28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 437/116


DEĊIŻJONI (UE) 2020/2229 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 Diċembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2020 sal-2033

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 167(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-objettivi tal-azzjoni tal-Unjoni intitolata “Kapitali Ewropej tal-Kultura” (l-“azzjoni”) huma, skont id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li tissalvagwardja u tippromwovi d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa u tenfasizza l-karatteristiċi komuni li jikkondividu kif ukoll iżżid is-sens ta' appartenenza taċ-ċittadini f'żona kulturali komuni, li trawwem il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-ibliet,, li ttejjeb il-medda, id-diversità u d-dimensjoni Ewropea tal-offerta kulturali fl-ibliet, inkluż permezz ta' kooperazzjoni transnazzjonali, li twessa' l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha, li ssaħħaħ il-kapaċità tas-settur kulturali u r-rabtiet tiegħu ma' setturi oħrajnu li tgħolli l-profil internazzjonali tal-ibliet permezz tal-kultura.

(2)

Il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni tippresupponi l-mobbiltà, it-turiżmu, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u l-parteċipazzjoni pubblika, li huma estremament diffiċli jekk mhux prattikament impossibbli fiż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19.

(3)

Bħala konsegwenza diretta tal-miżuri tal-lockdown meħuda madwar l-Ewropa, il-postijiet kulturali ngħalqu u l-avvenimenti kulturali ġew ikkanċellati jew posposti għal perjodu ta’ żmien mhux determinat. Il-proġetti ta’ kooperazzjoni kulturali Ewropej u internazzjonali naqqsu r-ritmu b'mod radikali peress li l-qsim fiżiku tal-fruntieri kien limitat. Fl-aħħar nett, minħabba d-dħul li qed jonqos b’rata mgħaġġla u l-ħtiġijiet emerġenti għas-saħħa pubblika, il-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali huma taħt iktar pressjoni baġitarja. Bħalissa, l-isponsorjar privat għall-kultura wkoll qed isir aktar diffiċli minħabba li ma hemm l-ebda avveniment pubbliku x’jiġi sponsorjat jew għaliex il-kumpaniji jagħtu prijorità lil attivitajiet ta' sponsorjar relatati mas-saħħa pubblika.

(4)

L-ibliet li attwalment għandhom u ser jkollhom it-titlu ta’ “Kapitali Ewropej tal-Kultura” (it-“titlu”) huma affettwati fi gradi varji primarjament skont is-sena li għaliha jkollhom it-titlu. Jidher li l-impatt huwa l-aktar b’saħħtu fuq iż-żewġt ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 u t-tlett ibliet li qed iħejju biex ikollhom it-titlu fl-2021, għalkemm l-impatt futur fuq l-ibliet li sussegwentement se jkollhom it-titlu jibqa’ mhux definit.

(5)

Iż-żewġt ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 kellhom jipposponu jew jikkanċellaw l-avvenimenti minn Marzu 2020 mingħajr ebda ċarezza dwar meta jew saħansitra jekk is-sitwazzjoni hix se terġa’ lura għan-normalità, filwaqt li xorta waħda ġarrbu l-ispejjeż. Fil-prattika, dawn mhux qed jitħallew jimplimentaw b’mod sħiħ il-programmi kulturali tagħhom fl-2020 u jisfruttaw l-investiment uman u finanzjarju enormi li sar.

(6)

Fit-tlett ibliet li se jkollhom it-titlu fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 irriżultat f’livell għoli ħafna ta’ inċertezza fi kważi l-oqsma kollha assoċjati mal-preparazzjoni tagħhom: perspettivi ta’ finanzjament insiguri minn sħab pubbliċi u privati, regolamenti futuri mhux magħrufa dwar is-sikurezza li jaffettwaw kemm it-tipi ta’ xogħol kif ukoll it-tipi ta’ avvenimenti li se jiġu awtorizzati, u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li jnaqqsu l-flussi tat-turiżmu u l-possibbiltà ta’ sħubijiet Ewropej. Il-miżuri preventivi introdotti kontra t-tixrid tal-COVID-19, li rriżultaw f'lockdown għat-timijiet ta' konsenja, naqqsu x-xogħol ta’ tħejjija ta’ dawk it-tlett ibliet għal punt kritiku meta, taħt ċirkostanzi normali, suppost kienu qed jirduppjaw l-isforzi tagħhom. Ix-xogħol ta’ tħejjija naqas ukoll minħabba l-fatt li s-sopravivenza ekonomika tas-sħab kontraenti potenzjali mhijiex ċerta.

