4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 408/1


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1832

tat-23 ta’ Novembru 2020

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1111 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fl-14 ta’ Settembru 2020, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(2)

Il-Ftehim għandu l-għan li jikseb l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u li jipprovdi strumenti biex jiġu miġġielda l-prattiki qarrieqa u użi inġusti tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

(3)

L-Artikolu 10 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt responsabbli mill-emendi tal-Annessi għall-Ftehim.

(4)

Huwa xieraq għall-Kunsill li, f’konformità mal-Artikolu 218(7) tat-Trattat, jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt, il-modifiki għall-Annessi I u III sa VI għall-Ftehim.

(5)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni. (3)

Artikolu 2

1.   Għall-finijiet tal-emendar tar-referenzi għal-liġi applikabbli għall-Partijiet, il-Kummissjoni hija awtorizzata tapprova, f’isem l-Unjoni, modifiki għall-Anness I għall-Ftehim.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 3 tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata tapprova, f’isem l-Unjoni, modifiki għall-Anness III u IV għall-Ftehim, kif ukoll il-modifiki korrispondenti għall-Annessi V u VI għall-Ftehim. Meta l-partijiet interessati ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim wara oġġezzjonijiet relatati ma’ indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (4)

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim. (5)

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Approvazzjoni tal-11 ta’ Novembru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1111 tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (ĠU L 244, 29.7.2020, p. 8).

(3)  Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.