31.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 444/2 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2252
tat-29 ta’ Diċembru 2020
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-"Renju Unit") innotifika lill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(2) |
Fit-30 ta' Jannar 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/135 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (il-''Ftehim dwar il-Ħruġ''). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2020. |
(3) |
Fil-25 ta' Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/266 (2) li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit għal ftehim ta' sħubija ġdid. Dawk in-negozjati tmexxew fid-dawl tad-direttivi ta' negozjar tal-25 ta' Frar 2020. |
(4) |
In-negozjati rriżultaw fi Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (il-"Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni"), Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (il-"Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni") u Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sigur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari (il-"Ftehim dwar l-Enerġija Nukleari"). |
(5) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi l-bażi għal relazzjoni wiesgħa bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali. Il-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni huwa ftehim supplimentari għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, marbut intrinsikament ma' dan tal-aħħar b'mod partikolari fir-rigward tad-dati tal-bidu tal-applikazzjoni u t-terminazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li d-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u tal-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni (il-"Ftehimiet") tkun imsejsa fuq il-bażi ġuridika li tipprevedi l-istabbiliment ta' assoċjazzjoni li tippermetti lill-Unjoni tidħol f'impenji fl-oqsma kollha koperti mit-Trattati. |
(6) |
Fid-dawl tal-karattru eċċezzjonali u uniku tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li huwa ftehim komprensiv ma' pajjiż li ħareġ mill-Unjoni, il-Kunsill, b'dan, qed jiddeċiedi li juża l-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward tar-Renju Unit. |
(7) |
Huwa xieraq li jiġu definiti l-arranġamenti għar-rappreżentanza tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Sħubija u fil-Kumitati stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 17(1) TUE, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni u tesprimi l-pożizzjonijiet tal-Unjoni kif stabbiliti mill-Kunsill f'konformità mat-Trattati. Il-Kunsill għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta' tfassil ta' politiki u ta' koordinazzjoni kif previst fl-Artikolu 16(1) TUE billi jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Sħubija u fil-Kumitati stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Barra minn hekk, fejn il-Kunsill ta' Sħubija jew il-Kumitati stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jintalbu jadottaw atti b'effetti legali, il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni f'dawk il-korpi għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE). |
(8) |
Jenħtieġ li kull Stat Membru jkun jista' jibgħat rappreżentant wieħed biex jakkumpanja lir-rappreżentant tal-Kummissjoni, bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Sħubija u ta' korpi konġunti oħra stabbiliti skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
(9) |
Bil-għan li l-Unjoni tkun tista' tieħu azzjoni rapida u effettiva biex tipproteġi l-interessi tagħha f'konformità mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u sakemm ma jiġi adottat u jidħol fis-seħħ fl-Unjoni att leġiżlattiv speċifiku li jirregola l-adozzjoni ta' miżuri ta' rimedju taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tieħu miżuri ta' rimedju, bħas-sospensjoni tal-obbligi taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew kwalunkwe ftehim supplimentari, f'każijiet ta' ksur ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew fejn ċerti kondizzjonijiet ma jiġux issodisfati, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ f'merkanzija, tal-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, tat-trasport bit-triq, tat-trasport bl-ajru, tas-sajd u tal-programmi tal-Unjoni, kif speċifikat fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kif ukoll li tieħu miżuri ta' rimedju, miżuri ta' riekwilibriju u kontromiżuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma b'mod sħiħ lill-Kunsill fi żmien xieraq dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta dawn il-miżuri bil-ħsieb li tippermetti skambju ta' fehmiet sinifikanti fil-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-fehmiet espressi. Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta tali miżuri. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b'mod pożittiv għal tali talba, jenħtieġ li tinforma lill-Kunsill fi żmien xieraq bir-raġunijiet tagħha. |
(10) |
