28.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 438/60 |
ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2217
tat-22 ta’ Diċembru 2020
li temenda l-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE fir-rigward tal-entrata għar-Renju Unit fil-listi ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom awtorizzati għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina
(notifikata bid-dokument C(2020) 9554)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a), u l-frażi introduttorja u l-punt (b) tal-Artikolu 19 tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/472/UE (2) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina. B’mod partikolari, l-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni jelenka l-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, li minnhom l-Istati Membri jeħtieġ jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ semen ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina, filwaqt li l-Anness III tagħha jelenka l-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, li minnhom l-Istati Membri jeħtieġ jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ ova u embrijuni ta’ dawk l-annimali. |
(2) |
Ir-Renju Unit ipprovda l-garanziji neċessarji meħtieġa mid-Deċiżjoni 2010/472/UE sabiex ir-Renju Unit jiġi elenkat fl-Annessi I u III ta’ dik id-Deċiżjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-ħruġ), mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll. Filwaqt li jitqiesu l-garanziji pprovduti mir-Renju Unit, dak il-pajjiż terz jenħtieġ li jiġi inkluż fl-Annessi tad-Deċiżjoni 2010/472/UE. |
(3) |
Għalhekk, l-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan. |
(4) |
Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021. |
(5) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/472/UE tas-26 ta’ Awwissu 2010 dwar l-importazzjonijiet ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina fl-Unjoni (ĠU L 228, 31.8.2010, p. 74).