27.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-Semestru Ewropew: niżguraw dibattiti infurmati dwar ir-riformi u l-investimenti

(2020/C 64/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

filwaqt li jfakkar fl-isfond politiku ta’ din il-kwistjoni kif jidher fl-Anness,

WAQT LI JENFASIZZA LI:

is-Semestru Ewropew huwa proċess ta’ governanza li primarjament jgħin lill-Istati Membri biex jikkoordinaw il-politika ekonomika, tal-impjiegi u dik fiskali tagħhom; għaldaqstant, f’konformità anki mal-Istrateġija Ewropa 2020, huwa jindirizza riformi strutturali f’oqsma ta’ politika oħra, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, li jistgħu jagħtu spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività u jħallu effett kollaterali pożittiv;

eżatt wara l-istabbiliment tal-qafas tas-Semestru Ewropew, il-ministri għall-edukazzjoni enfasizzaw ir-rieda tagħhom li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tas-Semestru Ewropew. F’dawn l-aħħar għaxar snin, dan il-kontribut ħa diversi forom u kien espress b’modi differenti;

fi tmiem il-perijodu strateġiku 2020 u bi tħejjija għall-ġejjieni, huwa importanti li jissaħħaħ il-kontribut tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ fid-diskussjonijiet dwar is-Semestru Ewropew, sabiex jiġu żgurati dibattiti mnebbħin mill-evidenza dwar ir-riformi u l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, mingħajr ma l-proċess isir kumpless wisq u aktar eżiġenti mil-lat amministrattiv;

il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ tindirizza l-isfidi komuni relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kompetenzi tal-Istati Membri, li jeħtieġ ukoll jiġu riflessi fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

U FID-DAWL TA’:

l-istrateġija l-ġdida dwar it-tkabbir – il-Patt Ekoloġiku Ewropew – li tintegra s-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-Unjoni, inkluż fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

l-Istrateġija Annwali 2020 għat-Tkabbir Sostenibbli, li tidderieġi mill-ġdid l-attenzjoni tas-Semestru Ewropew lejn l-iżvilupp sostenibbli u titfa’ d-dawl fuq l-objettivi li ġejjin:

it-titjib tal-inklużività u l-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex trawwem l-inklużjoni ta’ kull persuna fis-soċjetajiet ta’ għada;

l-indirizzar tad-diskrepanza fil-ħiliet diġitali;

ir-riformi meħtieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali biex titreġġa’ lura t-tendenza ta’ deterjorament dejjem akbar tar-riżultati miksuba fir-rigward tal-qari, il-matematika u x-xjenza;

l-iżvilupp ta’ strateġiji komprensivi fir-rigward tal-ħiliet li jkunu ffukati fuq il-ħtiġijiet individwali għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid;

l-appoġġ għall-ħaddiema adulti biex jiżviluppaw settijiet ta’ ħiliet usa’ f’livell ogħla;

it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u ż-żieda fil-kwalità u l-attraenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

l-investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet u fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità, bil-għan li jiġu stimulati l-produttività u l-innovazzjoni, kif ukoll l-importanza tiegħu għall-promozzjoni ta’ sens ta’ ġustizzja, it-trawwim tal-inklużjoni u l-iżgurar tal-koeżjoni fl-Unjoni;

it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari f’oqsma li jrawmu t-tkabbir fit-tul, inkluż l-edukazzjoni.

l-ewwel dibattitu ta’ politika konġunt li qatt sar bejn il-ministri għall-finanzi u l-edukazzjoni fi Brussell fit-8 ta’ Novembru 2019 dwar “Bażi ekonomika b’saħħitha għall-Ewropa: il-kisba tal-effettività, l-effiċjenza u l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ”, fejn il-ministri:

enfasizzaw il-kapital uman bħala fattur kruċjali fit-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku, tal-kompetittività, tal-impjegabbiltà, tal-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni, kif ukoll tar-reżiljenza tas-soċjetajiet;

enfasizzaw il-ħtieġa li jiżdied l-investiment effettiv u effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-ħiliet u l-kompetenzi, f’termini ta’ kwalità, kwantità, inklużività u ekwità;

indikaw l-effett kollaterali usa’ ta’ investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li għandu impatt pożittiv fuq l-infiq attwali u futur f’oqsma bħall-impjiegi, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, li jwasslu għal ġustizzja soċjali u prosperità.

