15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 424/23


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2060

tas-7 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit skont il-Ftehim ta’ Sħubija Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emendar ta’ dak il-Ftehim sabiex titqies l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa u tal-Gżejjer Solomon

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), li jistabbilixxi qafas għal ftehim ta’ sħubija ekonomika, ġie ffirmat f’Londra fit-30 ta’ Lulju 2009. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b’mod provviżorju minn l-Istat Indipendenti ta’ Papua New Guinea u mir-Repubblika ta’ Fiġi mill-20 ta’ Diċembru 2009 u mit-28 ta’ Lulju 2014, rispettivament.

(2)

L-Artikolu 80 tal-Ftehim jipprovdi għall-adeżjoni ta’ Stati Gżejjer tal-Paċifiku oħrajn. Permezz tad-Deċiżjonijiet (UE) 2018/1908 (2) u (UE) 2020/409 (3) rispettivament, il-Kunsill approva l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa (Samoa) u l-adeżjoni tal-Gżejjer Solomon mal-Ftehim. Samoa aderixxa mal-Ftehim fil-21 ta’ Diċembru 2018 u ilu japplikah b’mod provviżorju mill-31 ta’ Diċembru 2018. Il-Gżejjer Solomon aderixxew mal-Ftehim fis-7 ta’ Mejju 2020 u ilhom japplikawh b’mod provviżorju mis-17 ta’ Mejju 2020.

(3)

Wara l-adeżjonijiet ta’ Samoa u tal-Gżejjer Solomon, jeħtieġ li jiġi emendat l-Anness II tal-Ftehim sabiex l-offerti ta’ aċċess għas-suq ta’ dawk il-pajjiżi jiżdiedu ma’ dak l-Anness.

(4)

L-Artikolu 68 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ li għandu jindirizza l-kwistjonijiet kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1707 (4), il-Kunsill iddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ fir-rigward ta’ dawk l-emendi. Matul is-seba’ laqgħa tiegħu, li saret fit-3 u l-4 ta’ Ottubru 2019, il-Kumitat tal-Kummerċ adotta Rakkomandazzjoni lill-Partijiet għall-Ftehim li tirrakkomanda, fost affarijiet oħra, li jiġi emendat il-Ftehim sabiex titqies l-adeżjoni ta’ Samoa u jitqiesu adeżjonijiet futuri ta’ Stati Gżejjer tal-Paċifiku oħrajn.

(6)

L-Artikolu 13 tal-Ftehim jipprovdi li l-Kumitat tal-Kummerċ bi ftehim jista’ jimmodifika l-Anness II tal-Ftehim fi kwalunkwe mod meqjus xieraq. Għaldaqstant, matul it-tmien laqgħa tiegħu, il-Kumitat tal-Kummerċ ser ikun jista’ jintroduċi dak l-emendar tekniku għall-Ftehim sabiex titqies l-adeżjoni ta’ Samoa u tal-Gżejjer Solomon.

(7)

Jenħtieġ li l-Unjoni tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed fil-Kumitat tal-Kummerċ fit-tmien laqgħa tiegħu fir-rigward tal-emendar propost.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fit-tmien laqgħa tiegħu tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat tal-Kummerċ fit-tmien laqgħa tiegħu fir-rigward tal-emendar għall-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra sabiex titqies l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa u tal-Gżejjer Solomon għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ (5).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 272, 16.10.2009, p. 2.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1908 tas-6 ta’ Diċembru 2018 dwar l-adeżjoni ta’ Samoa mal-Ftehim ta’ Sħubija Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (ĠU L 333, 28.12.2018, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/409 tas-17 ta’ Frar 2020 dwar l-adeżjoni tal-Gżejjer Solomon mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (ĠU L 85, 20.3.2020, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1707 tas-17 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ rakkomandazzjoni għal ċerti emendi li għandhom isiru għall-Ftehim biex titqies l-adeżjoni ta’ Samoa u ta’ adeżjonijiet futuri ta’ Stati Gżejjer oħra tal-Paċifiku (ĠU L 260, 11.10.2019, p. 45).

(5)  Ara d-dokument ST11630/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.