16.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 425/103


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2107

tal-14 ta’ Diċembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2007/25/KE fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha

(notifikata bid-dokument C(2020) 8789)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE (2) tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI) u l-movimenti ta’ għasafar domestiċi li jkunu akkumpanjati minn sidhom fl-Unjoni. Din ġiet adottata b’reazzjoni għat-tifqigħat tal-HPAI tas-sottotip H5N1 bil-ħsieb li tiġi protetta s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem fl-Unjoni u tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

Tifqigħat tal-HPAI tas-sottotipi H5 differenti u oħrajn iktar rari tal-virus H7, ikomplu jseħħu fid-dinja kollha fit-tjur u fi tjur ieħor mhux selvaġġ. L-HPAI saret endemika f’diversi pajjiżi terzi u laħqet pajjiżi terzi oħra għall-ewwel darba. It-theddida tal-introduzzjoni tal-vajrus tal-HPAI fl-Unjoni permezz ta’ movimenti mhux kummerċjali ta’ għasafar domestiċi minn pajjiżi terzi tippersisti u għalhekk il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/25/KE jenħtieġ li jinżammu.

(3)

Tlestew att delegat u att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali ta’ għasafar domestiċi lejn l-Unjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 576/2013. Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti għadhom qed jiġu diskussi, u għalhekk dawn iż-żewġ atti, maħsuba biex jissostitwixxu fuq bażi permanenti l-miżuri ta’ protezzjoni li bħalissa huma stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/25/KE, mhux ser jiġu adottati qabel il-31 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri d-data tal-iskadenza tad-Deċiżjoni 2007/25/KE.

(4)

Għaldaqstant, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika globali fir-rigward tal-HPAI, hemm bżonn jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/25/KE sal-31 ta’ Diċembru 2021, u sa dak iż-żmien, jenħtieġ li jiġu adottati l-att delegat u l-att ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxu r-rekwiżiti maħsuba biex jissostitwixxu dawk li bħalissa jinsabu fid-Deċiżjoni 2007/25/KE.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/25/KE tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 2007/25/KE, id-data l-“31 ta’ Diċembru 2020” tiġi sostitwita bil-“31 ta’ Diċembru 2021”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 fir-rigward ta’ ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta’ għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29).