22.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 433/76


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2183

tal-21 ta’ Diċembru 2020

li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi fir-rigward tar-rappurtar tal-infezzjoni bis-SARS-CoV-2 fil-minks u f’annimali oħra tal-familja Mustelidae u fil-klieb rakkun

(notifikata bid-dokument C(2020) 9531)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-2020, ġew irrappurtati infezzjonijiet bil-virus tas-SARS-CoV-2 fil-minks u ġie stabbilit li t-trażmissjoni mill-bniedem għall-minks u mill-minks għall-bniedem tista’ sseħħ. Ġew irrappurtati infezzjonijiet tas-SARS-CoV-2 fil-minks f’ċerti Stati Membri u pajjiżi terzi. Barra minn hekk, Stat Membru rrapporta każijiet ta’ umani infettati bil-COVID-19 b’varjanti tal-virus tas-SARS-CoV-2 relatati mal-minks. L-istudji taċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard f’Diċembru 2020 indikaw li l-klieb rakkun (Nyctereutes procyonoides) huma wkoll suxxettibbli għas-SARS-CoV-2.

(2)

Fit-12 ta’ Novembru 2020, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ippubblika Valutazzjoni Rapida tar-Riskju dwar id-detezzjoni ta’ varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2 relatati mal-minks.

(3)

Il-Valutazzjoni Rapida tar-Riskju tal-ECDC ikkonkludiet li l-livell ġenerali ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem mill-varjanti relatati mal-minks tas-SARS-CoV-2 jista’ jiġi ddeterminat bħala li jvarja minn baxx għall-popolazzjoni ġenerali sa għoli ħafna għal individwi medikament vulnerabbli b’esponiment okkupazzjonali. Il-Valutazzjoni Rapida tar-Riskju indikat ukoll li huma meħtieġa aktar investigazzjonijiet biex jiġi vvalutat jekk il-varjanti relatati mal-mink tas-SARS-CoV-2 jistax ikollhom xi impatt fuq ir-riskju ta’ infezzjoni mill-ġdid, fuq it-tnaqqis fl-effikaċja tal-vaċċin jew fuq it-tnaqqis tal-benefiċċju mit-trattament.

(4)

Fit-12 ta’ Novembru 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) għamlet dikjarazzjoni dwar il-COVID-19 u l-minks, li fiha indikat li r-riskju li l-annimali suxxettibbli, bħall-minks, isiru riżerva tas-SARS-CoV-2 jiġġenera tħassib mad-dinja kollha, peress li kwalunkwe tixrid għal fuq il-bnedmin jista’ jkollu implikazzjonijiet għas-saħħa pubblika.

(5)

Il-klieb rakkun jitqiesu suxxettibbli għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 u l-OIE talbet lill-pajjiżi jsegwu l-annimali suxxettibbli għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, bħall-minks u l-klieb rakkun, billi jaddottaw approċċ ta’ Saħħa Waħda.

(6)

F’konformità mad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinġabar id-data dwar l-okkorrenza taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425/KEE, kull Stat Membru għandu jinnotifika minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar tifqigħat fit-territorju tiegħu, dwar kwalunkwe żoonożi, mard jew kawża oħra li aktarx tikkostitwixxi periklu serju għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/662/KEE, kull Stat Membru għandu jinnotifika minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar tifqigħat fit-territorju tiegħu, dwar kwalunkwe żoonożi, mard jew kawża oħra li aktarx tikkostitwixxi periklu serju għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem.

(9)

Minbarra dawk ir-rekwiżiti ta’ notifika immedjata, sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni tar-riskju skont l-approċċ Saħħa Waħda u biex jiġu infurmati u identifikati għażliet possibbli ta’ ġestjoni tar-riskju fir-rigward tar-riskji li jirriżultaw miċ-ċirkolazzjoni ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 relatati mal-minks fl-annimali tal-familja Mustelidae u fil-klieb rakkun, jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ rapportar effiċjenti u armonizzata li tippermetti l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha mingħajr dewmien.

(10)

Minħabba l-urġenza li jiġi vvalutat ir-riskju kkawżat mis-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tal-okkorrenza tas-SARS-CoV-2 fil-minks u f’annimali oħra tal-familja Mustelidae u l-klieb rakkun, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti regolari dwar l-okkorrenza ta’ dik l-infezzjoni f’annimali imrobbija jew selvaġġi tal-familja Mustelidae u tal-klieb rakkun. Sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni xierqa tar-riskju fi ħdan l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha taqsam sommarju tal-informazzjoni miġbura mal-Istati Membri. Huwa xieraq li jitfassal ir-rapport mudell f’din id-Deċiżjoni, li jagħti struttura lid-data skont it-tifqigħa u skont l-ispeċi suxxettibbli għall-virus tas-SARS-CoV-2. Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun fil-qafas ġuridiku stabbilit mid-Direttiva 90/425/KEE u d-Direttiva 89/662/KEE. Id-data miġbura u sottomessa hija soġġetta għar-Regolament (UE) 2016/679 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni fi żmien tlett ijiem wara l-ewwel konferma fit-territorju tagħhom tal-infezzjoni tal-minks u annimali oħra tal-familja Mustelidae u tal-klieb rakkun (Nyctereutes procyonoides) bis-SARS-CoV-2.

