11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 419/22


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2029

tas-7 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju, dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju, dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/430/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1997.

(2)

Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll 3 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (‘Protokoll 3’). Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll 3, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 63 tal-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 3.

(3)

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, qabel tmiem l-2023, il-Kumitat Konġunt ser jadotta deċiżjoni li temenda l-Protokoll 3 (‘deċiżjoni’).

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt peress li d-d-deċiżjoni ser ikollha effetti legali vinkolanti fl-Unjoni.

(5)

Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali.

(6)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b’mod effettiv. Għal dak l-għan, id-deċiżjoni ser tintroduċi referenza dinamika għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 3, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ.

(7)

Diskussjonijiet dwar l-emenda tal-Konvenzjoni wasslu għal sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli li jridu jiġu inkorporati fil-Konvenzjoni.Sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni, l-Unjoni u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża qablu li japplikaw kemm jista’ jkun malajr sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali bħala regoli tal-oriġini alternattivi għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni (“Regoli tranżitorji”). Għal dak il-għan, id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-Regoli tranżitorji.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 3 ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 3 tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/430/KE tat-2 ta’ Ġunju 1997 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Proviżorju ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja dwar il-kummerċ u koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża (ĠU L 187, 16.7.1997, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).

(3)  Ara d-dokument ST 11125/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.