|
17.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 426/35 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2123
tal-11 ta’ Novembru 2020
li tagħti deroga lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Renju tad-Danimarka mis-soluzzjoni tal-grilja kombinata Kriegers Flak skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2020) 7948)
(It-testi bid-Daniż u bil-Ġermaniż biss huma awtentiċi)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Elettriku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri dwar l-Applikazzjoni,
Billi:
1. IL-PROĊEDURA
|
(1) |
Fl-1 ta’ Lulju 2020, l-awtoritajiet Daniżi u Ġermaniżi ressqu talba lill-Kummissjoni Ewropea għal deroga mis-soluzzjoni tal-grilja kombinata Kriegers Flak (“KF”) skont l-Artikolu 64 tar-Regolament dwar l-Elettriku. |
|
(2) |
Fis-7 ta’ Lulju, il-Kummissjoni Ewropea pubblikat it-talba għal deroga fuq is-sit web tagħha (2) u stiednet lill-Istati Membri u lill-Partijiet konċernati biex jipprovdu kummenti sal-31 ta’ Awwissu 2020. Fil-grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Enerġija tat-13 ta’ Lulju 2020, l-Istati Membri ġew infurmati wkoll li kienet ġiet ippreżentata talba għal deroga u li setgħu jiġu pprovduti kummenti. |
2. IS-SOLUZZJONI TAL-GRILJA KOMBINATA KRIEGERS FLAK
|
(3) |
Kriegers Flak bħala żona ġeografika tirreferi għal skoll fil-Baħar Baltiku li jkopri ż-żoni ekonomiċi tad-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja. L-iskollijiet joħolqu ilmijiet relattivament baxxi, u fl-2007 id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja lkoll kienu interessati li jiżviluppaw parks eoliċi fiż-żona. Inizjalment, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (“TSOs”) mit-tliet Stati Membri kollha vvalutaw il-possibbiltà li joħolqu proġett konġunt li jgħaqqad l-iżviluppi fiż-żona. Mill-2010, il-proġett għall-bini ta’ park eoliku konness ma’ żewġ pajjiżi (l-hekk imsejjaħ “proġett ibridu”) kien segwit biss mill-operaturi tas-sistemi Daniżi u Ġermaniżi. |
|
(4) |
Skont l-applikazzjoni għal deroga, l-għan ewlieni tat-tfassil ta’ KF bħala proġett ibridu kien li jiżdied l-użu tal-konnessjonijiet bejn il-parks eoliċi u l-grilja rispettiva tagħhom fuq l-art, billi din il-kapaċità ssir disponibbli għall-kummerċ transżonali meta ma kinitx kompletament meħtieġa għat-trasport tal-elettriku ġġenerat mill-parks eoliċi lejn ix-xatt. |
|
(5) |
Lejn l-aħħar tal-2010 Energinet.dk (it-TSO Daniż) u 50Hertz (it-TSO Ġermaniż għal din iż-żona) iffirmaw ftehim ta’ għotja fuq kontribuzzjoni ta’ EUR 150 miljun mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (“EEPR”). Fl-2013, KF ġiet inkluża wkoll fl-ewwel lista ta’ proġetti ta’ interess komuni (“PCI”) kif annessa mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1391/2013 (3). Il-kunċett tal-KF, inkluż il-kunċett li jikkonċerna t-trattament previst tal-flussi tal-elettriku f’każ ta’ konġestjoni (“ġestjoni tal-konġestjoni”) ġie soġġett għal diskussjonijiet intensivi mar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija involuti u ġie deskritt ukoll f’kuntatti mal-Kummissjoni Ewropea. |
|
(6) |
KF bħala proġett usa’ jikkombina l-elementi li ġejjin (ara wkoll il-Figura 1 hawn taħt):
|
|
(7) |
Mill-assi ta’ hawn fuq, it-talba għal deroga ma tqisx li l-parks eoliċi huma formalment parti mill-proġett KF (li għalhekk jitqies limitat għall-assi tan-network ta’ trażmissjoni (c) sa (h)).
|
|
(8) |
Barra minn hekk, l-assi (e) sa (h) biss huma direttament relatati mal-“kombinazzjoni” tan-networks nazzjonali. Dawk l-assi biss (immarkati bħala “assi KF CGS” fil-Figuri 1 u 2) kienu għalhekk kofinanzjati b’fondi tal-UE.
|
3. ID-DEROGI MITLUBA
|
(9) |
Id-derogi mitluba kollha għandhom l-għan li jallokaw il-kapaċità tas-sistema KF fil-konfini taż-żona tal-offerti bejn id-Danimarka 2 (DK2) u ż-żoni tal-offerti bejn il-Ġermanja u l-Lussemburgu (DE-LU) bi prijorità għall-parks eoliċi lil hinn mill-kosta konnessi direttament mas-sistema KF. |
|
(10) |
L-applikanti jitolbu deroga għas-sistema KF minn għadd ta’ rekwiżiti deskritti hawn taħt, kollha relatati mal-kapaċità minima disponibbli għall-kummerċ skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku. |
3.1. Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku
|
(11) |
L-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku jistabbilixxi li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni ma għandhomx jillimitaw il-volum tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni li jrid isir disponibbli għall-parteċipanti fis-suq bħala mezz biex tissolva l-konġestjoni fiż-żona tal-offerti tagħhom stess jew bħala mezz ta’ ġestjoni tal-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni għaż-żoni tal-offerti. Dan il-paragrafu għandu jitqies li jkun ġie osservat meta, għall-fruntieri bl-użu ta’ approċċ koordinat tal-kapaċità netta ta’ trażmissjoni, mill-inqas 70 % tal-kapaċità ta’ trażmissjoni li tirrispetta l-limiti tas-sigurtà operazzjonali wara t-tnaqqis tal-kontinġenzi, kif determinat skont il-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni, tkun disponibbli għall-kummerċ transżonali. L-awtoritajiet Ġermaniżi u Daniżi jitolbu li dan il-persentaġġ minimu jenħtieġ ma jkunx japplika għall-kapaċità ġenerali ta’ trażmissjoni li tirrispetta l-limiti tas-sigurtà operazzjonali wara t-tnaqqis tal-kontinġenzi. Minflok, jenħtieġ li dan japplika biss għall-kapaċità li jifdal wara li tkun tnaqqset il-kapaċità kollha li mistennija tkun meħtieġa għat-trażmissjoni tal-produzzjoni mill-parks eoliċi konnessi mas-sistema KF lejn ix-xatt (“kapaċità residwa”). |
|
(12) |
Għalhekk, jekk mill-kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ 400 MW, 320 MW kienu diġà meħtieġa għat-trasport tar-riħ lejn ix-xatt, skont it-talba għal deroga 80 MW biss għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti skont l-Artikolu 16(8). Minħabba f’hekk, jekk mill-inqas 70 % tat-80 MW kienu saru disponibbli għall-kummerċ transżonali, jenħtieġ li dan, fil-fehma tal-awtoritajiet Ġermaniżi u Daniżi, jitqies suffiċjenti biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku. Il-kapaċità mnaqqsa mill-kapaċità totali qabel ma tiġi kkalkulata l-kapaċità minima disponibbli għall-kummerċ fil-perjodu taż-żmien ta’ ġurnata bil-quddiem għandha tkun ibbażata fuq it-tbassir tal-produzzjoni tar-riħ miż-żewġ TSOs fl-istadju ta’ ġurnata bil-quddiem. Il-kapaċità mhux użata wara l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem għandha ssir disponibbli fis-suq tal-istess ġurnata. |
|
(13) |
Ta’ min jinnota li dan l-approċċ, kif deskritt fit-talba, bħalissa hu inkluż fil-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata ta’ Hansa għall-perjodi taż-żmien ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Ir-reġjun bil-kapaċità kalkolata ta’ Hansa jinkludi l-proġett Kriegers Flak. Il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità tar-reġjun ta’ Hansa ġiet miftiehma bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tar-reġjun ta’ Hansa fis-16 ta’ Diċembru 2018. Il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata ta’ Hansa għall-perjodu taż-żmien bil-quddiem u metodoloġija aġġornata għall-perjodi taż-żmien ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata ma setgħux jiġu miftiehma bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti tar-reġjun, b’mod partikolari minħabba li ma seta’ jintlaħaq l-ebda qbil dwar l-approċċ għall-kalkolu tal-kapaċità fuq l-interkonnettur Kriegers Flak. Għalhekk, l-iskadenza biex jintlaħaq qbil ġiet estiża bit-tama li tinkiseb ċarezza permezz ta’ din il-proċedura ta’ deroga. (4) |
3.2. Artikoli 12, 14, 15 u 16 tar-Regolament dwar l-Elettriku
|
(14) |
L-Artikoli 12, 14, 15 u 16 tar-Regolament dwar l-Elettriku jirreferu f’diversi każijiet għal-livell minimu ta’ kapaċità disponibbli kif stabbilit fl-Artikolu 16(8). L-awtoritajiet Ġermaniżi u Daniżi jitolbu d-deroga fis-sens li l-livell minimu ta’ kapaċità f’dawk l-artikoli jirrifletti l-livell minimu kif ġie kkalkolat hawn fuq, u b’hekk 70 % tal-kapaċità residwa. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni ma tqisx dan bħala talbiet għal deroga separati. Fuq kollox, l-Artikolu 64(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku ma jippermettix derogi mill-Artikolu 12 tar-Regolament dwar l-Elettriku. Madankollu, sa fejn deroga mill-Artikolu 16(8) tirriżulta f’kalkolu differenti tal-livell minimu ta’ kapaċità, ir-referenzi kollha għal dan il-valur minimu fir-Regolament iridu jinftiehmu bħala li jirreferu għall-valur stabbilit fid-deċiżjoni tad-deroga. |
3.3. Kodiċijiet u linji gwida tan-network
|
(16) |
Abbażi tat-talba, id-deroga għandha titqies ukoll fil-proċessi tal-kalkolu tal-kapaċità rispettivi skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (5) li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (“CACM”), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 (6) li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (“FCA”) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 (7) li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (“EB”). Sa fejn jintalbu derogi mill-metodoloġiji adottati skont dawn ir-Regolamenti tal-Kummissjoni, tali talbiet ma jitqisux bħala talbiet għal deroga separati iżda intrinsikament marbuta mat-talba għal deroga mir-Regolament dwar l-Elettriku. Sa fejn, minħabba deroga, dispożizzjoni tar-Regolament dwar l-Elettriku ma tapplikax, jew tapplika biss parzjalment, għal proġett, il-metodoloġiji adottati skont il-leġiżlazzjoni ta’ livell aktar baxx li jirreferu għad-dispożizzjoni rispettiva tar-Regolament dwar l-Elettriku jew li huma bbażati fuqha lanqas ma japplikaw. |
|
(17) |
It-talba għal deroga tistabbilixxi wkoll li r-riżerva tal-kapaċità fis-suq fit-tul għandha tkun ibbażata fuq il-kapaċità li jifdal wara li titnaqqas il-kapaċità installata tal-enerġija mir-riħ. Ir-riżerva tal-kapaċità fl-unitajiet l-oħra tal-ħin tas-suq għandha tkun ibbażata fuq il-kapaċità li jifdal wara t-tnaqqis tal-injezzjoni prevista tal-enerġija mir-riħ. Filwaqt li t-talba tistabbilixxi li t-tnaqqis ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta (li hu mifhum li jirreferi biss għall-parks eoliċi Baltic 1 u 2 u Kriegers Flak) ikkawżat mir-riżerva ta’ kapaċità transfruntiera għall-kummerċ transżonali għandu jiġi evitat fl-unitajiet kollha tal-ħin tas-suq, il-Kummissjoni tifhem li din it-talba hi l-konsegwenza intenzjonata tad-derogi l-oħra mitluba u l-approċċ deskritt għall-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità, u mhux talba għal derogi separati. B’mod partikolari, it-talba tistabbilixxi b’mod espliċitu li l-kapaċità allokata jenħtieġ tkun soda, u b’hekk l-ebda kapaċità ta’ trażmissjoni allokata ma għandha titnaqqas biex ikun evitat it-tnaqqis tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta. |
3.4. Id-durata tad-deroga mitluba
|
(18) |
It-talba għal deroga titlob li d-deroga tidħol fis-seħħ bil-kummissjonar tal-KF mistenni fit-Q3/2020 u li tapplika “sakemm il-parks eoliċi Baltic 1, Baltic 2 u Kriegers Flak ikunu konnessi ma’ KF”. Aktar tard tirreferi għal limitazzjoni taż-żmien “sakemm dawn l-OWFs ikunu operattivi u konnessi mas-sistema.” |
|
(19) |
Il-Kummissjoni tifhem li din tirreferi għall-parks eoliċi għax bħalissa dawn diġà jeżistu jew, fir-rigward tal-park eoliku Kriegers Flak, hu maħsub li jkun operattiv fil-futur qrib. Għalhekk, għal parks eoliċi ġodda, anki bħala investimenti ta’ segwitu għall-parks eżistenti, il-produzzjoni prevista tagħhom ma titnaqqasx mill-kapaċità totali ta’ trażmissjoni qabel ma tiġi kkalkolata l-kapaċità residwa. |
4. KUMMENTI LI WASLU TUL IL-PERJODU TA’ KONSULTAZZJONI
|
(20) |
Tul il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand ħames partijiet ikkonċernati differenti u mingħand Stat Membru wieħed.