JIRRIKONOXXI LI:

1.

F’termini tal-progress li sar fir-rigward tal-punti ta’ riferiment tal-qafas “Edukazzjoni u Taħriġ 2020” (1) (ET 2020), dawk li jirreferu għall-edukazzjoni terzjarja u għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal diġà ġew issodisfati fil-livell medju tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-punti ta’ riferiment fir-rigward tal-gradwati reċenti impjegati u t-tnaqqis tas-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola dalwaqt jintlaħqu. Minkejja dan, xorta waħda għadu diffiċli li jintlaħqu l-punti ta’ riferiment relatati mal-prestazzjoni baxxa fit-test PISA fost dawk li għandhom 15-il sena kif ukoll dawk relatati mat-tagħlim għall-adulti (2).

2.

Il-progress li sar mill-Unjoni biex tilħaq il-punti ta’ riferiment ET 2020 tagħha jirrappreżenta kontribut siewi għall-kisba kemm tal-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3), kif ukoll tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 4 tan-Nazzjonijiet Uniti (4).

JINNOTA LI:

3.

Matul l-aħħar għaxar snin, il-kontenut tal-politika tas-Semestru Ewropew ta dejjem aktar attenzjoni lill-isfidi u l-objettivi relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, li ġie rifless f’għadd akbar ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) relatati. (5) L-għadd ta’ Stati Membri li jirċievu tali CSRs ukoll żdied b’mod gradwali u fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2019 inkluda t-28 Stat Membru kollha.

4.

Fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2019, fir-rapporti tal-pajjiżi ġie introdott anness ġdid li jippreżenta l-fehmiet preliminari tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-oqsma ta’ investiment prijoritarji tas-Semestru Ewropew u l-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni 2021 - 2027, li jirriflettu, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jiġu prijoritizzati l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

5.

Ċerti xejriet fl-edukazzjoni u t-taħriġ, relatati mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, huma ssorveljati permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali.

JIKKUNSIDRA LI:

6.

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali għat-tkabbir sostenibbli, il-kompetittività u l-impjiegi fil-ġejjieni, u li l-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin (6), kif ukoll il-promozzjoni tal-mobilità u t-tagħlim tul il-ħajja, huma importanti f’termini ta’ żvilupp tal-kapital uman. Barra minn hekk, minbarra li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u inklużivi jippermettu sodisfazzjon personali, koeżjoni soċjali u soċjetajiet inklużivi.

7.

Huwa importanti li jittieħed approċċ olistiku u li jiġu żviluppati u segwiti strateġiji u politiki komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’kont meħud tat-tagħlim f’kull kuntest u ambjent - kemm jekk formali, mhux formali jew informali - u f’kull livell: mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni skolastika ġenerali sal-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti.

8.

L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa l-aktar investiment b’saħħtu li jista’ jsir fil-persuni u fil-ġejjieni, u r-redditi soċjali u ekonomiċi ta’ investimenti effettivi u effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, għall-individwi, għal min iħaddem u għas-soċjetà inġenerali, huma inkontestabbli.

9.

Il-qafas strateġiku ET 2020 għall-kooperazzjoni jipprovdi opportunitajiet għal skambji analitiċi u fil-livell tal-esperti bejn il-pari bejn l-Istati Membri. Huwa jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 b’dibattiti politiċi infurmati dwar l-isfidi u l-prijoritajiet relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż dawk identifikati fis-Semestru Ewropew.

10.