(7)

Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE ma tipprevedix il-flessibbiltà meħtieġa biex jitqiesu tali ċirkostanzi straordinarji u, b’mod aktar speċifiku, ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar il-prolongazzjoni jew il-posponiment tas-sena meta belt partikolari jkollha t-titlu.

(8)

Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE jenħtieġ li għalhekk tiġi emendata b’mod li jkun strettament imfassal għall-ħtieġa li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni eċċezzjonali sabiex l-ibliet li jkollhom it-titlu li jintlaqtu l-agħar mill-pandemija tal-COVID-19 jitħallew jimplimentaw il-programmi kulturali tagħhom b’mod li jippermetti t-twettiq tal-objettivi tal-azzjoni.

(9)

Wara proċess ta’ konsultazzjoni li involva l-ibliet u Stati Membri kkonċernati, ġie konkluż li jkun xieraq li l-ibliet nominati mill-Kroazja u mill-Irlanda jkunu jistgħu jkollhom it-titlu fl-2020 bil-possibbiltà li jkomplu jimplimentaw il-programmi kulturali tagħhom sat-30 ta’ April 2021, mingħajr ma tinbidel is-sena tan-nomina.

(10)

Wara proċess ta’ konsultazzjoni li involva l-ibliet u l-Istati Membri kkonċernati, ġie konkluż li s-sena li fiha r-Rumanija u l-Greċja huma intitolati jiċċelebraw it-titlu jenħtieġ li tiġi posposta mill-2021 għall-2023 u s-sena li fiha pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali huwa intitolat li jiċċelebra t-titlu jenħtieġ li tiġi posposta mill-2021 għall-2022.

(11)

Għall-finijiet ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari għall-ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 u fl-2021, u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-titlu għandu jingħata kull sena lil mhux iktar minn belt waħda f'kull wieħed miż-żewġ Stati Membri li jidhru fil-kalendarju li jinsab fl-Anness (“il-kalendarju”) u, fis-snin rilevanti, lil belt waħda minn pajjiż tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“pajjiż tal-EFTA/taż-ŻEE”), pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali, jew lil belt waħda f'pajjiż li jaderixxi mal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-paragrafu 5. Madankollu, fl-2023, massimu ta’ belt waħda f’kull wieħed mit-tliet Stati Membri li jidhru fil-kalendarju għandu jkollha t-titlu fl-2023.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-ibliet fl-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jżommu t-titlu għal sena waħda skont l-ordni tal-Istati Membri li jidhru fil-kalendarju. L-ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 jistgħu jkomplu jżommu t-titlu sat-30 ta’ April 2021, mingħajr ma tinbidel is-sena tan-nomina.”;

(2)

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-programm kulturali għandu jkopri s-sena titolari u għandu jinħoloq speċifikament għat-titlu, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5. Madankollu, l-ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 jistgħu jkomplu jimplimentaw il-programm kulturali tagħhom sat-30 ta’ April 2021.”;

(3)

fl-Artikolu 16(1), it-tielet subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-ibliet ikkonċernati għandhom ifasslu r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom u jibagħtuhom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara s-sena tat-titlu. Madankollu, l-ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 għandhom ifasslu r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom u jibagħtuhom lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2022.”;

(4)

l-Anness huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 7 sa 11 u fl-Artikolu 13(2), punt (a), tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li diġà ġew konklużi għat-titlu tal-2021 għandhom jibqgħu validi. Is-sena titolari għandha tinbidel skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2020.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 1).


ANNESS

“KALENDARJU

2020

Il-Kroazja

L-Irlanda

 

2021

 

 

 

2022

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2023

L-Ungerija

Ir-Rumanija

Il-Greċja

2024

L-Estonja

L-Awstrija

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2025

Is-Slovenja

Il-Ġermanja

 

2026

Is-Slovakkja

Il-Finlandja

 

2027

Il-Latvja

Il-Portugall

 

2028

Iċ-Ċekja

Franza

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2029

Il-Polonja

L-Iżvezja

 

2030

Ċipru

Il-Belġju

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2031

Malta

Spanja

 

2032

Il-Bulgarija

Id-Danimarka

 

2033

In-Netherlands

L-Italja

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali”