|
15.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 424/19 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2058
tas-7 ta’ Diċembru 2020
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 4 (dwar ir-Regoli tal-Oriġini) ta’ dak il-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwariż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 94/1/ECSC, KE tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. |
|
(2) |
Il-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini. Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit bl-Artikolu 92 tal-Ftehim ŻEE (“il-Kumitat Konġunt”) jista’ jiddeċiedi li jemenda l-Protokoll 4. |
|
(3) |
Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, qabel tmiem l-2023, il-Kumitat Konġunt ser jadotta deċiżjoni li temenda l-Protokoll 4 (‘deċiżjoni’). |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt peress li d-deċiżjoni ser ikollha effetti legali vinkolanti fl-Unjoni. |
|
(5) |
Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont Ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali. |
|
(6) |
Diskussjonijiet dwar l-emenda tal-Konvenzjoni wasslu għal sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli li jridu jiġu inkorporati fil-Konvenzjoni. Sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni, il-Partijiet taż-ŻEE qablu li japplikaw kemm jista’ jkun malajr sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali bħala regoli tal-oriġini alternattivi għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni (“Regoli tranżitorji”). Għal dak il-għan, id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-Regoli tranżitorji |
|
(7) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-Komunità Ekonomika Ewropea fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 4 ta’ dak il-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (3).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Id-Deċiżjoni 94/1/KEFA, KE tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera (ĠU L 1, 3.1.1994, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).
(3) Ara d-dokument ST 10297/20 fuq is-sit web http://register.consilium.europa.eu