23.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 435/63 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2185
tal-18 ta’ Diċembru 2020
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
F’Mejju tal-2003 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu “Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT): Proposta għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE”. Il-Pjan ta’ Azzjoni stabbilit f’dik il-komunikazzjoni (“il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT”) talab li jkun hemm miżuri biex jiġi indirizzat il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi jiġu żviluppati ftehimiet ta’ sħubija volontarji ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dak il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT ġew adottati f’Ottubru tal-2003 u ġiet adotta reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-suġġett fil-11 ta’ Lulju 2005. |
(2) |
Fil-5 ta’ Diċembru 2005 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam dwar ftehimiet ta’ sħubija biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT. |
(3) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2005 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 (1), li stabbilixxa skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fl-Unjoni minn pajjiżi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ sħubija volontarja. |
(4) |
In-negozjati mar-Repubblika tal-Honduras għal Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”) intemmu b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fl-14 ta’ Ġunju 2018. |
(5) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu (2).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li ser ikollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-18 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).
(2) It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.