|
15.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 424/11 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2054
tas-7 ta’ Diċembru 2020
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, fir-rigward tal-emenda tal-dak il-Ftehim billi tissostitwixxi l-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2840/72 tal-Kunsill (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1973. |
|
(2) |
Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll 3 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (il-‘Protokoll 3’). Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll 3, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 29 tal-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 3. |
|
(3) |
Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, qabel tmiem l-2023, il-Kumitat Konġunt ser jadotta deċiżjoni li temenda l-Ftehim billi tissostitwixxi l-Protokoll 3 (‘deċiżjoni’). |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni ser ikollha effetti legali vinkolanti fl-Unjoni. |
|
(5) |
Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni., li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali. |
|
(6) |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak l-għan, id-deċiżjonI ser tintroduċi referenza dinamika għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 3, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ. |
|
(7) |
Diskussjonijiet dwar l-emenda tal-Konvenzjoni wasslu għal sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli li jridu jiġu inkorporati fil-Konvenzjoni. Sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni, l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Żvizzera qablu li japplikaw kemm jista’ jkun malajr set alternattiv ta’ regoli tal-oriġini bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali bħala regoli tal-oriġini alternattivi għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni (“Regoli tranżitorji”). Għal dak il-għan, id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-Regoli tranżitorji |
|
(8) |
Fiż-żona tal-akkumulazzjoni kostitwita mill-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni, ir-Repubblika tat-Turkija, il-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna, jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li jintużaw iċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini minflok iċ-ċertifikati tal-moviment EUR-MED jew id-dikjarazzjoni tal-oriġini EUR-MED bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni applikabbli għall-akkumulazzjoni dijagonali fost dawk il- parteċipanti, |
|
(9) |
Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fir-rigward tal-emenda tal-dak il-Ftehim billi tissostitwixxi l-Protokoll 3 tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (3).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjonigħandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Ir-Regolament (KEE) Nru 2840/72 tad-19 ta’ Diċembru 1972 tal-Kunsill li jikkonkludi l-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u li jadotta d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu u li jikkonkludi ftehim addizzjonali dwar il-validità, għall-Prinċipalità ta’ Liechtenstein tal-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera tat-22 ta’ Lulju 1972 (ĠU L 300, 31.12.1972, p. 188).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).
(3) Ara d-dokument ST 10245/20 fuq http://register.consilium.europa.eu