Sabiex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi fi żmien xieraq fejn ma jkunux baqgħu ssodisfati l-kondizzjonijiet rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tieħu ċerti deċiżjonijiet li jissospendu l-benefiċċji mogħtija lir-Renju Unit skont l-Anness dwar Prodotti Organiċi u l-Anness dwar Prodotti Mediċinali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma b'mod sħiħ lill-Kunsill fi żmien xieraq dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta dawn il-miżuri bil-ħsieb li tippermetti skambju ta' fehmiet sinifikanti fil-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-fehmiet espressi. Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta tali miżuri. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b'mod pożittiv għal tali talba, jenħtieġ li tinforma lill-Kunsill fi żmien xieraq bir-raġunijiet tagħha. |
(11) |
Kull meta l-Unjoni tkun meħtieġa taġixxi sabiex tkun konformi mal-Ftehimiet, tali azzjoni għandha tittieħed f'konformità mat-Trattati, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti tas-setgħat mogħtija lil kull istituzzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lir-Renju Unit l-informazzjoni jew in-notifiki meħtieġa mill-Ftehimiet, ħlief fejn il-Ftehimiet jirreferu għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji speċifiċi oħra tal-Unjoni, u li għandha tikkonsulta mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet speċifiċi. Hija wkoll il-Kummissjoni li għandha tirrappreżenta lill-Unjoni quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ fejn xi tilwim ikun ġie ppreżentat għall-arbitraġġ f'konformità mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. F'konformità mad-dmir ta' kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kunsill bil-quddiem, pereżempju billi tippreżentalu l-punti prinċipali tal-osservazzjonijiet li l-Unjoni jkun biħsiebha tippreżenta lit-tribunal tal-arbitraġġ, u tieħu kemm jista' jkun kont tal-kummenti li jkunu saru mill-Kunsill. |
(12) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma jeskludix il-possibbiltà li l-Istati Membri jidħlu f'arranġamenti jew ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet speċifiċi koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fl-oqsma tat-trasport bl-ajru, il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dwana u tal-VAT u tas-sigurtà soċjali taħt ċerti kondizzjonijiet. |
(13) |
Huwa għalhekk neċessarju li jiġi stabbilit qafas li għandu jiġi segwit mill-Istati Membri fejn li jiddeċiedu li jidħlu f'arranġamenti jew ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit fl-oqsma tat-trasport bl-ajru, tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dwana u tal-VAT u tas-sigurtà soċjali, inkluż il-kondizzjonijiet u l-proċedura biex l-Istati Membri jinnegozjaw u jikkonkludu tali arranġamenti jew ftehimiet bilaterali, b'tali mod li jiġi żgurat li dawn ikunu kompatibbli mal-għan tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u mal-liġi tal-Unjoni u jittieħed kont tas-suq intern u tal-interessi usa' tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri li biħsiebhom jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit f'oqsma mhux koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jinfurmaw, b'rispett sħiħ tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom u dwar il-progress tan-negozjati. |
(14) |
Jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu FINPROV.1(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u f'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ambitu territorjali tal-ftehimiet futuri inkluża fil-minuti tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Novembru 2018, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni la japplika għal Ġibiltà u lanqas m'għandu effetti f'dak it-territorju. Kif previst f'dik id-dikjarazzjoni, "dan ma jipprekludix il-possibbiltà li jkun hemm ftehimiet separati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta' Ġibiltà" u, "mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Unjoni u b'rispett sħiħ għall-integrità territorjali tal-Istati Membri tagħha kif garantita mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dawk il-ftehimiet separati ser jirrikjedu qbil minn qabel mir-Renju ta' Spanja". |
(15) |
L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni permezz tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri b'rabta ma' kwalunkwe negozjar li għaddej bħalissa jew futur dwar ftehimiet internazzjonali, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tagħhom ma kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew b'rabta ma' kwalunkwe negozjar futur dwar kwalunkwe ftehim supplimentari, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tiegħu, imsemmi fl-Artikolu COMPROV.2 [Ftehimiet supplimentari] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
(16) |