2.   F’każ ta’ okkorrenzi jew tifqigħat ta’ infezzjonijiet ġodda bis-SARS-CoV-2 fl-annimali msemmija fil-paragrafu 1 wara l-ewwel konferma msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport ta’ segwitu kull ġimgħa. L-Istati Membri għandhom ukoll jissottomettu r-rapport ta’ segwitu meta jkun hemm aġġornamenti rilevanti dwar l-epidemjoloġija tal-marda u l-implikazzjonijiet żoonotiċi tagħha.

3.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jinkludu l-informazzjoni indikata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għal kull okkorrenza jew tifqigħa tal-infezzjoni.

4.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu kkomunikati f’format elettroniku li għandu jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, dwar ir-rapporti mressqa mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 1.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha, għal finijiet ta’ informazzjoni biss, sommarju aġġornat tal-informazzjoni li tinsab fir-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ April 2021.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


ANNESS

Informazzjoni li trid tiddaħħal fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 1 fir-rigward tal-okkorrenzi ta’ infezzjoni bis-SARS-CoV-2 fil-minks u annimali oħra tal-familja Mustelidae u fil-klieb rakkun (“speċijiet suxxettibbli”)

1.   

Data tar-rapport;

2.   

Stat Membru;

3.   

Tip ta’ rapport (l-ewwel rapport ta’ konferma/rapport ta’ segwitu ta’ kull ġimgħa);

4.   

L-għadd totali ta’ tifqigħat/okkorrenzi fl-Istat Membru inkluż fir-rapport;

5.   

Għal kull tifqigħa/okkorrenza, ipprovdi:

(a)

In-numru tas-serje ta’ kull tifqigħa/okkorrenza fl-Istat Membru;

(b)

Ir-reġjun u l-pożizzjoni ġeografika approssimattiva tal-istabbiliment jew post ieħor fejn jinżammu jew jinsabu l-annimali;

(c)

Id-data tas-suspett;

(d)

Id-data tal-konferma;

(e)

Il-Metodu/i Dijanostiku/ċi;

(f)

Id-data tal-istima tal-introduzzjoni tal-virus fl-istabbiliment jew fil-post;

(g)

L-oriġini possibbli tal-virus;

(h)

Il-miżuri ta’ kontroll meħuda (dettalji (1));

(i)

L-għadd ta’ annimali suxxettibbli fl-istabbiliment jew fil-post (skont l-ispeċi suxxettibbli);

(j)

L-għadd ta’ annimali affettwati klinikament jew subklinikament fl-istabbiliment jew fil-post (skont l-ispeċi suxxettibbli; fil-każ li ċifra eżatta ma tkunx disponibbli, jekk jogħġbok ipprovdi stima);

(k)

Il-morbidità: għadd ta’ annimali (skont l-ispeċi suxxettibbli) affettwati klinikalment, b’sinjali li jixbhu lil dawk tal-COVID-19, fl-istabbiliment jew fil-post skont l-għadd ta’ annimali suxxettibbli b’deskrizzjoni mqassra tas-sinjali kliniċi (f’każ li ċifra eżatta ma tkun disponibbli, jekk jogħġbok ipprovdi stima);

(l)

Il-mortalità: l-għadd ta’ annimali (skont l-ispeċi suxxettibbli) li mietu fl-istabbiliment jew fuq il-post (fil-każ li ċifra eżatta ma tkunx disponibbli, jekk jogħġbok ipprovdi stima);

6.   

Data dwar l-epidemjoloġija molekulari, mutazzjonijiet sinifikanti;

7.   

Data rilevanti dwar każijiet umani fl-Istat Membru relatati direttament ma’ tifqigħat/okkorrenzi tal-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2);

8.   

Informazzjoni rilevanti oħra.


(1)  Il-kontroll tal-moviment fil-pajjiż; is-sorveljanza fiż-żona ta’ trażżin jew ta’ protezzjoni; it-traċċabbiltà; il-kwarantina; ir-rimi uffiċjali ta’ karkassi, ta’ prodotti sekondarji u tal-iskart; l-eliminazzjoni; il-kontroll tar-riżervi ta’ fawna selvaġġa; l-iffissar taż-żoni; id-diżinfezzjoni; it-tilqim li huwa permess (jekk jeżisti vaċċin); ebda trattament tal-annimali affettwati u miżuri rilevanti oħra.