15.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 423/62 |
DEĊIŻJONI (UE) 2020/2090 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-4 ta’ Diċembru 2020
li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/10 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2020/60)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
Billi:
(1) |
Kien hemm żieda fin-numru ta’ riproduzzjonijiet ta’ karti tal-flus tal-euro rtirati miċ-ċirkolazzjoni li l-pubbliku ġenerali jista’ jirriskja li jfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini, minkejja l-fatt li wħud minn dawn ir-riproduzzjonijiet għandhom indikazzjonijiet żgħar jew li ma jistgħux jiġu identifikati faċilment li huma “kopji”, “mhux valuta legali” jew għandhom “jintużaw biss għall-films jew bħala props”, peress li għandhom id-dehra ta’ karti tal-flus tal-euro u jikkopjaw ċerti karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karti tal-flus. Dawn ir-riproduzzjonijiet huma offruti u mixtrija l-aktar permezz ta’ swieq online jew siti web. Ir-riproduzzjonijiet li l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkel ma’ karti tal-flus ġenwini huma illegali skont id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 (1). Għaldaqstant huwa importanti li jiġu ppromulgati miżuri li jnaqqsu u eventwalment iwaqqfu t-tixrid ulterjuri tagħhom. B’mod partkolari, projbizzjoni ċara tal-attivitajiet illegali żżid iċ-ċertezza legali. Fl-istess ħin, huwa importanti li jkun possibbli li jiġu eżentati attivitajiet li jirrigwardaw ċerti riproduzzjonijiet, jekk l-Eurosistema tqis li l-pubbliku ġenerali ma jistax ifixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini. |
(2) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda
L-Artikolu 2 tad-Decizjoni BĊE/2013/10 huwa mibdul b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Regoli dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro
1. “Riproduzzjoni” għandha tfisser kull xbieha tanġibbli jew intanġibbli li tuża karta tal-flus tal-euro sħiħa jew parti minnha kif speċifikat fl-Artikolu 1, jew partijiet mill-elementi individwali tad-disinn tagħha, bħal, fost l-oħrajn, il-kulur, id-dimensjonijiet u l-użu ta’ ittri jew ta’ simboli, liema xbieha tista’ tixbah lil, jew tagħti l-impressjoni ġenerali ta’, karta tal-flus tal-euro ġenwina, irrispettivament minn:
(a) |
id-daqs tax-xbieha; jew |
(b) |
il-materjal(i) jew it-teknika (tekniki) użati fil-produzzjoni tagħha; jew |
(c) |
jekk żdidux jew inbidlux elementi tad-disinn tal-karta tal-flus tal-euro, bħall-ittri jew is-simboli. |
2. Sakemm il-BĊE jew BĊN ma jaqblux ma’ eżenzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 5, ir-riproduzzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 għandhom jitqiesu bħala illegali u l-produzzjoni, il-pussess, it-trasport, it-tixrid, il-bejgħ, il-promozzjoni, l-importazzjoni fl-Unjoni u l-użu jew it-tentattiv ta’ użu tagħhom għat-tranżazzjonijiet għandu jkun ipprojbit.
3. Ir-riproduzzjonijiet li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin għandhom jitqiesu bħala legali, peress li ma hemm l-ebda riskju li l-pubbliku ġenerali jista’ jitfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini:
(a) |
ir-riproduzzjonijiet b’naħa waħda biss ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew ikbar minn 125 % ta’ kemm it-tul kif ukoll il-wisa’, jew daqs jew inqas minn 75 % ta’ kemm it-tul kif ukoll il-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew |
(b) |
ir-riproduzzjonijiet biż-żewġ naħat ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew ikbar minn 200 % ta’ kemm it-tul kif ukoll il-wisa’, jew daqs jew inqas minn 50 % ta’ kemm it-tul kif ukoll il-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew |
(c) |
ir-riproduzzjonijiet ta’ elementi individwali tad-disinn ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba dak l-element tad-disinn ma jintweriex fuq sfond li jkun jixbah lil dak ta’ karta tal-flus; jew |
(d) |
ir-riproduzzjonijiet fuq naħa waħda li juru parti min-naħa ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba dik il-parti tkun iżgħar minn terz tan-naħa oriġinali ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew |
(e) |
ir-riproduzzjonijiet magħmulin minn materjal li jkun jidher b’mod ċar li hu differenti mill-karta, li jidher u jinħass sew li huwa differenti mill-materjal użat għall-karti tal-flus; jew |
(f) |
ir-riproduzzjonijiet intanġibbli li jkunu disponibbli elettronikament f’siti web, bil-fil jew mingħajr fil jew bi kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti lill-membri tal-pubbliku li jkollhom aċċess għal dawn ir-riproduzzjonijiet intanġibbli minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment, kemm-il darba:
|
5. B’mod eċċezzjonali l-BĊE jew il-BĊN rilevanti, kif applikabbli, jista’, meta jirċievi talba bil-miktub, jaċċetta li jeżenta riproduzzjoni li ma tikkonformax mal-kriterji tal-paragrafu 3 mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, jekk il-BĊE jew il-BĊN rilevanti jqis li r-riproduzzjoni ma tistax tiġi mfixkla mill-pubbliku ġenerali ma’ karta tal-flus tal-euro ġenwina kif speċifikat fl-Artikolu 1. Meta riproduzzjoni ssir fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss li l-munita tiegħu hija l-euro, talbiet bħal dawn għal eżenzjoni għandhom jiġu indirizzati lill-BĊN ta’ dak l-Istat Membru. Fil-każijiet l-oħra kollha, dawn it-talbiet għandhom jiġu indirizzati lill-BĊE.
6. Ir-regoli tar-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro japplikaw ukoll għall-karti tal-flus tal-euro li jkunu ġew irtirati jew li jkunu tilfu l-istatus tagħhom ta’ valuta legali skont din id-Deċiżjoni.”
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet finali
Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Diċembru 2020.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 tad-19 ta’ April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 37).