Bħala pajjiż li ħareġ mill-Unjoni, ir-Renju Unit jinsab f'sitwazzjoni differenti u eċċezzjonali fil-konfront tal-Unjoni meta mqabbel ma' pajjiżi terzi oħra li magħhom l-Unjoni nnegozjat jew ikkonkludiet ftehimiet. Taħt il-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-liġi tal-Unjoni tapplika għar-Renju Unit u fih waqt il-perijodu ta' tranżizzjoni, u, fi tmiem dak il-perijodu, il-bażi għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-Unjoni hija għalhekk ta' livell għoli ħafna, b'mod partikolari fl-oqsma tas-suq intern, tal-politika komuni tas-sajd, u tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Il-perijodu ta' tranżizzjoni ser jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020, u wara dan id-dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet oħra ta' separazzjoni previsti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ ser jindirizzaw l-għeluq bla xkiel ta' tali kooperazzjoni f'għadd ta' oqsma. Jekk il-Ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2021, il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit ser taqa' għal livell li la huwa mixtieq u lanqas huwa fl-interess tal-Unjoni, u b'hekk ikun hemm tfixkil fir-relazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Tali tfixkil jista' jiġi limitat permezz tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehimiet. |
(17) |
Għalhekk, minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali tar-Renju Unit fir-rigward tal-Unjoni, l-urġenza tas-sitwazzjoni peress li l-perijodu ta' tranżizzjoni jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020, kif ukoll il-ħtieġa li jingħata żmien suffiċjenti lill-Parlament Ewropew, u lill-Kunsill biex iwettqu b'mod xieraq skrutinju tad-deċiżjoni prevista dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet u t-testi tal-Ftehimiet, jenħtieġ li l-Ftehimiet jiġu applikati fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tagħhom. |
(18) |
Minħabba li n-negozjati tal-Ftehimiet tlestew tard ħafna, sebat ijiem biss qabel it-tmiem tal-perijodu ta' tranżizzjoni, ma kienx possibbli li ssir r-reviżjoni legali-lingwistika finali tat-testi tal-Ftehimiet qabel l-iffirmar tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Partijiet jipproċedu għar-reviżjoni legali-lingwistika finali tat-testi tal-Ftehimiet fl-24 lingwa awtentika kollha, fejn jibdew immedjatament wara l-iffirmar tal-Ftehimiet. Dik ir-reviżjoni legali-lingwistika jenħtieġ li titlesta fi żmien debitu. Wara, permezz tal-iskambju ta' noti diplomatiċi, jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu dawk it-testi riveduti tal-Ftehimiet fit-tali lingwi kollha bħala awtentiċi u definittivi. Jenħtieġ li dawk it-testi riveduti jissostitwixxu ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehimiet. |
(19) |
Jenħtieġ li l-Ftehimiet jiġu ffirmati, u d-Dikjarazzjonijiet u n-Notifika mehmużin jiġu approvati f'isem l-Unjoni. |
(20) |
L-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-"Ftehim Euratom"), huwa soġġett għal proċedura separata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, fir-rigward ta' kwistjonijiet għajr dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim Euratom, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.
2. L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.
3. It-testi tal-Ftehimiet huma mehmużin ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kunsill ta' Sħubija, fil-Kumitat ta' Sħubija tal-Kummerċ, fil-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti skont l-Artikoli INST.1 [Kunsill ta' Sħubija] u INST.2 [Kumitati] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kif ukoll fi kwalunkwe Kumitat addizzjonali Speċjalizzat fil-Kummerċ jew Kumitat Speċjalizzat li jkun stabbilit f'konformità mal-punt (g) tal-paragrafu 4 tal-Artikolu INST.1 [Kunsill ta' Sħubija] jew il-punt (g) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu INST.2 [Kumitati] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Kull Stat Membru għandu jkun jista' jibgħat rappreżentant wieħed biex jakkumpanja lir-rappreżentant tal-Kummissjoni, bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Sħubija u ta' korpi konġunti oħra stabbiliti skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
2. Sabiex il-Kunsill ikun f'pożizzjoni li jeżerċita b'mod sħiħ il-funzjonijiet tiegħu ta' tfassil ta' politiki, ta' koordinazzjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'konformità mat-Trattati, b'mod partikolari bl-istabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Sħubija, fil-Kumitat ta' Sħubija tal-Kummerċ, fil-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-Kumitati Speċjalizzati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Kunsill jirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha relatati ma' kull laqgħa ta' dawk il-korpi konġunti jew ma' kull att li għandu jiġi adottat permezz tal-proċedura bil-miktub fi żmien suffiċjenti qabel dik il-laqgħa jew dak l-użu tal-proċedura bil-miktub, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmien ġranet tax-xogħol qabel dik il-laqgħa jew dak l-użu tal-proċedura bil-miktub.