|
5. VALUTAZZJONI
|
(21) |
Skont l-Artikolu 64 tar-Regolament dwar l-Elettriku, deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4), l-Artikoli 9, 10 u 11, l-Artikoli 14 sa 17, l-Artikoli 19 sa 27, l-Artikoli 35 sa 47 u l-Artikolu 51 tar-Regolament tista’ tingħata jekk l-Istat(i) Membru/i (f’dan il-każ kemm id-Danimarka kif ukoll il-Ġermanja) jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali għat-tħaddim ta’ sistemi iżolati żgħar jew sistemi żgħar konnessi. |
|
(22) |
Minbarra fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, id-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien u għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku. |
|
(23) |
Fl-aħħar nett, id-deroga għandu jkollha l-għan li tiżgura li ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fil-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons tad-domanda. |
5.1. Sistema żgħira iżolata jew żgħira konnessa
|
(24) |
Ir-Regolament dwar l-Elettriku ma jipprevedix derogi awtomatiċi ġeneralizzati għal sistemi żgħar konnessi jew żgħar iżolati. Għalhekk, ir-Regolament jassumi li minkejja l-varjetà kbira fid-daqs u l-karatteristiċi tekniċi tas-sistemi tal-elettriku fl-UE, dawn is-sistemi kollha jistgħu u jenħtieġ jitħaddmu f’konformità mal-qafas regolatorju kollu. |
|
(25) |
Madankollu, din is-suppożizzjoni tista’ tiġi kkonfutata u għalhekk skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, deroga mill-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-Elettriku hija possibbli jekk l-Istati Membri juru, fost l-oħrajn, li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal sistemi iżolati żgħar tista’ twassal għal problemi sostanzjali, b’mod partikolari minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi jew il-profili tad-domanda rilevanti għas-sistemi inkwistjoni. Pereżempju, dan instab li kien il-każ għal ċerti gżejjer Mediterranji żgħar u iżolati b’domanda baxxa ħafna fix-xitwa u żidiet sinifikanti fid-domanda tul l-istaġuni qosra tat-turiżmu. (8) |
|
(26) |
Minbarra s-sistemi iżolati, ir-Regolament dwar l-Elettriku jipprevedi l-possibbiltà li jingħataw derogi anke lil sistemi żgħar konnessi. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi sistema skont it-tifsira tal-Artikolu 64 tar-Regolament dwar l-Elettriku. Sal-lum, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni li jagħtu derogi għal sistemi iżolati jikkonċernaw il-gżejjer. Il-fatt li l-unika sistema msemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 64 hi dik ta’ Ċipru, gżira li s-sistema tat-trażmissjoni tagħha bħalissa mhix konnessa ma’ sistemi ta’ trażmissjoni ta’ Stati Membri oħra, jindika li l-gżejjer aktarx kienu wkoll f’moħħ il-leġiżlatur meta inkluda l-possibbiltà ta’ deroga għal sistemi żgħar iżolati jew żgħar konnessi. |
|
(27) |
It-terminu “sistema” nnifsu mhux definit, la fir-Regolament dwar l-Elettriku u lanqas fid-Direttiva dwar l-Elettriku. Madankollu, l-Artikolu 2(42) u (43) tad-Direttiva dwar l-Elettriku jiddefinixxi t-termini “sistema żgħira iżolata” u “sistema żgħira konnessa” rispettivament. Sistemi żgħar iżolati huma definiti bħala “kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ inqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra”, filwaqt li sistemi żgħar konnessi huma “kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ inqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn aktar minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra”. |
|
(28) |
L-ewwel nett, iż-żewġ definizzjonijiet għalhekk jassumu li s-sistema hi ħaġa li fiha jista’ jitkejjel u jiġi ddefinit il-konsum tal-elettriku. It-tieni nett, din hi ħaġa li tista’ tiġi interkonnessa ma’ sistemi oħra. It-terminu “interkonnettur” fl-Artikolu 2(39) tad-Direttiva (li jvarja mir-Regolament) hu definit ukoll bħala “tagħmir użat biex jgħaqqad is-sistemi tal-elettriku”. F’dan l-isfond, hu ċar li s-“sistema” jeħtieġ tkun xi ħaġa li (i) tista’ tinkludi punti tal-konsum u (ii) tista’ tiġi konnessa ma’ sistemi oħra permezz ta’ kejbils tal-elettriku. Dan jidher li jeskludi fehim ta’ diversi sistemi sovrapposti u interkonnessi bħala “sistema”. Minflok, sistema waħda jeħtieġ tkun tista’ tiġi separata b’mod ċar minn sistema oħra. L-aktar separazzjoni ċara, u din hi wkoll dik użata s’issa fil-ġurisprudenza tal-Kummissjoni (9), hi separazzjoni topoloġika ta’ żona ġeografika waħda minn oħra, bħal baħar li jissepara gżira minn gżejjer oħra u mill-kontinent jew mill-muntanji. Barra minn hekk, hu ċar li “sistema” jeħtieġ tinżamm flimkien b’xi ħaġa u ma tistax tikkonsisti f’diversi elementi indipendenti kompletament u mhux relatati, u b’hekk katina ta’ gżejjer separati u mhux interkonnessi ma tifformax sistema waħda iżda diversi sistemi. |
|
(29) |
F’dan il-każ, iż-żona konnessa bil-kejbils bħala parti mill-KF tinsab fin-nofs tal-baħar. Filwaqt li l-parks eoliċi Baltic 2 u Kriegers Flak jinsabu fuq jew qrib l-iskoll ta’ Kriegers Flak, il-park eoliku Baltic 1 jinsab bejn l-iskoll u l-kosta Ġermaniża. Għalhekk, il-parks eoliċi huma separati b’mod ċar mill-art kontinentali tal-Baħar Baltiku. Madankollu, il-baħar jissepara wkoll il-parks eoliċi minn xulxin. Filwaqt li huma konnessi permezz ta’ kejbils bejniethom, dan mhux differenti mill-konnessjoni tagħhom mas-sistemi kontinentali. |
|
(30) |
Madankollu, is-sistema KF tifforma entità miżmuma flimkien bl-operazzjoni koġunta permezz tal-MIO. L-MIO jaġixxi b’ħafna modi bħal operatur ta’ sistema separata, jikkalkula l-kapaċità b’mod awtonomu, jipproponi azzjonijiet ta’ rimedju f’każ ta’ konġestjoni, jieħu miżuri biex jiżgura l-istabbiltà tal-vultaġġ, u jixtri servizzi ta’ skambju kumpensatorju, għalkemm bis-superviżjoni tal-operaturi tas-sistema, iż-żewġ TSOs huma s-sidien tal-elementi tan-network. Għalhekk, KF hija separata minn sistemi oħra mill-baħar u marbuta flimkien bħala sistema unika permezz ta’ kunċett operattiv konġunt u funzjoni operattiva konġunta. Barra minn hekk, din ma tikkoinċidix ma’ sistemi oħra u lanqas ma jista’ jiġi argumentat li l-parks eoliċi individwali jiffurmaw sistemi separati. L-ebda wieħed miż-żewġ TSOs ma jista’ jikkontrolla unilateralment l-elementi tas-sistema KF. |
|
(31) |
Għalhekk, il-faċilità tal-grilja kombinata tal-KF tikkostitwixxi, flimkien mal-parks eoliċi konnessi, sistema skont it-tifsira tal-Artikolu 64 tar-Regolament. |
|
(32) |
B’mod ċar, KF hija wkoll sistema “żgħira”. Għal sistemi maħluqa ġodda, hu loġikament eskluż li wieħed jirreferi għall-konsum fl-1996. Din is-sena ta’ referenza għadha tmur lura għall-ewwel Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar l-Elettriku, għalkemm xorta waħda b’limitu ta’ 2 500 GWh. Din inżammet bħala punt ta’ referenza fis-snin ta’ wara biex is-sistemi ma jitħallewx jibdlu l-istatus tagħhom abbażi ta’ bidliet fiċ-ċifri tal-konsum annwali tagħhom. |
|
(33) |
Madankollu, ladarba sistema ġdida tkun ġiet finalizzata u ssir operattiva għalkollox il-konsum tagħha f’dak il-mument jeħtieġ jintuża bħala bażi biex jiġi determinat jekk is-sistema hix “żgħira”. Dan hu l-każ għall-KF. Is-sistema KF ma għandha l-ebda konsum sinifikanti, b’konsum totali inkluż it-telf tal-grilja stmat għal madwar 90 GWh. Ma hemm ukoll l-ebda żieda sinifikanti fil-konsum (eż. permezz tal-produzzjoni tal-idroġenu) mistennija fil-futur qrib. Filwaqt li l-konsum fl-Artikolu 2(42) u (43) tar-Regolament jista’ jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “sistemi żgħar” hu marbut mal-konsum “mill-bniedem” u għalhekk ristrett għal gżejjer abitati, il-Kummissjoni hi tal-fehma li n-nuqqas ta’ domanda domestika jew industrijali ma jeskludix il-kwalifika bħala “sistema żgħira”. Barra minn hekk, billi ma hemm l-ebda limitu minimu, ir-rekwiżit tal-konsum mill-bniedem f’sistema ma jipprovdi l-ebda kriterju ta’ separazzjoni sinifikanti. Filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar sistemi żgħar huma mmirati l-aktar biex isolvu sfidi partikolari għal provvisti stabbli u kompetittivi lill-abitanti tas-sistema, il-formulazzjoni tar-Regolament ma tillimitax il-possibbiltà ta’ deroga għal dawn it-tip ta’ problemi. Fil-fatt, peress li l-Artikolu jirreferi għal problemi sostanzjali “għat-tħaddim” ta’ sistema, dawk il-problemi jistgħu jkunu bbażati wkoll fl-interazzjoni bejn is-sistema u l-produzzjoni li tinsab fiha kif ukoll fl-interazzjoni mad-domanda. |
|
(34) |
Fl-aħħar nett, KF, li hi stess tipprovdi kapaċità sinifikanti ta’ interkonnessjoni, hi b’mod ċar “konnessa”. |
|
(35) |
Għalhekk, KF hi sistema żgħira konnessa skont it-tifsira tal-Artikolu 64(1)(a) tar-Regolament dwar l-Elettriku. |
