenħtieġ tkun approċċ komuni għall-użu tad-data anonimizzata u aggregata dwar il-mobbiltà, li hi meħtieġa għal:

(1)

immudellar li jimmeppja u jbassar it-tixrid tal-marda u l-impatt fuq il-ħtiġijiet tas-sistemi tas-saħħa fl-Istati Membri bħall-Unitajiet tal-Kura Intensiva fl-Isptarijiet u t-Tagħmir Protettiv Personali, iżda mhux limitat għalihom; u

(2)

ottimizzazzjoni tal-effettività tal-miżuri biex titrażżan id-diffużjoni tal-virus tal-COVID-19, u biex jindirizzaw l-effetti tiegħu, inkluż it-trażżin (u l-waqfien tat-trażżin), u biex tinkiseb u tintuża dik id-data.

(19)

Meta jiġu biex ifasslu dan l-approċċ, l-Istati Membri (irrappreżentati fin-Netwerk tas-Saħħa Elettronika, b’koordinazzjoni mal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, man-Netwerk Epidemjoloġiku, u mal-ECDC u, jekk meħtieġ, l-ENISIA), jenħtieġ jaqsmu l-aqwa prattiki b’rabta mal-użu tad-data dwar il-mobbiltà, jaqsmu u jqabblu l-immudellar u t-tbassir tad-diffużjoni tal-virus, u jwettqu monitoraġġ tal-impatt tal-miżuri ħalli jillimitaw id-diffużjoni tal-virus.

(20)

Dan ir-riżultat tanġibbli jenħtieġ jinkludi:

(1)

l-użu xieraq tad-data anonimizzata u aggregata dwar il-mobbiltà għal immudellar li jgħinna nifhmu kif se jinfirex il-virus u għal immudellar tal-effetti ekonomiċi tal-kriżi;

(2)

parir lill-awtoritajiet pubbliċi biex il-fornituri tad-data jintalbu l-metodoloġija li applikaw biex id-data tiġi anonimizzata, u biex iwettqu test ta’ plawżibbiltà għall-metodoloġija applikata;

(3)

l-istabbiliment ta’ salvagwardji li jipprevjenu d-deanonimizzazzjoni u jevitaw l-identifikazzjoni mill-ġdid tal-individwi, inkluż il-garanziji ta’ livelli adegwati ta’ sigurtà tad-data u tal-IT, u valutazzjoni tar-riskji tal-identifikazzjoni mill-ġdid meta ssir korrelazzjoni tad-data anonimizzata ma’ data oħra;

(4)

it-tħassir immedjat u irriversibbli tad-data kollha pproċessata b’mod aċċidentali li permezz tagħha ikunu jistgħu jiġu identifikati individwi, filwaqt li l-fornituri tad-data u l-awtoritajiet kompetenti jiġu notifikati dwar l-ipproċessar aċċidentali u t-tħassir;

(5)

it-tħassir tad-data wara perjodu ta’ 90 jum, jew fi kwalunkwe każ u sa mhux aktar tard minn meta jiġi dikjarat li l-pandemija tinsab taħt kontroll; u

(6)

ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data esklussivament għall-finijiet imsemmija hawn fuq u l-esklużjoni tal-qsim tad-data ma’ xi parti terza.

RAPPURTAR U RIEŻAMI

(21)

L-approċċ pan-Ewropew għall-applikazzjonijiet mobbli tal-COVID-19 se jiġi ppubblikat fil-15 ta’ April, u se jiġi kkumplimentat bi gwida mill-Kummissjoni dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data.

(22)

Sal-31 ta’ Mejju 2020, l-Istati Membri jenħtieġ jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet li ħadu f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. Dawn ir-rapporti jenħtieġ jibqgħu jsiru b’mod regolari sakemm tippersisti l-kriżi tal-COVID-19.

(23)

Mit-8 ta’ April 2020, l-Istati Membri jenħtieġ jagħmlu l-miżuri applikati fl-oqsma koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni aċċessibbli għal Stati Membri oħra u għar-rieżami bejn il-pari tal-Kummissjoni. Fi żmien ġimgħa, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet dwar dawn il-miżuri. L-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ iqis dawn l-osservazzjonijiet bl-akbar attenzjoni.

(24)

Abbażi ta’ dawn ir-rapporti tal-Istati Membri, minn Ġunju 2020, il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress li jkun sar u l-effett ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet ulterjuri lill-Istati Membri, inkluż dwar iż-żmien tal-miżuri applikati fl-oqsma koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Ewropea għad-data, COM/2020/66 final.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1765 tat-22 ta’ Ottubru 2019 li tipprovdi r-regoli għall-istabbiliment, għall-ġestjoni u għall-funzjonament tan-netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-Saħħa elettronika, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/890/UE (ĠU L 270, 24.10.2019, p. 83).