15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 424/58


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2078

tal-10 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali UE-Kanada fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programm Partners in Protection tal-Kanada u tal-Programm tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali u l-għajnuna reċiproka dwar materji doganali (“CMAA”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/18/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998.

(2)

L-Artikolu 2 tas-CMAA jistieden lill-awtoritajiet doganali biex jiżviluppaw il-kooperazzjoni doganali bl-aktar kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ possibbli.

(3)

Skont l-Artikolu 20 tas-CMAA, il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali (“KKKD”) għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-kooperazzjoni doganali.

(4)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali fir-rigward ta’ materji relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista (“SCSA”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/941/UE (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013.

(5)

Skont l-Artikolu 5 tal-SCSA, il-KKKD għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ tekniki tal-immaniġġjar tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi ta’ sħubija kummerċjali.

(6)

Il-KKKD biħsiebu jadotta deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programm Partners in Protection tal-Kanada u tal-Programm tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-Unjoni Ewropea waqt il-ħames laqgħa tiegħu u fi kwalunkwe każ qabel it-tmiem tal-2022.

(7)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-KKKD, peress li d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programm Partners in Protection tal-Kanada u tal-Programm tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-Unjoni Ewropea se jkollha effetti legali fl-Unjoni.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-KKKD rigward ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programm Partners in Protection tal-Kanada u tal-Programm tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-KKKD,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali (“KKKD”) stabbilit mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Għajnuna Reċiproka dwar Materji Doganali, fil-ħames laqgħa tal-KKKD, fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tal-Programm Partners in Protection tal-Kanada u tal-Programm tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-KKKD (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/18/KE tas-27 ta’ Novembru 1997 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar koperazzjoni u assistenza doganali reċiproka fuq affarijiet doganali (ĠU L 7, 13.1.1998, p. 37).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/941/UE tas-27 ta’ Ġunju 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali fir-rigward ta’ materji relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista (ĠU L 367, 23.12.2014, p. 8).

(3)  Ara d-dokument ST13014/20 fuq http://register.consilium.europa.eu