5.2. Problema sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema
5.2.1. X’inhi problema sostanzjali?
|
(36) |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 64 hi wiesgħa ħafna, u tirreferi għal “problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema”. It-terminu “problemi sostanzjali” la hu definit legalment u l-Kummissjoni lanqas ma pprovdiet definizzjoni tat-terminu fil-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha. Il-formulazzjoni miftuħa tippermetti lill-Kummissjoni tqis il-problemi potenzjali kollha relatati mas-sitwazzjoni partikolari ta’ sistemi żgħar, sakemm dawn ikunu sostanzjali u mhux marġinali biss. Dawn il-problemi jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-partikolaritajiet ġeografiċi, il-produzzjoni u l-konsum tas-sistema inkwistjoni, iżda wkoll abbażi tal-iżviluppi tekniċi (bħall-ħżin tal-elettriku u l-ġenerazzjoni żgħira). |
|
(37) |
F’deċiżjonijiet tal-imgħoddi, il-problemi li kellhom jiġu solvuti kienu relatati maż-żamma tal-koerenza soċjali u/jew kundizzjonijiet kompetittivi ugwali bejn il-kontinent u l-gżejjer f’sitwazzjoni fejn is-sigurtà tas-sistema fuq il-gżira kienet tirrikjedi miżuri addizzjonali jew kienet timplika spejjeż ogħla b’mod sinifikanti fuq gżira meta mqabbla mal-kontinent. Għalhekk, “operazzjoni” ma tistax tinftiehem b’mod strett, bħal li tirrikjedi li mingħajr id-deroga, it-tħaddim sigur tas-sistema ma jkunx possibbli. Minflok, “problemi” dejjem tqiesu li jinkludu wkoll problemi soċjoekonomiċi għall-utenti tas-sistema inkwistjoni (11). |
|
(38) |
Barra minn hekk, il-problemi inkwistjoni jeħtieġ iseħħu għat-tħaddim tas-sistema. Għalhekk jidher diffiċli li wieħed jimmaġina ġustifikazzjoni li tkun ibbażata esklussivament fuq impatti li jseħħu barra mis-sistema, eż. impatti fuq skemi nazzjonali ta’ sussidju. Dan ma jeskludix ir-rilevanza tal-impatti “indiretti” pereżempju fuq it-tħaddim sikur tas-sistema. |
5.2.2. Is-sistema KF bħala l-ewwel waħda tat-tip tagħha
|
(39) |
Is-sistema KF hi l-ewwel sistema tat-tip tagħha li tikkombina kejbils ta’ konnessjoni bejn sistemi fuq l-art u parks eoliċi lil hinn mill-kosta li jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti, kejbil li jgħaqqad dawk il-parks eoliċi lil hinn mill-kosta li b’hekk jippermetti l-kummerċ tal-elettriku bejn iż-żewġ sistemi fuq l-art, stazzjon konvertitur back-to-back bejn żewġ żoni sinkroniċi differenti, żewġ livelli differenti ta’ vultaġġ konnessi permezz ta’ transformer lil hinn mill-kosta, u l-MIO (bis-superviżjoni tal-operaturi miż-żewġ TSOs) li jikkontrolla b’mod awtonomu l-elementi differenti tas-sistema, li jiskatta l-iskambju kumpensatorju jew it-tnaqqis meta jkun meħtieġ u jistabbilixxi l-valuri tal-valur programmat tal-konvertitur back-to-back. |
|
(40) |
L-istabbiliment tal-ewwel sistema bħal din hu kompitu kumpless u kien soġġett għal sfidi sinifikanti. Fid-dawl tal-kumplessità għolja tal-proġett, iż-żmien mill-ippjanar tal-proġett sar-realizzazzjoni finali kien twil ħafna. |
|
(41) |
Meta fl-2010, ġie ffirmat ftehim ta’ għotja bejn il-Kummissjoni u t-TSOs li kkontribwixxa EUR 150 miljun f’fondi tal-UE għall-proġett KF, il-ftehim ipprovda li l-bidu tal-operat tas-sistema KF kien ippjanat għal Ġunju 2016. |
|
(42) |
Madankollu, l-ewwel natura tagħha ġabet magħha l-ħtieġa li tinbidel il-konfigurazzjoni tas-sistema f’nofs il-proġett. Inizjalment kien ippjanat li jintużaw kejbils HVDC iżda, peress li l-pjattaforma HVDC pjanata lil hinn mill-kosta saret madwar 250 % aktar għalja milli kien mistenni (12), is-sistema kellha tiġi ddisinjata mill-ġdid bl-użu ta’ kejbils AC lil hinn mill-kosta. F’Settembru 2015 ġie ffirmat ftehim ta’ għotja rivedut. |
|
(43) |
Din l-istruttura riveduta wasslet għal tnaqqis sinifikanti tal-kapaċità tat-trażmissjoni addizzjonali għal dak li hu meħtieġ għat-trażmissjoni tar-riħ ġenerat mill-parks eoliċi lil hinn mill-kosta lejn ix-xatt. Dan jista’ jintwera billi jitqabblu żewġ eżempji dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni mogħtija fi preżentazzjonijiet differenti minn Energinet.dk lill-Kummissjoni, fl-14 ta’ Novembru 2012 u fit-3 ta’ Settembru 2014 rispettivament:
|
|
(44) |
Dawn l-eżempji juru li, jekk wieħed jassumi l-istess produzzjoni tar-riħ fiż-żewġ xenarji, il-kapaċità tas-sistema KF imqiegħda għad-dispożizzjoni tas-suq għall-kummerċ lejn il-Ġermanja kienet ta’ 830 MW fil-proġett tal-2012 u 230 MW fil-proġett tal-2014. Madankollu, ta’ min jinnota li d-differenza effettiva bejn iż-żewġ strutturi tal-proġetti tiddependi ħafna mis-sitwazzjoni tar-riħ (13). |
|
(45) |
Din il-bidla sinifikanti fid-disinn tal-proġetti turi l-isfida partikolari ta’ dan il-proġett. Id-disinn il-ġdid juża kejbils AC itwal mis-soltu, b’tul totali tal-konnessjoni AC ta’ aktar minn 200 km, tul li fih normalment tintuża t-teknoloġija DC (kif ippjanat inizjalment). Dan joħloq sfidi għall-istabbiltà tal-vultaġġ fis-sistema tal-KF. Biex tiġi indirizzata din l-isfida, il-kunċett ta’ MIO ġie żviluppat biex jimmonitorja u jikkontrolla l-assi tal-KF u jirreaġixxi (b’mod awtonomu iżda taħt is-superviżjoni tal-operaturi tat-TSOs) kif meħtieġ. |
|
(46) |
Ir-reazzjonijiet tal-MIO jinkludu l-akkwist tal-volumi meħtieġa ta’ skambju kumpensatorju f’każ li sseħħ konġestjoni. F’sitwazzjonijiet ta’ riħ qawwi, il-produzzjoni mill-parks eoliċi lil hinn mill-kosta diġà timla sehem kbir ħafna tal-kejbils. Jekk ikunu meħtieġa volumi ta’ kummerċ minimi għoljin f’dawn is-sitwazzjonijiet, ikun hemm volumi kbar ta’ skambju kumpensatorju aktar ta’ spiss. |
|
(47) |
Pereżempju: F’sitwazzjonijiet meta l-prezz fiż-żona DE/LU jkun ogħla mill-prezz fiż-żona DK2, il-kejbil ta’ konnessjoni bejn il-parks eoliċi Ġermaniżi u x-xatt Ġermaniż ikun ikkonġestjonat u l-iżgurar ta’ volum minimu ta’ kummerċ fuq dan il-kejbil ikun jirrikjedi skambju kumpensatorju fid-direzzjoni DE/LU lejn DK. Jekk, f’din is-sitwazzjoni, mill-inqas 70 % tal-kapaċità ta’ 400 MW (għalhekk 280 MW) tkun teħtieġ li tkun disponibbli għall-kummerċ, din il-kapaċità tintuża għall-fluss tal-elettriku miż-żona DK 2 (forsi mill-ġenerazzjoni tar-riħ fid-Danimarka jew pajjiżi Skandinavi oħra) għaż-żona DE/LU. Madankollu, iż-żieda tal-280 MW u tar-riħ mill-parks eoliċi Baltic 1 u Baltic 2, li jinsabu fiż-żona tal-offerti DE/LU, taqbeż il-kapaċità tal-kejbil ta’ konnessjoni bejn dawk il-parks eoliċi u x-xatt Ġermaniż. |
|
(48) |
Għalhekk, biex din il-kapaċità ssir disponibbli, jew il-produzzjoni mill-parks eoliċi tkun teħtieġ li titnaqqas (tnaqqis/dispaċċ mill-ġdid ’l isfel) jew inkella l-operaturi tas-sistema jkollhom jinvolvu ruħhom f’negozju kumpensatorju (negozjar tal-elettriku miż-żona DE/LU lejn iż-żona DK2). Iż-żewġ approċċi jnaqqsu l-fluss fiżiku fuq il-kejbil u jipprevjenu t-tagħbija żejda. Madankollu, kif stabbilit ukoll fl-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-Elettriku, id-dispaċċ mill-ġdid ’l isfel tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mhux ibbażat fuq is-suq għandu jintuża biss meta ma tkun disponibbli l-ebda alternattiva oħra. Barra minn hekk, tnaqqis sinifikanti tas-sigħat ta’ tħaddim tal-assi tal-ġenerazzjoni rinnovabbli jista’ jħalli impatt negattiv fuq il-każ tan-negozju tagħhom jew fuq l-għanijiet tal-programm ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Għalhekk, l-MIO hu stabbilit biex inaqqas l-output tal-parks eoliċi biss bħala l-aħħar għażla, u biex l-ewwel jindirizza l-konġestjoni permezz ta’ skambju kumpensatorju. |
|
(49) |
Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(8) iżżid l-ammont ta’ skambju kumpensatorju meħtieġ. Dan, mingħajr dubju, iżid il-kumplessità taż-żamma ta’ operazzjonijiet stabbli tas-sistema KF, peress li jkunu meħtieġa interventi aktar frekwenti mill-MIO u jkun hemm bżonn li volumi ogħla ta’ kummerċ jiġu ttrattati b’mod awtonomu mill-MIO. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma jidhirx li din iż-żieda fil-kumplessità tista’ titfa’ dubju fuq is-sigurtà operattiva tas-sistema KF innifisha, u b’hekk tiġġustifika deroga waħedha. |
|
(50) |
Madankollu, f’dan ir-rigward, hu importanti li jiġi enfasizzat li r-Regolament dwar l-Elettriku jirrikonoxxi b’mod espliċitu l-isfidi partikolari tal-proġetti innovattivi b’mod ġenerali u tal-assi ibridi li jikkombinaw l-interkonnessjoni u l-konnessjonijiet fuq l-art b’mod partikolari. |
|
(51) |
L-Artikolu 3 punt (l) tar-Regolament dwar l-Elettriku jipprevedi li “r-regoli tas-suq għandhom jippermettu l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni f’sorsi, teknoloġiji jew sistemi tal-enerġija sostenibbli, siguri u b’livell baxx ta’ karbonju li għandhom jitwettqu u jintużaw għall-benefiċċju tas-soċjetà”. Għalhekk, il-qafas leġiżlattiv għandu l-għan li jiffaċilita proġetti ta’ dimostrazzjoni. L-Artikolu 2(24) tar-Regolament dwar l-Elettriku jiddefinixxi proġett ta’ dimostrazzjoni bħala “proġett li juri teknoloġija bħala l-ewwel waħda tat-tip tagħha fl-Unjoni u li tirrappreżenta innovazzjoni sinifikanti li tmur lil hinn mill-aktar teknoloġija avvanzata”. Dan hu b’mod ċar il-każ għal KF, li huwa l-ewwel proġett bħal dan u, kif muri wkoll mill-isfidi sinifikanti biex dan jiġi stabbilit, kien jeħtieġ innovazzjoni sinifikanti li tmur ferm lil hinn mill-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. |
