4.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 409/34 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1830
tas-27 ta’ Novembru 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-40 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1982. |
(2) |
Skont il-Konvenzjoni, il-Kumitat Permanenti stabbilit mill-Konvenzjoni (“il-Kumitat Permanenti”) jista’ jadotta emendi għall-Artikoli 13 sa 24 tal-Konvenzjoni li jiġu ppreżentati lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (“il-Kumitat tal-Ministri”) għall-approvazzjoni u, wara, lill-Partijiet Kontraenti (“Partijiet”) biex jiġu aċċettati. |
(3) |
Skont il-Konvenzjoni, il-Kumitat Permanenti huwa responsabbli biex isegwi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni u jista’, b’mod partikolari, jagħmel kwalunkwe proposta biex tittejjeb l-effettività tal-Konvenzjoni. |
(4) |
Matul l-40 laqgħa tiegħu, mit-30 ta’ Novembru sal-4 ta’ Diċembru 2020, il-Kumitat Permanenti għandu jadotta deċiżjonijiet dwar l-emendar tal-Konvenzjoni sabiex jiġu introdotti klawżoli finanzjarji u dwar l-istabbiliment ta’ ftehim parzjali estiż dwar il-fond għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. |
(5) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Permanenti, billi d-deċiżjonijiet tiegħu huma atti li għandhom effetti legali. |
(6) |
Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni (is-“Segretarjat”) ippreżenta proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni u jiġi introdott mekkaniżmu finanzjarju li permezz tiegħu l-Kumitat Permanenti jiddetermina skala ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji obbligatorji mill-Partijiet biex jikkumplimentaw l-allokazzjoni tal-baġit ordinarju tal-Kunsill tal-Ewropa. |
(7) |
Skont il-Konvenzjoni, l-emendi għall-Konvenzjoni għandhom l-ewwel jiġu approvati mill-Kumitat tal-Ministri u sussegwentement jidħlu fis-seħħ għall-Partijiet kollha fit-tletin jum wara li l-Partijiet kollha jkunu nnotifikaw l-aċċettazzjoni tagħhom. |
(8) |
Is-Segretarjat ippreżenta wkoll proposta biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni intergovernattiva għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni permezz tal-istabbiliment ta’ ftehim parzjali estiż, li jkun jinkludi kontribuzzjoni finanzjarja obbligatorja għall-Partijiet għal dak il-ftehim parzjali estiż. |
(9) |
Skont l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Proċeduri u l-Metodi ta’ Ħidma, wara deċiżjoni mill-Kumitat Permanenti, il-ftehim parzjali estiż propost ser jidħol fis-seħħ għall-partijiet kollha għal dak il-ftehim parzjali estiż wara l-adozzjoni mill-Kumitat tal-Ministri b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tar-Rappreżentanti li jitfgħu vot u maġġoranza tar-Rappreżentanti intitolati li jieħdu sehem fil-Kumitat tal-Ministri u wara li jintlaħaq limitu minimu ta’ firmatarji. |
(10) |
Ladarba jiġi adottat il-ftehim parzjali estiż propost, ser ikun f’idejn il-Partijiet għall-Konvenzjoni li jiddeċiedu jekk ser isirux parti għalih. |
(11) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni futura tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-Unjoni li ssir parti għall-ftehim parzjali estiż propost. |
(12) |
Meta jitqies it-tnaqqis fil-finanzjament ipprovdut permezz tal-kontribuzzjoni ordinarja tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll it-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet volontarji mill-Partijiet, hemm ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit sors sigur u ta’ min joqgħod fuqu ta’ finanzjament għall-funzjonament tal-Konvenzjoni. |
(13) |
L-emendar tal-Konvenzjoni biex jiġi introdott mekkaniżmu finanzjarju hija allinjata ma’ kif jiġu ffinanzjati ftehimiet ambjentali multilaterali oħra u tiżgura kontribuzzjoni ġusta mill-Partijiet kollha. Madankollu, it-test tal-emenda kif propost mis-Segretarjat iħalli inċertezza fir-rigward tal-mekkaniżmu finanzjarju li għandu jiġi stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-baġits ewlenin u dawk programmatiċi, u fir-rigward tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jiġu meħtieġa. |
(14) |
L-appoġġ mill-Unjoni għall-emendar tal-Konvenzjoni biex jiġi introdott mekkaniżmu finanzjarju jkun soġġett għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218, paragrafi 2 sa 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
(15) |
It-tul taż-żmien konsiderevoli meħtieġ għan-negozjar u d-dħul fis-seħħ tal-emendar għall-Konvenzjoni jindika l-ħtieġa għal soluzzjoni finanzjarja aktar immedjata biex il-Konvenzjoni tkun tista’ tkompli b’mod effettiv fl-interim. Dik il-ħtieġa tkun issodisfata permezz tal-ftehim parzjali estiż propost. |
(16) |
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li tkun li tipproponi mozzjoni biex tipposponi d-deċiżjoni dwar l-emendar tal-Konvenzjoni u li tappoġġa l-istabbiliment ta’ ftehim parzjali estiż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, b’rabta ma’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, fl-40 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali, għandha tkun li tipproponi mozzjoni biex tipposponi sal-41 laqgħa tal-Kumitat Permanenti l-votazzjoni dwar il-proposta għall-emendatar tal-Konvenzjoni sabiex tinkludi klawżoli finanzjarji, u li tappoġġa l-istabbiliment ta’ ftehim parzjali estiż li jistabbilixxi fond ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, abbażi tal-abbozz ippreżentat lill-Kumitat Permanenti.
Artikolu 2
Fid-dawl tal-iżviluppi fl-40 laqgħa tal-Kumitat Permanenti, l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 jista’ jintlaħaq qbil dwaru, mir-rappreżentanti tal-Unjoni f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1).