L-edukazzjoni u t-taħriġ kellhom rwol importanti fil-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, b’żewġ punti ta’ riferiment ta’ ET 2020 li jirrappreżentaw il-miri ewlenin ta’ Ewropa 2020 dwar l-edukazzjoni (it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u ż-żieda fil-kisba ta’ edukazzjoni terzjarja). Barra minn hekk, il-proċess ta’ ET 2020 jikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew permezz ta’ data komprensiva tematika u speċifika għall-pajjiż offruta kull sena permezz tal-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ (Monitor ET).

11.

Il-punti ta’ riferiment ta’ ET 2020 jistgħu jitqiesu bħala xprunaturi siewja tal-politika u flimkien mal-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni u jipprovdu impetu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ li jirriżultaw f’bidliet fil-politika. Attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari, evalwazzjonijiet bejn il-pari u konsulenza bejn il-pari fil-qafas ta’ ET 2020, bħala opportunitajiet siewja għal tagħlim u rieżami tal-politika, jistgħu jkunu utli biex jipprovdu appoġġ speċifiku għall-pajjiż jew appoġġ lil raggruppamenti ta’ Stati Membri b’reazzjoni għal kwistjonijiet identifikati anki fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

12.

Il-missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti tal-Kummissjoni jistgħu jipprovdu opportunitajiet addizzjonali biex jappoġġaw il-fehim fattwali u analitiku tal-Kummissjoni tal-prijoritajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-ispeċifiċitajiet u l-iżviluppi tal-politika fl-Istati Membri, sabiex tkun riflessa b’mod aktar preċiż ir-realtà.

JENFASIZZA LI:

13.

Sar progress promettenti iżda irregolari lejn it-twettiq tal-punti ta’ riferiment ta’ ET 2020 fil-livell tal-Unjoni, fejn l-Istati Membri avvanzaw b’ritmi differenti u sa gradi differenti. Sabiex jiġi kkonsolidat il-progress u jsir titjib ulterjuri ser ikun hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali u mġedda, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu ulterjorment il-kwalità, l-ekwità, l-inklużività u r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

14.

Biex jitwettqu b’suċċess ir-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ u biex ir-riżultati jsiru tanġibbli jeħtieġ li jkun hemm żmien suffiċjenti li ta’ spiss ikun itwal miċ-ċiklu annwali ta’ monitoraġġ fi ħdan is-Semestru Ewropew. Waqt it-tħejjija tas-CSRs, huwa essenzjali li r-responsabbiltà tal-Istati Membri tiġi rikonoxxuta u li jitħalla lok għal flessibbiltà fit-tfassil tar-riformi tagħhom, kif ukoll żmien suffiċjenti u opportunità biex dawn jiġu implimentati u evalwati.

15.

F’diskussjonijiet dwar ir-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ fi ħdan is-Semestru Ewropew, huwa importanti li jiġu żgurati kemm kuntestwalizzazzjoni adatta kif ukoll fehim tal-isfidi nazzjonali u tal-miżuri ta’ riforma nazzjonali diġà mwettqa. Madankollu, fl-analiżi tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fir-reazzjonijiet ta’ politika rispettivi fi ħdan missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti, il-proċessi ta’ informazzjoni bilaterali u tar-rappurtar ta’ segwitu għandhom ikunu ffukati u mhux estensivi żżejjed, sabiex jiġi evitat li jinħolqu piżijiet amministrattivi addizzjonali.

16.

Jeħtieġ li jkun hemm investiment suffiċjenti u effettiv fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex jinżamm il-vantaġġ kompetittiv tal-ekonomija tal-Unjoni u biex jiġi żgurat il-benesseri taċ-ċittadini tagħha li jkunu għalhekk jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom. Sabiex jiġi ssostanzjat il-każ ekonomiku u soċjali għall-edukazzjoni u t-taħriġ, jeħtieġ li d-data tkun aktar disponibbli u kumparabbli u li jsiru sforzi ulterjuri għall-iżvilupp ta’ kriterji kondiviżi u metodoloġiji tajba għall-kejl tal-effiċjenza tal-investiment.