|
(52) |
Barra minn hekk, il-premessa 66 tar-Regolament tistabbilixxi li “infrastruttura tal-elettriku fil-baħar b’funzjonalità doppja (l-hekk imsejħa “assi ibridi fil-baħar”) li tikkombina t-trasport tal-enerġija mir-riħ fil-baħar lejn ix-xatt u l-interkonnetturi, jenħtieġ li tkun eliġibbli wkoll għal eżenzjoni bħal pereżempju fil-qafas tar-regoli applikabbli għal interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett” kif ukoll, meta l-ispejjeż tal-proġett ikunu partikolarment għoljin, għal interkonnetturi b’kurrent alternat. Kriegers Flak hi ferm aktar kumplessa mill-proġett medju ta’ interkonnettur b’kurrent alternat, u għalhekk fil-prinċipju kienet tkun eliġibbli għal eżenzjoni skont l-Artikolu 63. Meta jkun meħtieġ, il-qafas regolatorju jenħtieġ iqis kif xieraq is-sitwazzjoni speċifika ta’ dawk l-assi biex jingħelbu l-ostakli għar-realizzazzjoni ta’ assi ibridi lil hinn mill-kosta kosteffiċjenti mil-lat tas-soċjetà.” Filwaqt li din il-premessa ssemmi b’mod espliċitu eżenzjonijiet għal interkonnetturi ġodda, u b’hekk tirreferi għall-Artikolu 63, l-użu ta’ “bħal pereżempju” juri li din mhijiex l-unika triq lejn oqfsa speċifiċi għall-assi ibridi li l-premessa trid tenfasizza. Billi KF hi l-ewwel assi ibridu, hu ċar li l-leġiżlaturi kienu konxji minn dan il-proġett meta fasslu l-premessa 66 u kkunsidraw il-possibbiltà li l-proġett jista’ jirrikjedi qafas regolatorju speċifiku. |
|
(53) |
Filwaqt li premessa ma tistax tbiddel ir-rekwiżiti legali skont ir-Regolament għall-għoti ta’ oqfsa speċifiċi permezz ta’ derogi jew eżenzjonijiet, u l-Artikolu 3 punt (l) ma jistabbilixxi l-ebda rekwiżit speċifiku dwar kif l-oqfsa regolatorji għandhom jittrattaw proġetti ta’ dimostrazzjoni, it-tnejn li huma flimkien juru r-rieda tal-leġiżlatur li l-Kummissjoni tieħu nota partikolari tas-sitwazzjoni u l-isfidi speċifiċi għall-assi ibridi u l-proġetti ta’ dimostrazzjoni. |
|
(54) |
F’dan l-isfond, KF bħala proġett ta’ dimostrazzjoni qed jiffaċċja kumplessità akbar. Il-firxa ta’ din il-kumplessità għadha ma tistax tintwera b’mod sħiħ għax dan il-proġett hu l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu. Dan jista’ jkun biżżejjed biex jikkwalifika bħala problemi skont l-Artikolu 64. Madankollu, din il-kwistjoni tista’ titħalla miftuħa jekk raġunijiet oħra għal deroga jkunu biżżejjed, waħedhom jew flimkien mal-operazzjoni kumplessa deskritta hawn fuq u l-istabbiliment tas-sistema KF bħala l-ewwel waħda tat-tip tagħha ta’ assi ibridu. |
5.2.3. Operazzjoni sigura taż-żona DK 2
|
(55) |
Minbarra ż-żieda fil-kumplessità tal-operat tas-sistema KF, iż-żieda fl-ammont ta’ skambju kumpensatorju jkollha wkoll impatti fuq żoni tal-offerti ġirien. Filwaqt li ż-żona DE/LU hija żona kbira, iż-żona DK2 hi konsiderevolment iżgħar. Dan jirriżulta f’disponibbiltà aktar limitata tar-riżorsi għal regolamentazzjoni ’l fuq u ’l isfel. L-applikazzjoni għal deroga targumenta li dawk ir-riżorsi jistgħu jintużaw bis-sħiħ diġà permezz ta’ skambju kumpensatorju għas-sistema KF. |
|
(56) |
Jista’ jkun hemm mistoqsijiet dwar jekk dan in-nuqqas ta’ disponibbiltà teknika ta’ riżorsi ta’ skambju kumpensatorju jkunx frekwenti, peress li l-iskambju kumpensatorju normalment iseħħ f’sitwazzjonijiet ta’ riħ qawwi meta għadd kbir ta’ assi tal-ġenerazzjoni eolika jkunu qed jipproduċu fiż-żona DK2, iżda minħabba l-firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet possibbli tan-network, dan ma jistax jiġi eskluż kompletament. |
|
(57) |
Madankollu, KF għandha wkoll mezzi oħra għad-dispożizzjoni tagħha biex timmaniġġa l-konġestjoni fin-network tagħha. Pereżempju, f’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ riżorsi ta’ skambju kumpensatorju, il-faċilità KF xorta tista’ tiġi operata b’mod sikur jekk jitnaqqas l-output tal-parks eoliċi li huma parti mis-sistema KF innifisha. Dan hu, meta jkun meħtieġ biex tiġi żgurata s-sigurtà operazzjonali, permess b’mod espliċitu mill-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-Elettriku. |
|
(58) |
Barra minn hekk, ta’ min jinnota li ż-żidiet fl-ispejjeż tas-sistema waħedhom, sew jekk minħabba żieda fl-ispejjeż ta’ skambju kumpensatorju jew żieda fl-ispejjeż fl-akkwist ta’ riżervi għaż-żona DK2, ma jistgħux bħala tali jipprovdu bażi għal derogi skont l-Artikolu 64. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota wkoll li fid-Deċiżjoni reċenti dwar l-Impenji fil-Każ AT.40461 L-Interkonnettur DE/DK, li eżaminat il-limitazzjonijiet sistematiċi għall-kapaċitajiet transfruntiera skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż żejda li jirriżultaw minn żieda fil-ħtiġijiet ta’ skambju kumpensatorju jew ta’ dispaċċ mill-ġdid ma setgħux jiġu aċċettati bħala ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni tal-flussi transfruntiera (14). |
5.2.4. Aspettattivi leġittimi
|
(59) |
Fl-aħħar nett, it-talba għal deroga tistabbilixxi li l-ewwel diskussjonijiet dwar il-proġett KF kienu diġà bdew fl-2007, u li l-proġett minn dejjem kien ippjanat abbażi ta’ approċċ speċifiku għall-ġestjoni tal-konġestjoni, li jalloka biss dawk il-kapaċitajiet lis-suq li jibqgħu wara li jitnaqqsu l-previżjonijiet tar-riħ fl-istadju ta’ ġurnata bil-quddiem. |
|
(60) |
It-talba tistabbilixxi wkoll li ilhom iseħħu bidliet sinifikanti fil-qafas regolatorju mill-2007 ’l hawn, u li b’mod partikolari r-Regolament dwar l-Elettriku, bl-introduzzjoni tal-Artikolu 16(8), kien stabbilixxa rekwiżiti ġodda meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni eżistenti. It-talba għal deroga targumenta li d-deċiżjoni ta’ investiment tal-2016 ittieħdet fuq is-suppożizzjoni li l-parks eoliċi lil hinn mill-kosta jistgħu jibbenefikaw mill-prinċipju tad-dispaċċ ta’ prijorità, abbażi tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), u li b’konsegwenza dan ippreveda li l-kapaċità għan-negozju transfruntier tista’ titnaqqas. |
|
(61) |
Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza f’dan l-isfond li l-prinċipju tal-massimizzazzjoni tal-kapaċità transfruntiera mhux kunċett ġdid u għalhekk dawk l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. L-ewwel nett, dan hu bbażat fuq il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza u l-Artikolu 35 tat-TFUE, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet u l-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti. It-tieni, l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) impona l-obbligu li tiġi mmassimizzata l-kapaċità tal-interkonnessjoni, li jirrikjedi li “il-kapaċità massima tal-interkonnessjonijiet u/jew tan-networks ta’ trażmissjoni li jaffettwaw flussi transfruntieri għandhom ikunu magħmula għall-parteċipanti fis-suq, u jikkonformaw mal-istandards ta’ sigurtà ta’ operaturi ta’ networks bla periklu”. Barra minn hekk, l-Anness 1.7 ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi li t-TSOs “ma jistgħux jillimitaw il-kapaċità ta’ interkonnessjoni sabiex tissolva l-konġestjoni ġoż-żona ta’ kontroll tagħhom stess”. Barra minn hekk, fl-14 ta’ April 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet fil-Każ AT.39351 Interkonnetturi Żvediżi (17) li taċċetta impenji mit-TSO Żvediż talli, abbażi tal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq Żvediż billi llimita l-kapaċità transfruntiera biex isolvi l-konġestjoni interna, bi ksur tal-Artikolu 102 tat-TFUE. Konklużjoni preliminari simili li rriżultat f’impenji ġiet stabbilita fil-Każ AT.40461 L-Interkonnettur DE/DK (18) għall-fruntiera bejn il-Punent tad-Danimarka (DK1) u ż-żona Ġermaniża/Lussemburgiża. |
|
(62) |
Abbażi tal-prinċipji deskritti hawn fuq, l-operaturi tas-suq kellhom ikunu konxji tal-prinċipju tal-massimizzazzjoni tal-kapaċità transfruntiera. Fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard minn April 2010, abbażi tal-Każ AT.39351 L-Interkonnetturi Żvediżi, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tar-regoli eżistenti relatati mal-kapaċità transfruntiera saret ċara. Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa allegat fit-talba għal deroga, il-Punt 1.7 tal-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 lanqas ma ppermetta ad infinitum li titnaqqas il-kapaċità transżonali għal raġunijiet ta’ sigurtà operazzjonali, kosteffettività jew il-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi fuq is-suq intern tal-elettriku. Minflok, fejn din il-limitazzjoni setgħet ġiet permessa b’mod eċċezzjonali, din kienet b’mod ċar “ittollerata biss sakemm tinstab soluzzjoni fit-tul”. Għalhekk, hu ċar li l-ħolqien ta’ sistema sħiħa li tiddependi minn tnaqqis permanenti ma kienx permess skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009. |
|
(63) |