Il-Kunsill għandu wkoll jiġi informat fil-ħin dwar id-diskussjonijiet u l-eżitu tal-laqgħat tal-Kunsill ta' Sħubija, il-Kumitat ta' Sħubija tal-Kummerċ, il-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-Kumitati Speċjalizzati u tal-użu tal-proċedura bil-miktub, u għandu jirċievi l-abbozz ta' minuti u d-dokumenti kollha relatati ma' tali laqgħat jew użu tal-proċedura.
3. Il-Parlament Ewropew għandu jitqiegħed f'pożizzjoni li jeżerċita b'mod sħiħ il-prerogattivi istituzzjonali tiegħu matul il-proċess kollu f'konformità mat-Trattati.
4. Għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Artikolu 3
1. Sakemm jidħol fis-seħħ fl-Unjoni att leġiżlattiv speċifiku li jirregola l-adozzjoni tal-miżuri elenkati fil-punti (a) sa (i) hawn taħt, kwalunkwe deċiżjoni mill-Unjoni biex tieħu t-tali miżuri għandha tittieħed mill-Kummissjoni, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward:
(a) |
tas-sospensjoni tat-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodott(i) kkonċernat(i) kif stabbilit fl-Artikolu GOODS.19 [Miżuri fil-każ ta' ksur jew ċirkomvenzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(b) |
tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' rimedju u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu LPFOFCSD.3.12 [Miżuri ta' rimedju] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(c) |
tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' riekwilibriju u l-kontromiżuri kif stabbilit fl-Artikolu LPFOFCSD.9.4 [Riekwilibriju] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(d) |
tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' rimedju kif stabbilit fl-Artikolu ROAD.11 [Miżuri ta' rimedju] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(e) |
tal-miżuri ta' kumpens kif stabbilit fl-Artikolu FISH.9 [Miżuri ta' kumpens fil-każ ta' rtirar jew tnaqqis tal-aċċess] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(f) |
tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' rimedju kif stabbilit fl-Artikolu FISH.14 [Miżuri ta' rimedju u soluzzjoni ta' tilwim] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(g) |
tas-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi programmi tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu UNPRO.3.1 [Sospensjoni tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi programm tal-Unjoni mill-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu UNPRO.3.20 [Terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi programm tal-Unjoni mill-Unjoni Ewropea] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(h) |
offerta jew aċċettazzjoni tal-kumpens temporanju jew is-sospensjoni tal-obbligi fil-kuntest ta' konformità b'segwitu għal proċedura ta' arbitraġġ jew ta' grupp ta' esperti taħt l-Artikolu INST.24 [Rimedji Temporanji] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, ħlief kif previst fir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); |
(i) |
tal-miżuri ta' salvagwardja u tal-miżuri ta' riekwilibriju kif stabbilit fl-Artikolu INST.36 [Miżuri ta' salvagwardja] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
2. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod sħiħ lill-Kunsill fi żmien xieraq dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 bil-ħsieb li tippermetti skambju ta' fehmiet sinifikanti fil-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-fehmiet espressi. Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew, kif xieraq.
3. Fejn ikun hemm it-tħassib partikolari ta' Stat Membru wieħed jew aktar, dak jew dawk l-Istat(i) Membru/i, jista'/jistgħu jitlob/jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b'mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien xieraq bir-raġunijiet tagħha.
4. Il-Kummissjoni tista' tadotta wkoll miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni kif eżistew qabel l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis.