17.

Il-fondi tal-Unjoni għandhom ikomplu jkunu strument importanti għall-appoġġ tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jwieġbu għall-isfidi nazzjonali u reġjonali identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew, kif ukoll għal sfidi u ħtiġijiet oħrajn, kif identifikati mill-Istati Membri.

JAQBEL LI:

18.

Il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE għandha tassigura ħidma kontinwa tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-Semestru Ewropew billi tħejji kontribut f’waqtu, sa fejn dawn għandhom x’jaqsmu mal-edukazzjoni u t-taħriġ u jekk rilevanti, inkluż billi:

jiġi ffaċilitat djalogu kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku, inkluż laqgħat ministerjali konġunti possibbli b’dibattiti ta’ politika li jindirizzaw kwistjonijiet trasversali relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, bħal dawk relatati mar-riċerka, l-impjieg jew l-investiment fil-kapital uman u l-infrastruttura edukattiva;

tiġi esplorata l-possibbiltà li jintużaw il-laqgħat tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ bħala forum għal diskussjonijiet informali dwar kwistjonijiet relatati mas-Semestru Ewropew. Diskussjonijiet dwar il-progress li sar b’reazzjoni għas-CSRs jistgħu jsiru wkoll fil-Kumitat tal-Edukazzjoni, b’enfasi fuq kwistjonijiet trasversali kondiviżi minn diversi Stati Membri u bil-qbil mal-Istati Membri kkonċernati;

il-Kummissjoni tiġi mistiedna biex, fuq bażi regolari u debita, tipprovdi informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, fir-rigward ta’ stadji importanti speċifiċi tas-Semestru Ewropew, pereżempju kif rifless fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli u r-rapporti tal-pajjiżi.

19.

Fil-qafas tal-governanza eżistenti tas-Semestru Ewropew, għandha tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u setturi oħra bi kwistjonijiet ta’ politika sovrastanti sabiex ikunu jistgħu jsiru diskussjonijiet aktar sinifikanti u infurmati aħjar dwar ir-riformi u l-investimenti li jikkonċernaw l-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan jista’ jiġi appoġġat billi jitrawwem djalogu aħjar bejn il-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kumitat tal-Impjiegi u, jekk ikun xieraq u skont il-kwistjoni ta’ politika sovrastanti, kumitati ewlenin oħra tas-Semestru Ewropew. F’dan ir-rigward, il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE għandha tkompli u teżamina ulterjorment il-possibbiltajiet ta’:

l-iżgurar ta’ kooperazzjoni tal-Kumitat tal-Edukazzjoni mal-Kumitat tal-Impjiegi, kull meta jkun rilevanti, fir-rigward ta’ rieżamijiet multilaterali ta’ CSRs relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, u dwar suġġetti ta’ interess reċiproku rilevanti għall-proċess tas-Semestru Ewropew;

il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-Kumitat tal-Edukazzjoni biex jipprovdi appoġġ lill-Kumitat tal-Impjiegi fl-analiżi tal-abbozz ta’ CSRs, filwaqt li jitqies il-valur miżjud f’li jingħata għarfien aktar fil-fond dwar il-politiki tal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ;

it-tħejjija, jekk meħtieġ u adatt, ta’ kontributi bil-miktub mill-Kumitat tal-Edukazzjoni lill-Kumitat tal-Impjiegi dwar il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ;

l-iżgurar ta’ skambju f’waqtu ta’ informazzjoni u ppjanar kondiviż dwar il-prijoritajiet u l-azzjonijiet previsti, kif ukoll tar-riżultati miksuba mill-kumitati, b’mod partikolari bejn il-presidenti tal-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kumitat tal-Impjiegi, b’kont meħud tal-kalendarju tal-proċess tas-Semestru Ewropew;

l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-presidenti tal-kumitati ewlenin tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari l-president tal-Kumitat tal-Impjiegi, fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Edukazzjoni, meta dan ikun rilevanti, pereżempju fil-bidu u fit-tmiem taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, biex tingħata informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali u l-iżviluppi importanti għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

U JESPRIMI L-IMPENN LI:

20.