Madankollu, ir-relazzjoni bejn l-obbligu li tiġi mmassimizzata l-kapaċità transfruntiera skont ir-Regolament dwar l-Elettriku u l-għoti ta’ dispaċċ ta’ prijorità u l-aċċess ta’ prijorità għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli skont id-Direttiva 2009/28/KE tqieset mill-inqas minn xi parteċipanti fis-suq bħala mhux kompletament ċara u l-applikanti jindikaw li din il-kwistjoni tqajmet ripetutament mill-promoturi tal-proġetti fil-kuntatti tagħhom mal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ dan l-ewwel proġett partikolari tat-tip tiegħu. It-TSOs li jaħdmu fuq il-proġett KF ukoll ma injorawx sempliċiment l-isfida possibbli għall-approċċ maħsub tagħhom dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni. Minflok, dawn ripetutament ippreżentaw l-approċċ ippjanat tagħhom lis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-fehma tal-applikant, il-fatt li mill-2010 ’l hawn is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea f’diversi kuntatti mal-promoturi tal-proġetti ma talbux li jibdlu l-istruttura tal-proġett KF b’mod li jkun żgurat li l-prinċipju ta’ massimizzazzjoni jiġi applikat, ikkontribwixxa għall-konfużjoni tal-promotur tal-proġett dwar ir-regoli applikabbli għal dan il-proġett. |
|
(64) |
L-applikazzjoni għal għotja tal-2010 għall-proġett KF (19) stabbilixxiet li kien hemm bżonn tinstab “interpretazzjoni korretta ta’ feed-in prijoritarju” biex tkun żgurata l-vijabbiltà tal-proġett. L-istudju ta’ fattibbiltà konġunt, li ġie ppreżentat lis-servizzi tal-Kummissjoni, iddikjara li “s-suppożizzjoni bażika hi li l-kapaċità fl-interkonnessjonijiet mhux mistennija li tkun meħtieġa għat-trasport tal-enerġija mir-riħ tista’ ssir disponibbli għas-suq spot”. Il-kapaċità tat-trażmissjoni addizzjonali mistennija għall-kummerċ kienet għalhekk biss il-kapaċità li jifdal wara t-trasport tal-produzzjoni tar-riħ lil hinn mill-kosta lejn ix-xatt. |
|
(65) |
L-istudju ddikjara wkoll li “Abbażi tad-Direttiva 2009/28/KE, il-pajjiżi kollha għandhom aċċess ta’ prijorità għall-grilja għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali Ġermaniża titlob li t-turbini eoliċi f’kull ħin ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-grilja nazzjonali ta’ trażmissjoni Ġermaniża. Madankollu, fil-każ ta’ kapaċità ta’ trażmissjoni insuffiċjenti, ir-rekwiżiti formali għall-aċċess għall-grilja jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ skambju kumpensatorju jew miżuri tas-suq ta’ bbilanċjar.” Għalhekk, kemm il-kwistjoni tal-ġestjoni tal-konġestjoni kif ukoll is-soluzzjoni possibbli permezz tal-iskambju kumpensatorju kienu diġà qed jiġu diskussi. |
|
(66) |
Madankollu, l-approċċ għall-ġestjoni tal-konġestjoni baqa’ jiġi diskuss, inkluż mas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. Fi preżentazzjonijiet simili ħafna fl-14 ta’ Novembru 2012 u (abbażi tal-pjan rivedut tal-proġett) fit-3 ta’ Settembru 2014, Energinet.DK, it-TSO stabbilew b’mod espliċitu li “l-mudell għall-ġestjoni tal-konġestjoni hu parti essenzjali mill-bażi għad-deċiżjoni ta’ investiment”. Iż-żewġ preżentazzjonijiet qajmu b’mod espliċitu l-interpretazzjonijiet konfliġġenti possibbli tal-aċċess ta’ prijorità abbażi tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/28/KE minn naħa waħda u l-prinċipju tal-massimizzazzjoni skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 min-naħa l-oħra. |
|
(67) |
Filwaqt li jiddeskrivu b’mod ċar il-mod li bih it-TSOs kellhom l-intenzjoni li jsolvu dan il-kunflitt għall-proġett KF, il-preżentazzjonijiet deskrivew li “l-kapaċità għall-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ għall-grilja fuq l-art se tkun riżervata abbażi tal-previżjoni ta’ ġurnata bil-quddiem” u li “l-kapaċità li jifdal għandha tingħata lill-akkoppjament tas-suq [biex b’hekk tiġi definita l-kapaċità disponibbli għall-kummerċ] u tintuża bl-istess mod bħall-kapaċità fuq interkonnetturi oħra”. Filwaqt li l-preżentazzjoni tal-2014 ma enfasizzatx (bil-miktub) il-kapaċità mnaqqsa għas-suq meta mqabbla mal-pjan ta’ proġett preċedenti, din lanqas ma ġiet moħbija. Għall-kuntrarju, iż-żewġ preżentazzjonijiet isegwu l-istess struttura eżatta u, jekk isiru ħdejn xulxin, juru b’mod ċar id-differenza. |
|
(68) |
Għalhekk, mill-2010, l-importanza tal-approċċ għall-ġestjoni tal-konġestjoni ġiet ripetutament stabbilita f’laqgħat mar-regolaturi nazzjonali u s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li ġie enfasizzat li rekwiżiti legali differenti mil-leġiżlazzjoni sekondarja jistgħu jitqiesu bħala kontradittorji. Mill-inqas il-preżentazzjonijiet li saru aktar tard jistabbilixxu wkoll b’mod ċar l-approċċ ippjanat li l-partijiet tal-proġett beħsiebhom iħaddmu biex isolvu din il-kwistjoni, u l-impatt li dan iħalli fuq il-kapaċità transfruntiera. Matul dawk is-snin, l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni komplew jappoġġaw il-proġett, inkluż b’kontribuzzjonijiet finanzjarji sinifikanti, mingħajr ma talbu bidliet fl-istruttura tal-proġett. |
|
(69) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-kunċett propost ġie diskuss b’mod estensiv mal-awtoritajiet nazzjonali konċernati, u li l-ebda wieħed mir-regolaturi nazzjonali involuti ma qajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tal-kunċett ta’ ġestjoni tal-konġestjoni previst. Għall-kuntrarju, il-kunċett ġie approvat mir-regolaturi kollha tar-reġjun “Hansa” konċernat fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tal-kapaċità tar-Reġjun ta’ Hansa. |
|
(70) |
Naturalment, is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni matul għadd ta’ snin ma qajmux tħassib legali fir-rigward ta’ proġett bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala ġustifikazzjoni għall-għoti ta’ deroga għall-proġett. Barra minn hekk, kif enfasizzat ukoll minn tweġiba għall-konsultazzjoni, ċerti bidliet fi (jew kjarifiki għal) rekwiżiti regolatorji huma mistennija għal proġetti b’perjodi ta’ implimentazzjoni twal ħafna. Madankollu, minħabba l-kumplessità tas-suġġett u d-diskussjonijiet estensivi dwar il-qafas regolatorju, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li l-partijiet tal-proġett setgħu raġonevolment assumew li setgħu jkomplu bil-proġett kif ippjanat. Dan hu rikonoxxut ukoll minn diversi sottomissjonijiet lill-Kummissjoni, inkluż dawk li jaraw id-deroga pjuttost b’mod kritiku. Barra minn hekk, kieku r-regolaturi nazzjonali, il-ministeri jew il-Kummissjoni qajmu oġġezzjonijiet, il-proġett seta’ possibbilment jiġi adattat qabel il-bidu tal-operat tiegħu, eż. billi tiżdied il-kapaċità ta’ konnessjoni fuq l-art biex jiġu akkomodati flussi akbar għall-kummerċ (kif kien ippjanat inizjalment iżda mbagħad waqa’ meta l-proġett ġie emendat). |
|
(71) |
Ir-raġuni li l-ġestjoni tal-konġestjoni ssemmiet bħala parti essenzjali għad-deċiżjoni ta’ investiment kienet li d-deċiżjoni ta’ investiment kellha tqis l-interessi tal-partijiet kollha involuti. Dan inkluda r-rwol tal-faċilitajiet tar-riħ lil hinn mill-kosta, li rċevew sussidji permezz ta’ sistemi ta’ appoġġ nazzjonali differenti. Hu ċar li jekk kellha tingħata kapaċità massima għall-kummerċ, dan jirriżulta fi probabbiltà akbar li l-faċilitajiet tar-riħ lil hinn mill-kosta jitnaqqsu. |
|
(72) |
Naturalment, sa fejn it-tnaqqis mhuwiex ibbażat fis-suq, l-Artikolu 13(7) jintitola lil dawk il-faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni għal kumpens finanzjarju sħiħ ta’ dħul mitluf minn skemi ta’ appoġġ u fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem. Meta d-dħul mitluf jista’ jkun ogħla minn dan (eż. mis-suq tal-istess ġurnata jew mis-servizzi tas-sistema), ir-Regolament ma jistabbilixxi l-ebda obbligu għal kumpens (għalkemm din l-obbligu jista’ jirriżulta mil-liġi nazzjonali). Fi kwalunkwe każ, żieda sinifikanti fit-tnaqqis ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta tbiddel b’mod konsiderevoli s-suppożizzjonijiet bażiċi tal-proġett, li kellu l-għan li jżid l-alternattivi għall-parks eoliċi lil hinn mill-kosta biex jittrasportaw l-elettriku lejn ix-xatt, iżid l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku liż-żona DK 2, u jżid il-kapaċità għan-negozju, iżda mingħajr ma jbiddel b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni tal-parks eoliċi eżistenti lil hinn mill-kosta jew il-prijorità mogħtija lill-alimentazzjoni tagħhom skont l-oqfsa nazzjonali rispettivi. Li kieku l-partijiet tal-proġett kienu jafu li kien hemm bżonn li l-kapaċità massima tkun disponibbli għan-negozju minkejja d-drittijiet ta’ aċċess ta’ prijorità għall-parks eoliċi, il-proġett seta’ għalhekk qatt ma twettaq. |
|
(73) |
Fl-isfond ta’ kuntatti regolari mar-regolaturi nazzjonali, mal-ministeri u mal-Kummissjoni li jispjegaw l-approċċ ippjanat, huwa plawżibbli li l-partijiet tal-proġett setgħu fehmu ħażin is-sitwazzjoni legali. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, u fid-dawl tal-attenzjoni speċifika li għandha tingħata lill-isfidi li qed jiffaċċja dan il-proġett ta’ dimostrazzjoni partikolari għal assi ibridi, l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti legali li jkunu jirrikjedu bidliet kbar fil-prinċipji fundamentali tal-proġett u li, kieku kienu ċari aktar kmieni, setgħu jwaqqfu l-proġett milli jitwettaq jew jibdlu l-elementi fundamentali tal-proġett, tista’ tabilħaqq titqies bħala li toħloq problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema żgħira konnessa. |
