11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 419/18


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2027

tas-7 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali fir-rigward tal-modifiki għall-Appendiċi 2 tal-Anness II u l-introduzzjoni ta’--Noti Spjegattivi tal-Artikoli 15, 16, 19, 20 u 30 tal-Anness II għall-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra, u li tħassar id-Deċiżjonijiet (UE) 2016/1001 u (UE) 2016/1336

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmatmill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/734/UE (1). Skont l-Artikolu 353(4) tal-Ftehim, il-Parti IV tiegħu ġie applikt b’mod proviżorju mill-1 ta’ Awwissu 2013 bejn l-Unjoni u n-Nikaragwa, il-Honduras u l-Panama, mill-1 ta’ Ottubru 2013 bejn l-Unjoni u El Salvador u l-Costa Rica, u mill-1 ta’ Diċembru 2013 bejn l-Unjoni u l-Gwatemala.

(2)

Skont l-Artikolu 36 tal-Anness II għall-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim jista’ jiddeċiedi li jimmodifika d-dispożizzjonijiet tal-Appendiċijiet tal-Anness II. Skont l-Artikolu 37 tal-Anness II għall-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ japprova Noti Spjegattivi rigward l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Anness II.

(3)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jrid jadotta Deċiżjoni li timmodifika l-Appendiċi 2 (Lista tax-xogħol jew l-ipproċessar li jeħtieġ li jsir fuq materjali mhux oriġinarji sabiex il-prodott manifatturat ikun jista’ jikseb status oriġinarju) tal-Anness II, li huwa bbażat fuq is-Sistema Armonizzata (SA) 2007, biex jiġu allinjati r-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott mas-SA aġġornata kif applikabbli mill-2017. Dan l-allinjament jinkludi l-bidliet introdotti mis-SA 2012, u bidliet mhux sostantivi għas-SA 2017, għar-regoli speċifiċi għall-prodott tal-Appendiċi 2. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, b’kont meħud tan-numru ta’ emendi li jeħtieġ li jsiru fl-Appendiċi 2, dak l-Appendiċi jenħtieġ li jiġi sostitwit fl-intier tiegħu.

(4)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jrid jadotta wkoll Deċiżjoni li tintroduċi Noti Spjegattivi tal-Artikoli 15, 16, 19, 20 u 30 tal-Anness II għall-Ftehim biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-uniformità fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini fir-rigward taċ-Ċertifikat tal-Moviment EUR.1, id-dikjarazzjonijiet fuq il-fattura, l-esportaturi approvati u l-verifika tal-provi tal-oriġini.

(5)

L-adożżjoni taż-żewġ Deċiżjonijiet mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni hij mistennija li sseħħ qabel tmiem l-2021.

(6)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li ż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser ikollhom effett legali fl-Unjoni.

(7)

Huwa xieraq ukoll li jitħassru d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2016/1001 (2) u (UE) 2016/1336 (3), li jistabbilixxu pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni dwar atti li m’għadhomx jiġu adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assojazzjoni għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq iż-żewġ abbozzi ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fir-rigward tal-modifiki għall-Appendiċi 2 għall-Anness II u l-introduzzjoni ta’ Noti Spjegattivi għall-Artikoli 15, 16, 19, 20 u 30 tal-Anness II għall-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq iż-żewġ abbozzi ta’ Deċiżjonijiet tal-Knsill ta’ Assoċjazzjoni (4).

Artikolu 2

Id-deċiżjonijiet (UE) 2016/1001 u (UE) 2016/1336 huma mħassra.

Artikolu 3

Ladarba jiġu adottati, iż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjonigħandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/734/UE tal-25 ta’ Ġunju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Parti IV tiegħu dwar kwistjonijiet kummerċjali (ĠU L 346, 15.12.2012, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1001 tal-20 ta’ Ġunju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali fir-rigward ta’ Noti Spjegattivi għall-Artikolu 15 tal-Anness II mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (ĠU L 164, 22.6.2016, p. 15).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1336 tat-18 ta’ Lulju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Appendiċi 2 tal-Anness II tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (ĠU L 212, 5.8.2016, p. 8).

(4)  Ara d-dokumenti ST 11697/20 u ST 11699/20 f’http://register.consilium.europa.eu