15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 424/33


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2065

tas-7 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan is-Sottokumitat Doganali stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll I tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/495/Euratom (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

(2)

Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll I dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“Protokoll I”). Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll I, is-Sottokumitat Doganali stabbilit bl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim (“is-Sottokumitat Doganali”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll I.

(3)

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, qabel tmiem l-2023, is-Sottokumitat Doganali ser jadotta deċiżjoni li temenda il-Ftehim billi tissostiwixxi l-Protokoll I (‘deċiżjoni’).

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-Sottokumitat Doganali peress li d-deċiżjoni ser ikollha effetti legalivinkolanti fl-Unjoni.

(5)

Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali.

(6)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b’mod effettiv. Għal dak l-għan, id-deċiżjoni ser tintroduċi referenza dinamika għall-Konvenzjoni fil-Protokoll I, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ.

(7)

Diskussjonijiet dwar l-emenda tal-Konvenzjoni wasslu għal sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli li jridu jiġu inkorporati fil-Konvenzjoni. Sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni, l-Unjoni u l-Georgia qablu li japplikaw sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali bħala regoli tal-oriġini alternattivi għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni (“Regoli tranżitorji”). Għal dak il-għan, id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-Regoli tranżitorji

(8)

Fiż-żona tal-akkumulazzjoni kostitwita mill-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tat-Turkija, il-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna, jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li jintużaw iċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini minflok iċ-ċertifikati tal-moviment EUR-MED jew id-dikjarazzjoni tal-oriġini EUR-MED bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni applikabli għall-akkumulazzjoni dijagonali fost dawk il-parteċipanti.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan is-Sottokumitat Doganali tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-Sottokumitat Doganali stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit l- Protokoll I tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tas-Sottokumitat Doganali (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/495/Euratom tas-16 ta’ Ġunju 2014 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, p. 744).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).

(3)  Ara d-dokument ST 11080/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.