5. Qabel ma jiġi adottat att leġiżlattiv speċifiku li jirregola l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jwettaq rieżami tal-arranġamenti li jinsabu f'dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Fejn Stat Membru wieħed jew aktar iqajjem diffikultà sostanzjali li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tas-sajd, il-Kummissjoni għandha teżamina dik it-talba bħala prijorità u jekk xieraq għandha tpoġġi dik il-kwistjoni quddiem il-Kunsill ta' Sħubija, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. F'każ li ma tkun instabet ebda soluzzjoni sodisfaċenti, dik il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata mill-iktar fis possibbli, fil-kuntest tar-rieżamijiet previsti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Fejn dik id-diffikultà tippersisti, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa bil-għan li jiġi negozjat u konkluż ftehim li jagħmel l-emendi meħtieġa għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Artikolu 5
1. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tieħu, f'isem l-Unjoni, kwalunkwe deċiżjoni biex:
(a) |
tikkonferma jew tissospendi r-rikonoxximent tal-ekwivalenza wara l-valutazzjoni mill-ġdid tal-ekwivalenza li għandha titwettaq sal-31 ta' Diċembru 2023 f'konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 3 [Rikonoxximent tal-ekwivalenza] tal-Anness TBT-4 [Prodotti Organiċi] għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(b) |
tissospendi r-rikonoxximent tal-ekwivalenza f'konformità mal-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 3 [Rikonoxximent tal-ekwivalenza] tal-Anness TBT-4 [Prodotti Organiċi] għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(c) |
taċċetta d-dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura maħruġa minn awtorità tar-Renju Unit għall-faċilitajiet tal-manifattura li jinsabu barra t-territorju tal-awtorità emittenti u biex tiddetermina t-termini u l-kondizzjonijiet li skonthom l-Unjoni taċċetta dawk id-dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura f'konformità mal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 5 [Rikonoxximent tal-ispezzjonijiet] tal-Anness TBT-2 [Prodotti Mediċinali] għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(d) |
tadotta kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ għall-iskambju ta' dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura ma' awtorità tar-Renju Unit skont l-Artikolu 6 [Skambju tad-dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura] tal-Anness TBT-2 [Prodotti Mediċinali] għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni ma' awtorità tar-Renju Unit rigward l-ispezzjonijiet ta' faċilitajiet tal-manifattura skont l-Artikolu 7 [Salvagwardji] ta' dak l-Anness; |
(e) |
tissospendi r-rikonoxximent tal-ispezzjonijiet jew l-aċċettazzjoni ta' dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura maħruġa mir-Renju Unit u tinnotifika lir-Renju Unit bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 9 [Sospensjoni] tal-Anness TBT-2 [Prodotti Mediċinali] għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u tidħol f'konsultazzjonijiet mar-Renju Unit f'konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 8 [Bidliet għal-leġiżlazzjoni applikabbli] ta' dak l-Anness TBT-2; |
(f) |
tissospendi totalment jew parzjalment, għall-prodotti kollha, jew xi wħud minnhom, elenkati fl-Appendiċi C għall-Anness TBT-2 [Prodotti Mediċinali] għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, ir-rikonoxximent tal-ispezzjonijiet jew l-aċċettazzjoni tad-dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura tal-Parti l-oħra f'konformità mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 9 [Sospensjoni] ta' dak l-Anness. |
2. Għandhom japplikaw il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 3.
Artikolu 6
1. L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jinnegozjaw, jiffirmaw u jikkonkludu l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 4 tal-Artikolu AIRTRN.3 [Drittijiet tat-traffiku] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
dawk l-arranġamenti għandhom isiru biss għall-fini stabbilit fil-paragrafu 4 tal-Artikolu AIRTRN.3 [Drittijiet tat-traffiku] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u f'konformità mat-termini tiegħu, u m'għandhom jirregolaw l-ebda kwistjoni oħra irrispettivament minn jekk tali kwistjonijiet jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu I tal-Intestatura Tnejn tal-Parti Tnejn [Trasport bl-ajru] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(b) |
dawk l-arranġamenti m'għandhomx jiddiskriminaw bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni. |
Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħtu l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 9 tal-Artikolu AIRTRN.3 [Drittijiet tat-traffiku] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni soġġett għat-termini tiegħu u f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali. Meta jagħtu dawk l-awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri m'għandhomx jiddiskriminaw bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.