|
(74) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku għas-sistema KF toħloq problemi sostanzjali għat-tħaddim ta’ sistema żgħira konnessa. |
5.3. Kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga
|
(75) |
Id-deroga tapplika għall-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fuq l-interkonnessjoni KF, b’deroga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku sa fejn tistabbilixxi limitu minimu ta’ 70 % tal-kapaċità tat-trażmissjoni totali tal-interkonnessjoni KF. Minflok, l-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku għandu japplika sa fejn mill-inqas 70 % tal-kapaċità residwa għandha tkun disponibbli, jiġifieri mill-inqas 70 % tal-kapaċità li jifdal wara t-tnaqqis ta’ dak meħtieġ għat-trasport tal-produzzjoni mill-parks eoliċi Baltic 1, Baltku 2 u Kriegers Flak għas-sistemi fuq l-art rispettivi tagħhom, abbażi tat-tbassir ta’ kuljum tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn dawk il-parks. |
|
(76) |
Fejn dispożizzjonijiet oħra jirreferu għal-“limitu minimu” kif stabbilit fl-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku, dan għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal-limitu minimu kif stabbilit f’din id-deċiżjoni. Dan japplika wkoll għall-kodiċijiet tan-network tal-elettriku u l-linji gwida inklużi s-CACM, l-FCA u l-EB, kif ukoll għat-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodoloġiji bbażati fuq dawk ir-Regolamenti tal-Kummissjoni. |
|
(77) |
Ir-rekwiżiti l-oħra kollha tal-Artikolu 16 tar-Regolament dwar l-Elettriku, b’mod partikolari r-rekwiżit li jitqiegħed għad-dispożizzjoni l-livell massimu ta’ kapaċità ta’ interkonnessjonijiet li jikkonformaw mal-istandards tas-sikurezza tat-tħaddim tan-network sigur, għandhom jibqgħu applikabbli. |
5.4. L-ebda xkiel għat-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà u rispons għad-domanda
|
(78) |
L-Artikolu 64 tar-Regolament dwar l-Elettriku jistabbilixxi li d-deċiżjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà u rispons tad-domanda. |
|
(79) |
Id-deċiżjoni tad-deroga għandha l-għan li tippermetti l-ewwel proġett ta’ dimostrazzjoni tat-tip tiegħu li għandu l-għan li jintegra aħjar l-enerġiji rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. Għalhekk, din ma tfixkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġiji rinnovabbli. Lanqas ma għandha impatt notevoli fuq l-elettromobbiltà jew ir-rispons tad-domanda. |
|
(80) |
Fir-rigward taż-żieda fil-flessibbiltà u l-ħżin tal-enerġija, hu importanti li wieħed jinnota li l-possibbiltà għal servizzi ta’ flessibbiltà (inkluż il-ħżin) biex jappoġġaw is-sistema elettrika tiddependi direttament fuq il-provvista ta’ investiment preċiż u ċar u li jintbagħtu sinjali lil dawk il-fornituri tas-servizzi. Meta tkun teżisti konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti, dan jirriżulta f’sinjali ta’ investiment distorti għal servizzi ta’ flessibbiltà speċifiċi għall-post. Bħala eżempju, l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-idroġenu jew il-ħżin tal-batteriji ġewwa s-sistema tal-KF jista’ jkun aktar vijabbli f’qafas regolatorju li jirrifletti b’mod korrett il-konġestjoni bejn is-sistema tal-KF u ż-żewġ sistemi fuq l-art. Fid-dawl tal-isfidi teknoloġiċi sinifikanti tal-investimenti lil hinn mill-kosta, dan ma jfissirx awtomatikament li dawn l-investimenti jkunu vijabbli fil-każ ta’ żona tal-offerti lil hinn mill-kosta separata għas-sistema KF, iżda hu ċar li l-approċċ skont id-deċiżjoni tad-deroga jista’ jkollu impatt negattiv fuq tali potenzjali ta’ investiment meta mqabbel mal-istabbiliment ta’ żona tal-offerti lil hinn mill-kosta. |
|
(81) |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 64 tar-Regolament dwar l-Elettriku ma jirrikjedix deċiżjonijiet ta’ deroga biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal għall-flessibbiltà jew għall-ħżin tal-enerġija, iżda biss biex “ikun hemm l-għan li jiġi żgurat li d-deroga ma xxekklux”. Fi kliem ieħor, id-deroga ma għandhiex tipprevjeni żviluppi li, mingħajr id-deroga, iseħħu b’mod naturali. Madankollu, mhux ċert jekk is-sistema KF, fin-nuqqas ta’ deroga, tkunx operata bħala żona tal-offerti lil hinn mill-kosta separata. Kif enfasizzat ukoll minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni, żona tal-offerti lil hinn mill-kosta jista’ jkollha vantaġġi sinifikanti għall-funzjonament tas-suq, it-trasparenza, u l-użu effiċjenti tal-assi tan-network, iżda ġġib magħha wkoll ċerti kumplessitajiet eż. fid-distribuzzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji. Mingħajr ma tiġi stabbilita żona tal-offerti lil hinn mill-kosta, mhuwiex ċar jekk l-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku tkunx, fil-kuntest tal-proġett KF, tipprovdi minnha nnifisha sinjali ta’ investiment aktar preċiżi għal servizzi ta’ flessibbiltà jew ħżin. |
|
(82) |
Għalhekk, filwaqt li d-deroga ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn flessibbiltà akbar inkluż il-ħżin tal-enerġija, hu importanti li titqies il-ħtieġa li jkun hemm sinjali ta’ investiment xierqa u l-impatt tagħha fuq il-ħżin possibbli jew investimenti oħra ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet tad-deroga. |
5.5. Limitazzjoni tad-deroga fiż-żmien u l-kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku
|
(83) |
L-Artikolu 64 tar-Regolament dwar l-Elettriku jistipula b’mod espliċitu li d-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien u li għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku. |
5.5.1. Limitazzjoni fiż-żmien
|
(84) |
Għalhekk, limitazzjoni taż-żmien tista’ ma tkunx ġustifikata biss mill-prinċipju tal-proporzjonalità, eż. jekk deroga iqsar tista’ tindirizza l-problemi involuti jew jekk deroga itwal twassal għal piż sproporzjonat għall-parteċipanti fis-suq. Ir-Regolament jipprevedi limitazzjoni obbligatorja għal diversi skopijiet. L-ewwel u qabel kollox, ir-Regolament jassumi li l-qafas regolatorju ġenerali jista’ jiġi applikat għas-sitwazzjonijiet kollha fis-suq intern, u li din l-applikazzjoni ġenerali hi ta’ benefiċċju għas-soċjetà. Filwaqt li l-Artikolu 64 jirrikonoxxi li jistgħu jkunu meħtieġa derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi, dawn id-derogi huma suxxettibbli li jżidu l-kumplessità tas-sistema ġenerali, u jistgħu jkunu ostakli għall-integrazzjoni anke f’żoni ġirien. Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni tad-deroga hi ġeneralment ibbażata fuq il-qafas tekniku u regolatorju ta’ dak iż-żmien, u fuq topoloġija partikolari tan-network. Dawn is-sitwazzjonijiet kollha huma marbuta li jinbidlu. Fl-aħħar nett, hu importanti għall-parteċipanti fis-suq li jkunu jistgħu jbassru bidliet regolatorji biżżejjed minn qabel. Għalhekk, id-derogi kollha jeħtieġ ikunu limitati fiż-żmien. |
|
(85) |
L-unika sitwazzjoni meta r-Regolament jipprevedi possibbiltajiet ta’ deroga ġenerali mingħajr limitazzjonijiet taż-żmien tikkonċerna r-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-TFUE li ma jistgħux jiġu interkonnessi mas-suq tal-enerġija tal-Unjoni għal raġunijiet fiżiċi evidenti. Dan jista’ jinftiehem faċilment peress li dawk ir-reġjuni ma għandhom l-ebda impatt fuq is-suq intern tal-elettriku. Billi KF mhux reġjun ultraperiferiku, għalhekk jeħtieġ ikun hemm limitazzjoni ċara u prevedibbli fiż-żmien tad-deroga. |
|
(86) |
It-talba għal deroga tipproponi limitazzjoni fiż-żmien ibbażata fuq l-operat u l-konnessjoni tat-tliet parks eoliċi lil hinn mill-kosta. Għalhekk, il-formulazzjoni ma tidhirx mingħajr limitu fiż-żmien. Madankollu, din il-kundizzjoni mhijiex preċiża biżżejjed dwar dak li għadu jikkostitwixxi “operazzjoni” tal-parks eoliċi inizjali, u ma tippermettix lil partijiet terzi jbassru l-qafas regolatorju minn qabel biżżejjed. |
|
(87) |
Biex ikun evitat kull dubju, jenħtieġ ikun jista’ jiġi identifikat b’mod ċar jekk park eoliku lil hinn mill-kosta konness mas-sistema KF għadux jikkostitwixxi wieħed mill-parks eoliċi inizjali jew le. Għalhekk, jenħtieġ tiżdied kundizzjoni fi kwalunkwe każ li mid-data meta kwalunkwe wieħed mit-tliet parks eoliċi jieqaf jopera għajr għal manutenzjoni jew tiswijiet tas-soltu b’tul taż-żmien limitat, jew isir soġġett għal modifiki sinifikanti, li għandu jitqies li jkun il-każ tal-inqas meta jkun meħtieġ ftehim ta’ konnessjoni ġdid jew meta l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-park eoliku tiżdied b’aktar minn 5 %, il-produzzjoni minn dan il-park eoliku ma għandhiex tibqa’ titnaqqas mill-kapaċità totali ta’ trażmissjoni, qabel ma tiġi kkalkolata l-kapaċità residwa, u b’hekk tiżdied il-kapaċità disponibbli għall-kummerċ fuq l-interkonnettur. |
|
(88) |
Madankollu, jekk wieħed jew tnejn mill-parks eoliċi jieqfu joperaw jew inkella jibbenefikaw mid-deroga, dan ma għandux ikollu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni kummerċjali tal-parks eoliċi l-oħra jew fuq it-tħaddim tas-sistema. Għalhekk, id-deroga ma għandhiex tintemm sempliċiment għax l-produzzjoni ta’ wieħed mill-parks eoliċi ma tibqax intitolata għal tnaqqis ex ante mill-kapaċità totali ta’ trażmissjoni, iżda biss jekk it-tliet parks eoliċi kollhama jkunux għadhom intitolati għal dan it-tnaqqis. |