Ikompli bl-isforzi biex tittejjeb il-kwalità, l-ekwità, l-inklużività u r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ ħiliet komprensivi u strateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja, fejn xieraq u f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali.

21.

Bil-ħsieb li tiżdied il-viżibbiltà tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jiġi rikonoxxut ulterjorment ir-rwol tagħhom bħala politika strutturali abilitanti, ikompli jikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew u għall-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida għat-tkabbir, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, sa fejn għandhom x’jaqsmu kwistjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ.

22.

Ikompli bil-monitoraġġ tal-progress li sar biex jintlaħqu miri maqbula b’mod komuni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li r-riżultati tagħhom jistgħu, jekk ikun rilevanti, jikkontribwixxu għall-proċess tas-Semestru Ewropew.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI, F’KONFORMITÀ MAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHA U B’KONT DEBITU GĦAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

23.

Tinforma lill-Kumitat tal-Edukazzjoni dwar il-kalendarju tal-proċess tas-Semestru Ewropew, inkluż id-diversi stadji importanti tiegħu.

24.

Tkompli tippromwovi l-Monitor ET, inkluż il-kontribut tiegħu għat-tisħiħ tal-evidenza dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-proċess tas-Semestru Ewropew, filwaqt li tiżgura li l-Monitor ET ikun mibni fuq sejbiet imnebbħin mill-evidenza u metodoloġiji sodi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

25.

Fit-tħejjija tal-Monitor ET annwali, tiżgura kooperazzjoni f’waqtha mal-Istati Membri, kif ukoll li l-Monitor ET ikun jirrifletti b’mod preċiż ir-riformi mwettqa u l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

26.

Teżamina l-possibbiltà li tiġi adottata komunikazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja l-Monitor ET, fejn xieraq, sabiex din sservi bħala l-bażi għat-tħejjija tal-messaġġi politiċi tal-Kunsill relatati mal-aktar kwistjonijiet importanti, kif identifikat fil-Monitor ET.

27.

Tfittex sinerġiji u kumplimentarjetà bejn eżerċizzji analitiċi differenti relatati mal-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari billi tiżgura involviment aħjar tal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta’ Riferiment fil-ħidma relatata mal-indikaturi użati fis-Semestru Ewropew.

28.

Tippreżenta l-komunikazzjoni tagħha dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, inkluż il-qafas strateġiku għal wara l-2020 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li tkopri l-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-setturi f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja. Din għandha tinkludi punti ta’ riferiment u indikaturi li jirriflettu l-prijoritajiet identifikati mill-Istati Membri, b’kont meħud tad-disponibbiltà u l-kumparabbiltà tad-data fost l-Istati Membri u l-eżiti ta’ konsultazzjonijiet preċedenti.

29.

Taġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, sabiex tirreaġixxi għall-isfidi pressanti attwali fir-rigward tal-ħiliet, kif ukoll fid-dawl tal-bidliet teknoloġiċi u tas-soċjetà, biex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-futur.

30.

Tesplora modi biex jitkejlu b’mod aktar kumparabbli r-redditi ekonomiċi u soċjali differenti fuq l-investiment, billi tiżviluppa metodoloġiji ta’ kejl u indikaturi tal-infiq pubbliku fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

31.

Tikkoopera mill-qrib mal-OECD u mal-UNESCO, sabiex tissaħħaħ il-kwalità tal-analiżi bbażata fuq l-evidenza u jittejjeb il-proċess ġenerali ta’ monitoraġġ u rappurtar, fejn possibbli u jekk meħtieġ.

32.

Tkompli trawwem djalogu miftuħ bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tas-CSRs relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ.


