16.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 425/101


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2106

tal-14 ta’ Diċembru 2020

dwar miżura ta’ salvagwardja meħuda mill-Finlandja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ parank motorizzat ta’ Biltema Nordic Services bir-referenza tal-mudell 15-371, manifatturat minn Biltema Nordic Services AB u distribwit fis-suq Finlandiż minn Biltema Suomi Oy

(notifikata bid-dokument C(2020) 8781)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Marzu 2019, il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni dwar il-miżura ta’ salvagwardja tagħha tas-6 ta’ Frar 2019, meħuda f’konformità mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/42/KE u li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-parank motorizzat bir-referenza tal-mudell 15-371 ta’ Biltema Nordic Services, manifatturat minn Biltema Nordic Services AB, Gamisonsgatan 26, 25466 Helsingborg, l-Iżvezja (“il-manifattur”) u distribwit fis-suq Finlandiż minn Biltema Suomi Oy, Aftonrådevägen 2, 00750 Helsingfors, il-Finlandja.

(2)

Il-Finlandja ħadet il-miżura minħabba li kkunsidrat li l-parank motorizzat ma kienx jissodisfa diversi rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza (“EHSR”) stabbiliti fit-taqsimiet li ġejjin tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE:

(3)

B’mod speċifiku, il-Finlandja indikat li:

(4)

Il-parank mhuwiex mekkanikament b’saħħtu, bi ksur tal-EHSR dwar is-Saħħa Mekkanika fil-punt 4.1.2.3 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

(5)

Il-parank mhuwiex stabbli u huwa diffiċli biex wieħed iċaqilqu, bi ksur tal-EHSRs dwar ir-Riskju ta’ telf ta’ stabbiltà fil-punt 1.3.1 u dwar ir-Riskji minħabba nuqqas ta’ stabbiltà fil-punt 4.1.2.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

(6)

Hemm żbalji fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni li jikkonċernaw it-twaħħil tar-roti u hemm żbalji fl-istruzzjonijiet stampati li jikkonċernaw l-użu ħażin tal-makkinarju, bi ksur tal-EHSRs dwar il-Prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza fil-punt 1.1.2 u dwar l-Istruzzjonijiet fil-punt 1.7.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

(7)

Wara li rċeviet in-notifika dwar il-miżura ta’ salvagwardja meħuda mill-Finlandja, il-Kummissjoni bdiet konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex tismal-fehmiet tagħhom. Il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-manifattur, lid-distributur u lill-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi fit-23 ta’ Diċembru 2019, u l-manifattur u d-distributur ma rrisponduhiex. L-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi rrispondiet fit-13 ta’ Jannar 2020, u semmiet li Biltema Suomi Oy ma kkontestatx id-deċiżjoni Finlandiża jew il-kontenut tagħha wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni. L-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi semmiet ukoll li ma kellhomx aġġornamenti ulterjuri dwar il-każ.

(8)

Filwaqt li titqies l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja fir-rigward tal-miżura ta’ salvagwardja, li ma ġietx ikkontestata mill-manifattur jew mid-distributur, jenħtieġ li jiġi konkluż li l-parank motorizzat bir-referenza tal-mudell 15-371 ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza msemmija hawn fuq u stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, u n-nuqqasijiet jistgħu jikkompromettu s-saħħa u s-sikurezza tan-nies.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-miżura ta’ salvagwardja meħuda mill-Finlandja titqies bħala ġustifikata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda mill-Finlandja, li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-parank bir-referenza tal-mudell 15-371, manifatturat minn Biltema Nordic Services AB (l-Iżvezja) u distribwit fis-suq Finlandiż minn Biltema Suomi Oy (il-Finlandja), hija ġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.