|
(89) |
Fir-rigward tat-tul taż-żmien xieraq tad-deroga, il-Kummissjoni tinnota li l-applikazzjoni immedjata tar-regoli li minnhom tintalab deroga tkun tirrikjedi modifiki sinifikanti fl-arranġamenti regolatorji u kummerċjali għal KF, b’konsegwenzi negattivi potenzjali għall-operat tal-parks eoliċi. |
|
(90) |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li l-għoti tad-deroga sakemm il-parks eoliċi joperaw u jibqgħu konnessi jista’ jfisser li d-deroga tkun tapplika għal 20 sena jew aktar, meta titqies il-ħajja medja tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta. Deroga twila bħal din tista’ twassal għal żvantaġġi sinifikanti għall-integrazzjoni tas-suq. |
|
(91) |
Barra minn hekk, hu importanti li d-deroga għal KF ma toħloqx element mhux sostitwibbli u inflessibbli, kemxejn aljen, fil-qafas regolatorju li qed jiżviluppa lil hinn mill-kosta. Biex tkun żgurata flessibbiltà suffiċjenti iżda fl-istess ħin jingħataw ċertezza u prevedibbiltà adegwati lill-partijiet kollha tal-proġett u lill-parteċipanti l-oħra fis-suq, jenħtieġ isiru reviżjonijiet regolari tal-qafas approvat f’din id-deċiżjoni ta’ deroga. |
|
(92) |
Għalhekk, il-Kummissjoni għandha ssib bilanċ bejn l-interessi leġittimi tas-sħab tal-proġett ta’ KF u l-Istati Membri ġirien li fdaw fil-legalità tas-soluzzjoni regolatorja żviluppata għall-proġett tal-ewwel tip tiegħu u l-interessi tal-konsumaturi u l-produtturi tal-UE biex jibbenefikaw mill-prinċipju tal-massimizzazzjoni tal-flussi transfruntieri. |
|
(93) |
Il-Kummissjoni tqis li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni regolatorja li ma tirrikjedix deroga bħala possibbli (20) iżda teħtieġ żmien konsiderevoli u ġġib magħha wkoll kumplessità konsiderevoli. L-istess jgħodd għall-adattamenti kuntrattwali meħtieġa għat-trattament regolatorju l-ġdid konformi mar-regoli tal-UE. Barra minn hekk, peress li l-qafas regolatorju għall-assi ibridi lil hinn mill-kosta qed jiġi diskuss bħalissa, jenħtieġ jingħata biżżejjed żmien biex ikun żgurat li dawn l-adattamenti ma jkollhomx għalfejn jibdew qabel ma tkun ġiet żgurata bażi solida u ċara. Għalhekk jidher xieraq li d-deroga tingħata għal perjodu ta’ 10 snin. |
|
(94) |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż kompletament li xorta waħda se tkun meħtieġa deroga kontinwa biex jinżamm il-bilanċ ekonomiku u tiġi żgurata l-vijabbiltà tas-sistema KF anki lil hinn minn dan il-perjodu ta’ 10 snin. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perjodu meta jkun ġustifikat. Id-deroga, inkluż kwalunkwe estensjoni, jenħtieġ ma taqbiżx perjodu ta’ 25 sena għax dan imur lil hinn mill-ħajja mistennija li jifdal tal-parks eoliċi. |
|
(95) |
Ir-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar kwalunkwe talba għal estensjoni għandha tinkludi valutazzjoni dwar jekk huwiex possibbli li l-istruttura tal-proġett tinbidel b’mod li jippermetti l-integrazzjoni sħiħa tas-sistema KF fil-qafas regolatorju ġenerali, eż. bid-definizzjoni ta’ żoni tal-offerti lil hinn mill-kosta. Kwalunkwe tali bidla fl-istruttura tal-proġett tqis b’mod xieraq il-bilanċ ekonomiku kif stabbilit skont id-deċiżjoni tad-deroga. Proċedura dettaljata għall-applikazzjoni u l-għoti ta’ din l-estensjoni hi stabbilita fit-Taqsima 5.5.3. |
5.5.2. Kundizzjonijiet oħra
|
(96) |
Fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ulterjuri li għandhom jiġu imposti, l-impożizzjoni ta’ żieda fil-kapaċità minima disponibbli għall-kummerċ fuq proġett li altrimenti ma jinbidilx tikkontribwixxi direttament biex terġa’ tiddaħħal il-problema li għandha tiġi solvuta bid-deroga f’dawk is-sigħat fejn il-kejbils fis-sistema KF huma konġestjonati. Min-naħa l-oħra, meta tali kejbils ma jkunux konġestjonati, il-prinċipju ta’ massimizzazzjoni japplika fi kwalunkwe każ, u għalhekk il-kapaċità massima teknikament fattibbli diġà teħtieġ li tkun disponibbli, sal-kapaċità totali ta’ trażmissjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni. |
|
(97) |
Minkejja dan, lok għal żieda fil-kapaċità disponibbli ma jistax jiġi eskluż għalkollox fit-tul. B’mod partikolari, il-pjanijiet preċedenti għall-proġett kienu għadhom jipprevedu l-kostruzzjoni ta’ kejbils addizzjonali ta’ kurrent dirett, u dawn il-pjanijiet ġew abbandunati minħabba żieda ta’ 2,5 darbiet fl-ispejjeż tal-komponenti meħtieġa (ara l-premessi 40-42 hawn fuq). Għalhekk, mhux eskluż li tali investimenti jistgħu jsiru fil-futur. B’mod partikolari, il-ftehim ta’ għotja tal-KF ippreveda l-possibbiltà tal-integrazzjoni ta’ park eoliku Żvediż fis-sistema KF u qajjem il-possibbiltà li tiżdied il-kapaċità f’dan ix-xenarju. |
|
(98) |
Meta żviluppi jew investimenti teknoloġiċi jew tas-suq ġodda f’parks eoliċi lil hinn mill-kosta ġodda qrib KF itejbu s-sistema eżistenti jew il-kostruzzjoni ta’ kejbils ġodda li jżidu l-kapaċità disponibbli għall-kummerċ finanzjarjament vijabbli (b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jkun żgurat l-operat sikur tas-sistema KF u s-sistemi kontigwi), jenħtieġ li tali investimenti jitwettqu. F’każ ta’ talbiet għal estensjoni, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinkludi wkoll jekk dawn l-investimenti f’kapaċità addizzjonali jistgħux ikunu raġonevolment mistennija. |
|
(99) |
Jekk il-fornituri tas-servizzi ta’ flessibbiltà juru interess konkret fit-twettiq ta’ proġetti fis-sistema KF jew fil-qrib li jistgħu jżidu l-kapaċità disponibbli għall-kummerċ billi jagħmlu użu minn servizzi ta’ flessibbiltà (eż. il-ħżin ta’ produzzjoni żejda tar-riħ f’batteriji lil hinn mill-kosta), dawn l-investimenti għandhom jitqiesu kif xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali inkwistjoni, bl-użu tal-potenzjal tagħhom li jżidu l-kapaċità disponibbli għall-kummerċ sal-valur minimu kif stabbilit fl-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku. |
5.5.3. Proċedura għal talbiet eventwali ta’ estensjoni
|
(100) |
Biex il-Kummissjoni tivvaluta jekk id-deroga għadhiex meħtieġa fid-dawl ta’ kjarifiki u bidliet futuri possibbli fil-qafas legali għal proġetti ibridi, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni biżżejjed qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ deroga jekk iqisux li hi meħtieġa l-estensjoni tad-deroga. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jixtiequ jitolbu estensjoni ta’ din id-deroga, għandha titressaq talba konġunta biżżejjed qabel it-tmiem tal-perjodu tad-deroga biex tkun tista’ ssir analiżi bir-reqqa tat-talba għal estensjoni u informazzjoni bikrija lill-parteċipanti fis-suq dwar il-qafas regolatorju futur għall-KF. Kull talba bħal din għandha tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji li turi l-effetti tad-deroga kemm fuq is-sistema KF kif ukoll fuq il-livell reġjonali u Ewropew, li tqabbel mill-inqas il-possibbiltajiet li titkompla d-deroga fil-forma attwali tagħha, iżżid il-kapaċità disponibbli billi twettaq investimenti addizzjonali, u tintegra bis-sħiħ is-sistema KF fil-qafas regolatorju ġenerali għall-assi ibridi lil hinn mill-kosta kif applikabbli fiż-żmien tat-talba għal estensjoni. |
|
(101) |
Meta tiddeċiedi dwar talba għal estensjoni, il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq l-interessi ekonomiċi tal-parks eoliċi konnessi u tal-operaturi tas-sistema involuti, iżda wkoll tal-impatt soċjoekonomiku usa’ tad-deroga fil-livell reġjonali u Ewropew. B’mod partikolari, ir-reviżjoni għandha tistabbilixxi jekk u kif is-sistema KF jenħtieġ tiġi integrata f’qafas regolatorju usa’ għall-assi ibridi. |
|
(102) |
Biex jitqiesu biżżejjed il-bidliet fil-qafas regolatorju kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, kwalunkwe estensjoni (jekk tingħata) jenħtieġ tkun limitata fiż-żmien. |
|
(103) |
Jekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li, biex tingħata estensjoni, huma meħtieġa bidliet fl-approċċ regolatorju kif stabbilit f’din id-deċiżjoni, jew li huma meħtieġa kundizzjonijiet oħra biex tiżdied il-kompetizzjoni jew l-integrazzjoni tas-suq, għandu jingħata biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jingħata wkoll biżżejjed avviż minn qabel lill-parteċipanti l-oħra fis-suq dwar bidliet possibbli fil-kapaċità transfruntiera disponibbli. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Qed tingħata deroga lill-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) 2019/943. Fil-kalkolu ta’ jekk intlaħqux il-livelli minimi tal-kapaċità disponibbli għall-kummerċ transżonali, il-bażi tal-kapaċità li għandha tintuża għall-kalkolu tal-kapaċità minima għandha tkun il-kapaċità residwa wara t-tnaqqis tal-kapaċità meħtieġa għat-trasport tal-produzzjoni tal-elettriku prevista mill-parks eoliċi konnessi mal-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak fl-istadju ta’ ġurnata bil-quddiem lejn is-sistemi nazzjonali rispettivi fuq l-art, pjuttost milli l-kapaċità totali ta’ trażmissjoni.
