11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 419/28


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/2032

tal-10 ta’ Diċembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Frar 2010 l-Kunsill adottata d-Deċiżjoni 2010/96/PESK (1), li tistabbilixxi missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia).

(2)

Fid-19 ta’ Novembru 2018 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1787 (2), li testendi EUTM Somalia sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(3)

Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku Olistiku u Kkoordinat tal-involviment tal-PSDK fis-Somalja u l-Qarn tal-Afrika, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li l-mandat ta’ EUTM Somalia jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/96/PESK tiġi emendata skont dan.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka ma tiħux sehem fl-implimentazzjoni ta’ din d-Deċiżjoni u għaldaqstant ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta’ din il-missjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/96/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni għandha twettaq missjoni ta’ taħriġ militari (EUTM Somalia), sabiex tikkontribwixxi għall-bini u t-tisħiħ tal-Forzi Armati Nazzjonali Somali (“SNAF”) responsabbli lejn il-Gvern Nazzjonali Somalu, konsistenti mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet Somali u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Tranżizzjoni Somalu għat-trasferiment tar-responsabbiltajiet ta’ sigurtà lill-awtoritajiet Somali.

2.   Sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, il-missjoni militari tal-UE għandha tiġi skjerata fis-Somalja sabiex tindirizza kemm ir-rafforzament istituzzjonali fis-settur tad-difiża permezz ta’ konsulenza strateġika kif ukoll l-appoġġ dirett lill-SNAF permezz ta’ taħriġ, konsulenza u gwida.

3.   Mill-2021 ’il quddiem, EUTM Somalia għandha, b’mod partikolari, tappoġġa l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Taħriġ li hija proprjetà tas-Somalja bil-ħsieb li gradwalment tgħaddi, fil-prinċipju, it-taħriġ lill-SNAF sa tmiem l-2022. EUTM Somalia għandha tipprovdi mentoraġġ tat-taħriġ li jappartjeni lis-Somalja u li huwa pprovdut mis-Somalja u tistabbilixxi kapaċità biex issegwi u tivvaluta unitajiet li tkun ħarrġet. EUTM Somalia għandha tipprovdi wkoll appoġġ, kif meħtieġ u skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, lil atturi oħra tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fis-Somalja, b’mod partikolari lil EUCAP Somalia fir-rigward tal-interoperabbiltà bejn l-SNAF u l-forza tal-pulizija Somala, u lill-pakkett ta’ appoġġ għall-Faċilità Afrikana għall-Paċi, jew għal kwalunkwe appoġġ futur tal-Unjoni għall-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja.

4.   Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà u skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, l-EUTM Somalia għandha tippjana u tmexxi attivitajiet deċentralizzati b’appoġġ għall-Kwartieri Ġenerali reġjonali tal-SNAF.

5.   L-implimentazzjoni fis-Somalja tal-attivitajiet li ngħata mandat għalihom għandha tiddependi fuq il-kondizzjonijiet ta’ sigurtà fis-Somalja u l-gwida politika mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà.”;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni għandhom ikunu f’Mogadishu u għandhom joperaw taħt il-kmand tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE. Għandhom jinkludu ċelloli ta’ appoġġ fi Brussell u f’Nairobi, kif ukoll uffiċċju ta’ kollegament fil-Djibouti. Iċ-ċellola ta’ appoġġ ta’ Brussell għandha tkun lokalizzata fl-MPCC.”;

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   EUTM Somalia għandha żżomm u ssaħħaħ il-koordinazzjoni mal-Atalanta, mal-EUCAP Somalia u mal-programmi ta’ assistenza rilevanti tal-Unjoni. L-MPCC għandha, f’konformità mal-mandat tagħha stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/971 (*1), tiffaċilita tali koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bil-ħsieb li jiżdiedu l-koerenza, l-effiċjenza u s-sinerġiji bejn il-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni fir-reġjun.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/971 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li tiddetermina l-arranġamenti għall-ippjanar u t-tmexxija tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-UE fil-qafas tal-PSDK u li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja, 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) u (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ taħriġ militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 133).”;"

(4)

fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022 għandu jkun ta’ EUR 25 234 700. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta’ 0 % u l-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 34(3) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 0 %.”;

(5)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-mandat tal-missjoni militari tal-UE għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta’ Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1787 tad-19 ta’ Novembru 2018 li temenda u testendi id-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (ĠU L 293, 20.11.2018, p. 9).