(1)  Skont l-aktar data reċenti mill-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2019 (Monitor ET 2019), is-sehem ta’ persuni bejn it-30 u l-34 sena li temmew b’suċċess edukazzjoni terzjarja jew edukazzjoni ekwivalenti, fejn il-mira hija dik ta’ 40 %, laħaq l-40,7 %. Fir-rigward tas-sehem ta’ tfal bejn l-erba’ snin u l-età obbligatorja biex jibdew l-iskola li ħadu sehem fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, fejn il-mira hija dik ta’ 95 %, intlaħqet rata ta’ 95,4 %. Is-sehem ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni, fejn il-mira hija inqas minn 10 %, bħalissa huwa ta’ 10,6 %. Fir-rigward tal-gradwati reċenti impjegati, fejn il-mira hija dik ta’ 82 %, is-sehem bħalissa huwa ta’ 81,6 %. F’dak li għandu x’jaqsam mas-sehem tal-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim, din żdiedet biss għal 11,1 %, biex b’hekk ma ntlaħqitx bi ftit il-mira ta’ 15 %.

(2)  Skont l-aħħar studju PISA 2018, is-sehem ta’ dawk b’livell baxx ta’ kisbiet fil-qari (21,7 %), fil-matematika (22,4 %) u fix-xjenza (21,6 %) baqa’ għoli, li jirrifletti l-fatt li l-prestazzjoni ta’ wieħed minn kull ħamsa minn dawk li għandhom 15-il sena fl-UE għadha ’l bogħod mill-mira rispettiva tal-UE.

(3)  “Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.” (l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2017).

(4)  “Tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwitabbli u jiġu promossi opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd”. (Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 4 tan-NU).

(5)  Skont il-Valutazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 — Rapport konġunt tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) (2019), meta mqabbel mal-għadd totali ta’ CSRs, l-għadd ta’ CSRs fl-oqsma tal-impjiegi u l-politika soċjali żdied b’mod kostanti. Fl-2018, aktar minn nofs is-CSRs kienu jinkludu kwistjonijiet ta’ impjieg jew kwistjonijiet soċjali. Fil-perijodu kollu bejn l-2011 u l-2018, is-CSRs b’elementi relatati mal-impjiegi u b’elementi soċjali kienu prinċipalment relatati mal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ (20 %).

(6)  Kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.


ANNESS

KUNTEST POLITIKU

1.   

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (12 ta’ Mejju 2009)

2.   

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (3 ta’ Marzu 2010)

3.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (14 ta’ Frar 2011)

4.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ f’Ewropa 2020 – il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi (26 ta’ Novembru 2012)

5.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ — reazzjoni għar-“Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” u l-“Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013” (15 ta’ Frar 2013)

6.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill – Edukazzjoni u Taħriġ Effiċjenti u Innovattivi biex isir Investiment f’Ħiliet – b’appoġġ għas-Semestru Ewropew 2014 (24 ta’ Frar 2014)

7.   

Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) – “Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ” (23 u 24 ta’ Novembru 2015)

8.   

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni: il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-Semestru Ewropew 2016 (24 ta’ Frar 2016)

9.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (14 ta’ Diċembru 2017)

10.   

Kunsill Ewropew: L-Aġenda Strateġika Ġdida 2019-2024 (20 ta’ Ġunju 2019)

11.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol ewlieni tal-politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja fl-għoti tas-setgħa lis-soċjetajiet biex jindirizzaw it-tranżizzjoni teknoloġika u ekoloġika favur tkabbir inklużiv u sostenibbli (8 ta’ Novembru 2019)

12.   

Riżoluzzjoni dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġati sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur (8 ta’ Novembru 2019)

13.   

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (11 ta’ Diċembru 2019)

14.   

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment - “L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020” (17 ta’ Diċembru 2019)

15.   

Semestru Ewropew 2019: Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi

16.   

Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2019

17.   

Stħarriġ 2018 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)