L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jibqa’ applikabbli bis-sħiħ, u l-livell massimu ta’ kapaċità tal-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak u tan-networks ta’ trażmissjoni affettwati mill-kapaċità transfruntiera tal-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak, li jilħaq il-kapaċità totali tan-network tal-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak, għandu jsir disponibbli għall-parteċipanti fis-suq li jikkonformaw mal-istandards tas-sikurezza ta’ operazzjoni tan-network sigura.
Artikolu 2
Id-deroga skont l-Artikolu 1 għandha tinkludi r-referenzi kollha għall-kapaċità minima li għandha ssir disponibbli għall-kummerċ skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) 2019/943, fir-Regolament 2019/943 u fir-Regolamenti tal-Kummissjoni bbażati fuq dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Id-deroga skont l-Artikolu 1 għandha tkun applikabbli sa 10 snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4. It-tul taż-żmien totali tad-deroga, inkluż kwalunkwe estensjoni, ma għandux jaqbeż il-25 sena.
Meta kwalunkwe wieħed mit-tliet parks eoliċi konnessi mal-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak jieqaf jopera għajr għal manutenzjoni jew tiswijiet tas-soltu b’tul taż-żmien limitat, jew tali park eoliku jsir soġġett għal modifiki sinifikanti, it-tbassir tal-elettriku li għandu jsir minn dan il-park eoliku ma għandux jibqa’ jitnaqqas skont l-Artikolu 1, u b’hekk tiżdied il-kapaċità disponibbli għan-negozju fuq l-interkonnettur. L-interruzzjonijiet fil-produzzjoni minħabba prezzijiet baxxi tas-suq jew struzzjonijiet mill-operaturi tas-sistema ma għandhomx jitqiesu. Il-modifiki għandhom jitqiesu li jkunu sinifikanti tal-inqas meta jkun meħtieġ ftehim ta’ konnessjoni ġdid jew meta l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-park eoliku tiżdied b’aktar minn 5 %.
Artikolu 4
L-awtoritajiet Daniżi u Ġermaniżi jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex ittawwal il-perjodu ta’ deroga stabbilit fl-Artikolu 3. Kull talba bħal din għandha titressaq kmieni biżżejjed qabel it-tmiem tal-perjodu tad-deroga. Kull talba għal estensjoni tad-deroga għandha tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-approċċ regolatorju magħżul skont id-deroga, inkluż analiżi kwantitattiva. Din għandha tipprovdi wkoll analiżi dwar soluzzjonijiet alternattivi possibbli, b’mod partikolari l-integrazzjoni tal-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak fis-sistema regolata ġenerali għall-assi ibridi lil hinn mill-kosta applikabbli f’dak iż-żmien, il-ħolqien ta’ żona tal-offerti lil hinn mill-kosta separata għall-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak, u/jew it-twettiq ta’ investimenti addizzjonali biex tiżdied il-kapaċità tat-trażmissjoni disponibbli. Jekk il-Kummissjoni, wara talba għal estensjoni, tasal għall-konklużjoni li huma meħtieġa bidliet fl-approċċ regolatorju kif stabbilit f’din id-deċiżjoni, jew li huma meħtieġa kundizzjonijiet oħra biex tiżdied il-kompetizzjoni jew l-integrazzjoni tas-suq, għandu jingħata biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jingħata wkoll biżżejjed avviż minn qabel lil parteċipanti oħra fis-suq dwar bidliet possibbli fil-kapaċità transfruntiera disponibbli.
Artikolu 5
Jekk il-fornituri tas-servizzi ta’ flessibbiltà juru interess konkret fit-twettiq ta’ proġetti li jistgħu jżidu l-kapaċità disponibbli għall-kummerċ fil-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak billi jagħmlu użu minn servizzi ta’ flessibbiltà, tali investimenti għandhom jitqiesu kif xieraq mill-awtoritajiet Daniżi u Ġermaniżi, billi jużaw il-potenzjal tagħhom li jżidu l-kapaċità disponibbli għan-negozju sal-valur minimu kif stabbilit fl-Artikolu 16(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku. Meta tali investimenti jkunu proposti iżda ma jkunux permessi fil-Faċilità tal-Grilja Kombinata Kriegers Flak, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzati lir-Renju tad-Danimarka u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Kadri SIMSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.
(2) https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/derogation_decisions2020v1.pdf
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1391/2013 tal-14 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea fir-rigward tal-elenku tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU L 349, 21.12.2013, p. 28).
(4) Ara d-deċiżjoni tal-ACER 6/2020 tas-7 ta’ Frar 2020 dwar it-talba tal-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata ta’ Hansa biex jiġi estiż il-perjodu biex jintlaħaq qbil dwar il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità fit-tul, https://www.acer.europa.eu/Official_documents/Acts_of_the_Agency/Individual%20decisions/ACER%20Decision%2006-2020%20on%20extension%20Hansa_LT_CCM.pdf
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (ĠU L 259, 27.9.2016, p. 42).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat-23 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU L 312, 28.11.2017, p. 6).
(8) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/536/UE tal-14 ta’ Awwissu 2014 li tagħti lir-Repubblika Ellenika deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 248, 22.8.2014, p. 12).
(9) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/920/KE tal-20 ta’ Diċembru 2004 dwar deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-arċipelagu tal-Azores (ĠU L 389, 30.12.2004, p. 31); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/375/KE tat-23 ta’ Mejju 2006 dwar deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54/KE dwar l-arċipelagu ta’ Madeira (ĠU L 142, 30.5.2006, p. 35); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/653/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 li tagħti lir-Repubblika ta’ Ċipru deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 270, 29.9.2006, p. 72); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/859/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 li tagħti lil Malta deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 332, 30.11.2006, p. 32) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/536/UE tal-14 ta’ Awwissu 2014 li tagħti lir-Repubblika Ellenika deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 248, 22.8.2014, p. 12).
(10) Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20).
(11) Ara pereżempju d-Deċiżjoni 2014/536/UE li tirreferi għall-ispejjeż ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku fil-gżejjer filwaqt li l-prezzijiet huma skont il-liġi daqs dawk fuq l-art kontinentali.
(12) Preżentazzjoni minn 50Hertz lill-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta’ Mejju 2014, slide 3.
(13) Abbażi tal-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi u Daniżi fil-11 ta’ Settembru 2020, il-valuri tal-kapaċità huma mqabbla kif ġej: Fil-każ tal-OWFs Ġermaniżi u Daniżi li kull wieħed minnhom ikollu l-istess rata ta’ utilizzazzjoni, il-kapaċità tat-trażmissjoni disponibbli għas-suq lejn il-Ġermanja kienet tvarja bl-istabbiliment tal-proġett inizjali minn 600 MW (fil-każ li ma jkunx hemm produzzjoni tal-enerġija mir-riħ) għal ~855 MW (fil-każ ta’ produzzjonijiet tal-enerġija mir-riħ li jkunu ta’ madwar 50 % tal-kapaċitajiet installati rispettivi) u mbagħad minn ~855 MW għal 661 MW (fil-każ li l-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ tkun fil-massimu), filwaqt li bl-istabbiliment rivedut tal-proġett, din tvarja minn 400 MW (fil-każ ta’ produzzjoni tal-enerġija mir-riħ) għal 61 MW (fil-każ ta’ produzzjoni tal-enerġija mir-riħ).
Il-kapaċità tat-trażmissjoni disponibbli għas-suq lejn id-Danimarka kienet tvarja bl-istabbiliment tal-proġett inizjali minn 600 MW (fil-każ li ma jkunx hemm produzzjoni) għal 0 MW (fil-każ li l-produzzjoni tkun fil-massimu), filwaqt li bl-istruttura riveduta tal-proġett, din tkun ta’ 400 MW (fil-każ li l-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ tkun bejn 0 % u 33 %) u mbagħad tvarja minn 400 MW għal 61 MW (fil-każ li l-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ tkun fil-massimu).
(14) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2018 fil-każ AT.40461 – L-interkonnettur DE/DK: https://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/40461/40461_461_3.pdf
(15) Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).
(16) Ir-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15).
(17) https://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/39351/39351_1223_4.pdf
(18) https://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/40461/40461_461_3.pdf
(19) P. 16, riskju 7.
(20) Fil-konsultazzjoni, il-partijiet ikkonċernati indikaw b’mod partikolari l-possibbiltà li tiġi żviluppata Żona ta’ Offerta lil hinn mill-Kosta għall-proġett.