3. L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jinnegozjaw, jiffirmaw u jikkonkludu l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 9 tal-Artikolu AIRTRN.3 [Drittijiet tat-traffiku] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
dawk l-arranġamenti għandhom isiru biss għall-fini stabbilit fil-paragrafu 9 tal-Artikolu AIRTRN.3 [Drittijiet tat-traffiku] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u f'konformità mat-termini tiegħu, u m'għandhom jirregolaw l-ebda kwistjoni oħra irrispettivament minn jekk dawn il-kwistjonijiet jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu I tal-Intestatura Tnejn tal-Parti Tnejn [Trasport bl-Ajru] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
(b) |
dawk l-arranġamenti m'għandhomx jiddiskriminaw bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni. |
Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 7
L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jinnegozjaw, jiffirmaw u jikkonkludu ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 41 tal-Protokoll dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi u dazji jew fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta' suġġetti mhux koperti mill-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-ftehim previst għandu jkun kompatibbli ma', u m'għandux jimmina, il-funzjonament tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew tas-suq intern; |
(b) |
il-ftehim previst għandu jkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u m'għandux iqiegħed f'riskju l-kisba ta' objettiv tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat jew b'xi mod ieħor ikun ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni; |
(c) |
il-ftehim previst għandu jikkonforma mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità proklamat fit-TFUE. |
Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
1. Kull Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jinnegozja arranġament bilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) u (3) jew ftehim bilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 7 għandu jżomm lill-Kummissjoni informata dwar in-negozjati mar-Renju Unit dwar tali arranġamenti jew ftehimiet u, fejn xieraq, jistieden lill-Kummissjoni biex tipparteċipa fin-negozjati bħala osservatur.
2. Malli jitlestew in-negozjati, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-abbozz tal-arranġament jew ftehim li jirriżulta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan mingħajr dewmien.
3. Fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-abbozz ta' arranġament jew ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta', rispettivament, l-Artikolu 6(1) jew (3) jew l-Artikolu 7 jkunux sodisfatti. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li dawk il-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-Istat Membru kkonċernat jista' jiffirma u jikkonkludi l-arranġament jew ftehim inkwistjoni.
4. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi kopja tal-arranġament jew tal-ftehim lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu jew, fejn l-arranġament jew il-ftehim għandu jiġi applikat b'mod proviżorju, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.
Artikolu 9
L-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit f'oqsma mhux koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandhom jinfurmaw, b'rispett sħiħ tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, lill-Kummissjoni fi żmien debitu dwar l-intenzjonijiet tagħhom u dwar il-progress tan-negozjati.
Artikolu 10
L-eżerċizzju ta' kompetenza tal-Unjoni permezz tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fi kwalunkwe negozjar li jkun għaddej jew futur għal ftehimiet internazzjonali, jew fl-iffirmar jew konklużjoni tagħhom, ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor jew b'rabta ma' kwalunkwe negozjar futur dwar kwalunkwe ftehim supplimentari, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tiegħu, imsemmi fl-Artikolu COMPROV.2 [Ftehimiet supplimentari] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Artikolu 11
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehimiet f'isem l-Unjoni.
Artikolu 12
1. Soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehimiet għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja mill-1 ta' Jannar 2021, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tagħhom.
2. L-Unjoni għandha tinnotifika lir-Renju Unit dwar it-tlestija tar-rekwiżiti u l-proċeduri interni tal-Unjoni meħtieġa għal dik l-applikazzjoni proviżorja dment li, qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1, ir-Renju Unit ikun innotifika lill-Unjoni li jkunu tlestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni tiegħu meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja.
3. Il-verżjonijiet tal-Ftehim bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni finali legali-lingwistika.
Il-verżjonijiet lingwistiċi li jirriżultaw mir-reviżjoni legali-lingwistika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti bħala awtentiċi u definittivi permezz tal-iskambju ta' noti diplomatiċi mar-Renju Unit.
It-testi awtentiċi u definittivi msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jissostitwixxu ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehim.
4. Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fil-paragrafu 2 u jippreżenta n-nota diplomatika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3.
Artikolu 13
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika/i prevista/i fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u fl-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni.
Artikolu 14
Id-Dikjarazzjonijiet u n-Notifika mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.
Artikolu 15
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-29 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta' Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/266 tal-25 ta' Frar 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim ta' sħubija ġdid (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 53).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50).