|
15.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 424/41 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2069
tas-7 ta’ Diċembru 2020
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/356/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006. |
|
(2) |
Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll 4 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“il-Protokoll 4”). Skont l-Artikolu 38 tal-Protokoll 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim (“il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 4. |
|
(3) |
Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, qabel tmiem l-2023, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser jadotta deċiżjoni li temenda l-Ftehim billi tissostittwixxi l- Protokoll 4 (“id-deċiżjoni”). |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għaliex id-deċiżjoni ser ikollha effetti legali vinkolanti fl-Unjoni. |
|
(5) |
Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont il-ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali. |
|
(6) |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak l-għan, id-deċiżjoni ser tintroduċi referenza dinamika għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 4, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ. |
|
(7) |
Id-diskussjonijiet dwar l-emenda tal-Konvenzjoni wasslu għal sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli li jridu jiġu inkorporati fil-Konvenzjoni. Sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni l-Unjoni u ir-Repubblika tal-Libanu qablu li japplikaw kemm jista’ jkun malajr sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali bħala regoli tal-oriġini alternattivi għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni (“Regoli tranżitorji”). Għal dak il-għan, id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-Regoli tranżitorji. |
|
(8) |
Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni (3).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/356/KE tal- 14 ta’ Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra (ĠU L 143, 30.5.2006, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).
(3) Ara d-dokument ST 11104/20 fuq is-sit web http://register.consilium.europa.eu