18.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 430/10


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2134

tal-10 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tal-emendar tal-Anness II għal dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 48, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni rigward il-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (2) (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2)

Skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jemenda fost l-oħrajn, l-Anness II għall-Ftehim.

(3)

Il-Ftehim ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

(4)

Skont l-Artikolu 23 tal-Ftehim, id-drittijiet miksuba minn individwi privati ma għandhomx jiġu affettwati fil-każ ta’ terminazzjoni tal-Ftehim u l-Partijiet Kontraenti għandhom jirriżolvu bi ftehim reċiproku liema azzjoni għandha tittieħed fir-rigward tad-drittijiet li jinsabu fil-proċess li jinkisbu.

(5)

Għaldaqstant, huwa neċessarju li tingħata protezzjoni reċiproka tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom, li, fi tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, kif definit fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3), jinsabu jew kienu f’sitwazzjoni transfruntiera li tinvolvi Parti Kontraenti waħda jew aktar għall-Ftehim u r-Renju Unit fl-istess ħin, billi jiġi emendat l-Anness II għall-Ftehim.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt rigward l-emendar propost tal-Anness II għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (4).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

(3)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(4)  Ara d-dokument ST 12965/20 fuq http://register.consilium.europa.eu