|
21.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 431/72 |
ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2168
tas-17 ta’ Diċembru 2020
dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv
(notifikata bid-dokument C(2020) 8919)
(It-testi biċ-Ċek, bl-Estonjan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bin-Netherlandiż u bil-Pollakk biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fin-Netherlands u fil-Polonja bagħtu żewġ ittri ta’ intenzjoni lill-Kummissjoni bid-data tas-6 ta’ Diċembru 2019. Dawn kienu jinkludu proposti dwar l-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għall-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukraina f’Medyka minn naħa, u għall-portijiet ta’ Zeebrugge u Ghent/Terneuzen min-naħa l-oħra. |
|
(2) |
L-Istati Membri msemmija hawn fuq kienu diġà pproponew lill-Kummissjoni biex testendi l-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għall-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukraina f’Medyka. Il-Kummissjoni kkonfermat il-konformità tal-proposta mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 u adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1111 (2). Madankollu, dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/178 (3), li neħħiet ir-referenza għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għal Medyka. L-emenda rriflettiet il-fatt li l-infrastruttura ferrovjarja bejn Katowice u Medyka ma kinitx se tkun operattiva qabel l-2020. Peress li l-infrastruttura issa hija operattiva, huwa xieraq li terġa’ titqies l-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għal Medyka. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat il-proposti biex testendi l-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għal Medyka u għall-portijiet ta’ Ghent/Terneuzen u Zeebrugge skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, u tqishom konformi mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Fir-rigward tal-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija għal Medyka, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 jibqgħu validi. |
|
(5) |
Fir-rigward tal-estensjoni għall-portijiet ta’ Zeebrugge u Ghent/Terneuzen, il-linji proposti għall-estensjoni diġà huma parti mill-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran. Jiffurmaw parti min-network ewlieni tan-network tat-trasport trans-Ewropew (Antwerp-Ghent-Zeebrugge) u min-network komprensiv (Ghent-Terneuzen), bir-rekwiżiti infrastrutturali ewlenin bħall-elettrifikazzjoni, tagħbija fuq il-fus ta’ 22,5 t, veloċità ta’ 100 km/h u tul tal-ferrovija ta’ 740 m diġà ssodisfati parzjalment jew kompletament mill-infrastruttura eżistenti. |
|
(6) |
Il-portijiet ta’ Zeebrugge, Ghent u Terneuzen huma l-oriġini jew id-destinazzjoni ta’ għadd ta’ servizzi regolari eżistenti ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija tul ir-rotta tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku b’oriġini jew destinazzjoni fil-Ġermanja, fiċ-Ċekja u fl-Iskandinavja (inkluż permezz tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn l-Iskandinavja u l-Mediterran). Il-port ta’ Zeebrugge irrapporta traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija lejn bosta destinazzjonijiet fl-Unjoni, li huwa sostnut mill-fatt li waħda mill-komoditajiet ewlenin tal-port hija vetturi ġodda. L-awtoritajiet tal-port ta’ Ghent u Terneuzen identifikaw ukoll il-potenzjal għal traffiku ġdid ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija lejn Schkopau (il-Ġermanja) u Outokumpu (il-Finlandja), kif ukoll lejn pajjiżi terzi, b’mod partikolari ċ-Ċina, li jgħaddu minn Šeštokai, il-Litwanja. |
|
(7) |
Barra minn hekk, l-estensjoni proposta toffri l-vantaġġ li s-servizzi pprovduti mill-punt uniku ta’ servizz eżistenti tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, inkluż mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel, isiru disponibbli għall-operaturi tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija li jaqdu l-portijiet ta’ Zeebrugge u Ghent/Terneuzen. Dan se jipprovdi aktar trasparenza lill-applikanti u jista’ jissimplifika l-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità billi jneħħi l-ħtieġa li xi mogħdijiet ferrovjarji jiġu kkoordinati ma’ punti uniċi ta’ servizz ta’ kurituri oħra tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. L-estensjoni għal Zeebrugge se tipprovdi aċċess dirett għall-port, li huwa punt importanti ta’ trasbord għall-industrija tal-karozzi tal-Istati Membri kollha tul il-kuritur, b’mod partikolari ċ-Ċekja, il-Ġermanja u l-Polonja. |
|
(8) |
L-estensjoni se tikkontribwixxi għat-titjib tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fuq il-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku b’interkonnessjonijiet mat-trasport marittimu. |
|
(9) |
F’konformità mal-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni qieset il-kriterji rilevanti għall-estensjonijiet tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikolu 4 tiegħu. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ittri ta’ intenzjoni tat-6 ta’ Diċembru 2019 dwar l-estensjonijiet tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku minn Antwerp għall-portijiet ta’ Zeebrugge u Ghent/Terneuzen u minn Katowice għall-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukraina f’Medyka, li l-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fin-Netherlands u fil-Polonja bagħtu lill-Kummissjoni, u li flimkien jipproponu r-rotta
Wilhelmshaven/Bremerhaven/Hamburg/Amsterdam/Rotterdam/Zeebrugge – Ghent (Terneuzen) – Antwerp – Aachen – Hannover/Berlin – Varsavja– Terespol (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarussja)/Kaunas – Riga – Tallinn/Falkenberg – Praga/Wroclaw – Katowice – Medyka (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna)
bħala r-rotta prinċipali għall-tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku jikkonformaw mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Renju tan-Netherlands u lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Adina VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1111 tas-7 ta’ Lulju 2015 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 181, 9.7.2015, p. 82).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/178 tal-31 ta’ Jannar 2017 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 28, 2.2.2017, p. 71).
(4) Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).