|
28.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 438/66 |
ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2219
tat-22 ta’ Diċembru 2020
rigward l-ekwivalenza tal-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex, minbarra ż-żerriegħa, u tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodott fir-Renju Unit
(notifikata bid-dokument C(2020) 9590)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/72/KE (1) tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE (2) tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2008/72/KE tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq fl-Unjoni ta’ materjal tal-propagazzjoni tal-ħxejjex minbarra ż-żerriegħa. |
|
(2) |
Id-Direttiva 2008/90/KE tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott. |
|
(3) |
Ir-Renju Unit ittraspona u implimenta dawk id-Direttivi b’mod effettiv. |
|
(4) |
Id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi 2008/72/KE u 2008/90/KE, huwa applikabbli għar-Renju Unit u fih, matul perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020 f’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari mal-Artikoli 126 u 127(1). |
|
(5) |
Fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit issottometta lill-Kummissjoni talba għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex minbarra ż-żerriegħa, kif ukoll għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodott fir-Renju Unit mal-materjal rispettiv prodott fl-Unjoni u li jikkonforma mad-Direttivi 2008/72/KE u 2008/90/KE. |
|
(6) |
Ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni tiegħu li ttrasponiet dawk id-Direttivi mhijiex se tinbidel u se tkompli tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Renju Unit u kkonkludiet li l-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex, minbarra ż-żerriegħa, prodott fir-Renju Unit u konformi mal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq tar-Renju Unit, huwa ekwivalenti għall-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex prodott fl-Unjoni u konformi mad-Direttiva 2008/72/KE, peress li jagħti l-istess garanziji fir-rigward tal-obbligi fuq il-fornitur, tal-identità, tal-karatteristiċi, tas-saħħa tal-pjanti, tal-materjal għat-tkabbir, tal-imballaġġ, tal-arranġamenti ta’ spezzjoni, tal-immarkar u tal-issiġillar, bħall-materjal rispettiv prodott fl-Unjoni. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li jiġi deċiż li l-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex minbarra ż-żerriegħa prodott fir-Renju Unit huwa ekwivalenti f’dawk l-aspetti għall-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex prodott fl-Unjoni u konformi mad-Direttiva 2008/72/KE, dment li l-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex prodott fir-Renju Unit jibqa’ konformi ma’ dik id-Direttiva u mal-atti ta’ implimentazzjoni tagħha wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Renju Unit u kkonkludiet li l-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodotti fir-Renju Unit huma ekwivalenti għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u għall-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodotti fl-Unjoni u konformi mad-Direttiva 2008/90/KE, peress li joffru l-istess garanziji fir-rigward tal-obbligi fuq il-fornitur, tal-identità, tal-karatteristiċi, tas-saħħa tal-pjanti, tal-materjal għat-tkabbir, tal-imballaġġ, tal-arranġamenti ta’ spezzjoni, tal-immarkar u tal-issiġillar, bħall-materjal rispettiv prodott fl-Unjoni f’konformità ma’ dik id-Direttiva. |
|
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li jiġi deċiż li l-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodotti fir-Renju Unit huma ekwivalenti għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u għall-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodotti fl-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2008/90/KE dment li dak il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott kif ukoll il-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodotti fir-Renju Unit jibqgħu jikkonformaw ma’ dik id-Direttiva u mal-atti ta’ implimentazzjoni tagħha wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
|
(11) |
Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll. |
|
(12) |
Billi l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021. |
|
(13) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ekwivalenza tal-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex
Il-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex, minbarra ż-żerriegħa, prodott fir-Renju Unit (3)* huwa ekwivalenti għall-materjal tat-tħawwil u tal-propagazzjoni tal-ħxejjex, minbarra ż-żerriegħa, prodott fl-Unjoni u konformi mad-Direttiva 2008/72/KE fir-rigward tal-għoti tal-istess garanziji fir-rigward tal-obbligi fuq il-fornitur, tal-identità, tal-karatteristiċi, tas-saħħa tal-pjanti, tal-materjal għat-tkabbir, tal-imballaġġ, tal-arranġamenti ta’ spezzjoni, tal-immarkar u tal-issiġillar, dment li l-materjal imsemmi prodott fir-Renju Unit jibqa’ jikkonforma ma’ dik id-Direttiva u mal-atti ta’ implimentazzjoni tagħha wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Artikolu 2
Ekwivalenza tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott
Il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodotti fir-Renju Unit huma ekwivalenti għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u għall-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott prodotti fl-Unjoni u konformi mad-Direttiva 2008/90/KE fir-rigward tal-għoti tal-istess garanziji fir-rigward tal-obbligi fuq il-fornitur, tal-identità, tal-karatteristiċi, tas-saħħa tal-pjanti, tal-materjal għat-tkabbir, tal-imballaġġ, tal-arranġamenti ta’ spezzjoni, tal-immarkar u tal-issiġillar, dment li l-materjal imsemmi prodott fir-Renju Unit jibqa’ jikkonforma ma’ dik id-Direttiva u mal-atti ta’ implimentazzjoni tagħha wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Artikolu 3
Data ta’ applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 205, 1.8.2008, p. 28.
(2) ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8.
(3) F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.