1.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 402/89


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1805

tas-27 ta’ Novembru 2020

li temenda d-Deċiżjonijiet 2014/350/UE u (UE) 2016/1349 billi testendi l-perjodu ta’ validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lill-prodotti tessili u lix-xedd tas-saqajn u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom

(notifikata bid-dokument C(2020) 8152)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tessili u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE (2), tiskadi fil-5 ta’ Diċembru 2020.

(2)

Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għax-xedd tas-saqajn u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1349 (3), tiskadi fil-5 ta’ Awwissu 2022.

(3)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Ekotikketta tal-UE tat-30 ta’ Ġunju 2017 (4), il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, ivvalutat ir-rilevanza ta’ kull grupp ta’ prodotti kif ukoll ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-kriterji ekoloġiċi attwali tagħha u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom qabel ma pproponiet l-estensjoni tagħha. Għad-Deċiżjonijiet 2014/350/UE u (UE) 2016/1349 din il-valutazzjoni kkonfermat ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-gruppi ta’ prodotti, kif ukoll tal-kriterji ekoloġiċi attwali tagħhom u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika tagħhom relatati magħhom.

(4)

Barra minn hekk, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Ekotikketta tal-UE tat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, qed tissuġġerixxi soluzzjonijiet biex ittejjeb is-sinerġiji fost il-gruppi ta’ prodotti u biex iżżid l-użu tal-Ekotikketta tal-UE, inkluż ir-raggruppament tal-gruppi ta’ prodotti li huma relatati mill-qrib ma’ xulxin fejn ikun xieraq u l-iżgurar li, matul il-proċess ta’ reviżjoni, tingħata attenzjoni xierqa lill-koerenza bejn il-politiki, il-leġiżlazzjoni u l-evidenza xjentifika rilevanti tal-UE.

(5)

Sabiex tiġi ffaċilitata aktar it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari, il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tessili u għax-xedd tas-saqajn se jiġu riveduti f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (5). Għalhekk huwa xieraq li tiġi estiża l-validità tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2014/350/UE u (UE) 2016/1349 sal-istess data ta’ tmiem sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrevedi dawn iż-żewġ gruppi ta’ prodotti flimkien, u tiggruppahom jekk dan jitqies possibbli.

(6)

Sabiex jitħalla ż-żmien meħtieġ għal finalizzazzjoni sħiħa tal-proċess ta’ reviżjoni u sabiex tiġi pprovduta perspettiva affidabbli li tippermetti l-kontinwità tas-suq għad-detenturi ta’ liċenzji attwali u futuri li sadanittant ikunu jistgħu jżommu l-benefiċċji tal-Ekotikketta tal-UE fuq il-prodotti ppremjati tagħhom, il-perjodu ta’ validità tal-kriterji attwali għall-prodotti tessili u għax-xedd tas-saqajn u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjonijiet 2014/350/UE u (UE) 2016/1349 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/350/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta’ prodotti “prodotti tessili” u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom għandhom jibqgħu validi sal-31 ta’ Diċembru 2025.”.

Artikolu 2

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1349 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta’ prodotti “xedd tas-saqajn” u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom għandhom jibqgħu validi sal-31 ta’ Diċembru 2025.”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE tal-5 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tessili (ĠU L 174, 13.6.2014, p. 45).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1349 tal-5 ta’ Awwissu 2016 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għax-xedd tas-saqajn (ĠU L 214, 9.8.2016, p. 16).

(4)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (COM(2017) 355 final).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (COM(2020) 98 final).